31996D0644



Official Journal L 293 , 16/11/1996 P. 0018 - 0019


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tal-11 ta’ Novembru 1996

dwar l-estensjoni tal-protezzjoni legali ta’ topografi ta’ prodotti semikondutturi lil persuni mill-Isle of Man

(96/644/KE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 87/54/KEE [1] tas-16 ta’ Diċembru 1986 dwar il-protezzjoni legali ta’ topografi ta’ prodotti semikondutturi, u b’mod partikolari l-Artikolu 3(7) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi l-jedd ta’ protezzjoni legali ta’ topografi ta’ prodotti semikondutturi fil-Komunità japplika għal persuni li jikkwalifikaw għall-protezzjoni taħt l-Artikolu 3(1) sa (5) tad-Direttiva 87/54/KEE;

Billi dan il-jedd jista’ jkun estiż permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill lil persuni li ma jibbenefikawx mill-protezzjoni taħt l-imsemmija dispożizzjonijiet;

Billi l-estensjoni tal-protezzjoni in kwistjoni għandha tkun deċiża mill-Komunità kollha;

Billi l-Komunità, sa mis-7 ta’ Novembru 1987, estendiet dik il-protezzjoni lil persuni mill-Isle of Man permezz ta’ Deċiżjonijiet tal-Kunsill suċċessivi meħuda fuq bażi interim, li l-aħħar waħda minnhom hi Deċiżjoni 94/828/KE [2];

Billi dik id-Deċiżjoni kienet tapplika sal-31 ta’ Diċembru 1995;

Billi l-Isle of Man għandha leġislazzjoni xierqa [3] dwar il-protezzjoni ta’ topografi ta’ prodotti semikondutturi; billi dik il-leġislazzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994; billi din tapplika d-Direttiva 87/54/KEE u tagħti effett lid-Deċiżjonijiet preċedenti tal-Kunsill dwar is-suġġett; billi l-Isle of Man testendi l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni lil persuni ta’ nazzjonalità tal-Komunità;

Billi l-Ftehim dwar aspetti relatati mal-kummerċ ta’ jeddijiet ta’ proprjetà intellettwali, konkluż fil-15 ta’ April 1994, jeħtieġ Membri ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ li jagħtu protezzjoni lil topografiji b’integrated-circuit b’konformità mad-disposizzjonijiet tagħha u ma’ dawk tat-Trattat dwar Proprjetà Intellettwali għar-Rigward ta’ Integrated Circuits li jirreferi għalih;

Billi l-Ftehim, flimkien ma’ dak li tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, li miegħu hu anness, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995;

Billi hu mbassar li l-Gvern tar-Renju Unit ser japplika l-Ftehim li tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ għall-Isle of Man u li l-Ftehim dwar aspetti relatati mal-kummerċ ta’ jeddijiet ta’ proprjetà intellettwali ser ikunu implimentati għall-Isle of Man;

Billi d-disposizzjonijiet li jiggarantixxu l-protezzjoni ta’ topografi fl-Isle of Man għal persuni mill-Komunità għadhom fis-seħħ hemm hekk;

Billi l-protezzjoni għandha tkompli tkun estiża taħt id-Direttiva 87/54/KEE għall-Isle of Man, b’effett mill-1 ta’ Jannar 1996, sa dak iż-żmien li l-Isle of Man tkun marbuta bid-disposizzjonijiet tal-Ftehim dwar aspetti relatati mal-jeddijiet ta’ proprjetà intellettwali wara l-estensjoni tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ għall-Isle of Man,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri għandhom jestendu l-jedd għall-protezzjoni legali taħt id-Direttiva 87/54/KEE kif ġej:

(a) persuni naturali li huma persuni ta’ nazzjonalità ta’ l-Isle of Man jew li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju ta’ l-Isle of Man għandhom ikunu trattati bl-istess mod bħal persuni ta’ nazzjonalità ta’ Stat Membru;

(b) kumpanniji jew persuni legali oħra mill-Isle of Man li jkollhom stabbiliment reali u effettiv industrijali jew kummerċjali hemm hekk għandhom ikunu trattati daqs li kieku kellhom stabbiliment reali u effettiv industrijali jew kummerċjali fit-territorju ta’ Stat Membru.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 Jannar 1996.

L-Istati Membri għandhom jestendu l-jedd għall-protezzjoni taħt din id-Deċiżjoni lill-persuni msemmija fl-Artikolu 1 sa dak iż-żmien li l-Isle of Man tkun marbuta bid-disposizzjonijiet tal-Ftehim dwar aspetti relatati ma’ kummerċ ta’ jeddijiet ta’ proprjetà intellettwali wara l-estensjoni tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ għall-Isle of Man.

Kull jeddijiet esklużivi skond id-Deċiżjonijiet 87/532/KEE, 90/511/KEE, 94/828/KE jew taħt din id-Deċiżjoni għandhom ikomplu jipproduċu l-effetti tagħhom għall-perjodu stabbilit fid-Direttiva 87/54/KEE.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fl-1 ta’ Novembru 1996.

Għall-Kunsill

Il-President

R. Quinn

[1] ĠU L 24, tas-27.1.1987, pġ. 36.

[2] Deċiżjoni tal-Kunsill 87/532/KEE tas-26 ta’ Ottubru 1987 dwar l-estensjoni tal-protezzjoni legali ta’ topografi ta’ prodotti semikondutturi rigward persuni minn ċerti pajjiżi u territorji (ĠU L 313, ta’ l-4.11.1987, pġ. 22); Deċiżjoni tal-Kunsill 90/511/KEE tad-9 ta’ Ottubru 1990 dwar l-estensjoni tal-protezzjoni legali ta’ topografi ta’ prodotti semikondutturi lil persuni minn ċerti pajjiżi u territorji (ĠU L 285, tas-17.10.1990, pġ. 31); Deċiżjoni tal-Kunsill 93/16/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1992 dwar l-estensjoni tal-protezzjoni legali ta’ topografi ta’ prodotti semikondutturi lil persuni mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika u ċerti territorji (ĠU L 11, tad-19.1.1993, pġ. 20), kif emendati permezz tad-Deċiżjoni 93/520/KEE (ĠU L 246, tat-2.10.1993, pġ. 31); Deċiżjoni tal-Kunsill 94/828/KE tad-19 ta’ Diċembru 1994 dwar l-estensjoni tal-protezzjoni legali ta’ topografi ta’ prodotti semikondutturi lil persuni minn ċerti territorji (ĠU L 351, tal-31.12.1994, pġ. 12).

[3] Dritt ta’ Disinn (Topografi Semikondutturi) Ordni tal-14 ta’ Diċembru 1993 u Dritt ta’ Disinn (Topografi Semikondutturi) Regolamenti tat-18 ta’ Jannar 1994.

--------------------------------------------------