17.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 409/52


Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Settembru 2014 – L-Italja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-673/14)

2014/C 409/73

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentanti: A. De Stefano, avvocato dello Stato, G. Palmieri, aġent)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Gvern Taljan ressaq kawża quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2014) 4537 finali, tad-9 ta’ Lulju 2014, innotifikata fl-10 ta’ Lulju 2014, dwar l-istabbiliment, mill-kumpannija SEA S.p.A., tal-kumpannija Airport Handling S.p.A..

Permezz ta’ tali miżura, il-Kummissjoni Ewropea, fetħet investigazzjoni formali kontra r-Repubblika Taljana, fejn preliminarjament innotat li:

l-istabbiliment, mill-kumpannija SEA S.p.A., tal-kumpannija Airport Handling S.p.A. u l-għoti ta’ kapital konsegwenti li jammonta għal EUR 25 miljun jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq intern;

il-kumpannija Airport Handling S.p.A. tista’ tiġi kkunsidrata bħala s-suċċessur tal-kumpannija SEA Handling S.p.A., u b’hekk tibqa’ tibbenefika mill-għajnuna mogħtija lil tali kumpannija koperta mid-Deċiżjoni C (2012) 9448 finali, tad-19 ta’ Diċembru 2012, bil-konsegwenza li l-Airport Handling S.p.A. jkollha l-obbligu ta’ SEA Handling S.p.A. sabiex tħallas lura tali għajnuna.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur u fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali u tal-Artikoli 10 u 13 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999.

Id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata mingħajr ma ttieħdu inkunsiderazzjoni l-provi u l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Taljani fl-istadju ta’ qabel l-investigazzjoni u ġiet adottata bi ksur tal-prinċipju, kemm-il darba ripetut mill-Qorti tal-Ġustizzja, li jgħid li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom l-obbligu tal-kooperazzjoni leali sabiex jegħlbu d-diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu waqt l-implementazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rkupru tal-għajnuna mill-Istat.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur u fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ diliġenza u ta’ imparzjalità tal-azzjoni amministrattiva.

Il-Kummissjoni ma eżamintax bid-diliġenza dovuta l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Taljani fl-istadju tal-investigazzjoni minn qabel u, għaldaqstant, ibbażat id-deċiżjoni kkontestata fuq rikostruzzjoni żbaljata tal-fatti.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur u l-applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ prudenza u ta’ proporzjonalità tal-azzjoni amministrattiva.

Id-deċiżjoni kkontestata kisret dawn il-prinċipji, li kienu jeħtieġu li l-Kummissjoni tistenna minn tal-inqas sakemm tasal għat-tmiem tagħha l-ewwel istanza tal-kontestazzjoni tad-Deċiżjoni C (2012) finali, tad-19 ta’ Diċembru 2012, u, għaldaqstant, interferixxiet b’mod prematur f’operazzjoni ta’ kumpannija li kienet għadha fl-istadji tal-bidu.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur u fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikoli 108, 120, 145 u 146 tat-TFUE.

Id-deċiżjoni kkontestata, abbażi ta’ allegata rikostruzzjoni żbaljata tal-fatti, għandha bħala effett li tipprojbixxi lil SEA S.p.A. milli topera fis-suq tal-handling (immaniġġjar) fl-ajruporti ta’ Milan u milli tiggarantixxi, bħala ġestjonarji ta’ dawn l-ajruporti, il-kontinwità tas-servizz.

5.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 108 TFUE, b’riferiment għall-allegata kontinwità bejn l-attivitjiet tal-kumpannija ta’ SEA Handling u Airport Handling.

Id-deċiżjoni kkontestata tqis b’mod żbaljat li hemm kontinwità bejn SEA Handling S.p.A. u Airport Handling S.p.A..

6.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 108 TFUE, b’riferiment għall-allegata imputabbiltà lill-Istat tal-miżura ta’ għajnuna.

Id-deċiżjoni kkontestata tqis b’mod żbaljat li l-awtoritajiet pubbliċi huma responsabbli għad-deċiżjoni ta’ SEA S.p.A. li tistabbilixxi Airport Handling S.p.A. u li tipprovdiha b’kapital azzjonarju inizjali.

7.

Is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 108 tat-TFUE, b’riferiment għall-allegat nuqqas ta’ razzjonalità ekonomika.

Id-deċiżjoni kkontestata tqis b’mod żbaljat li d-deċiżjoni ta’ SEA S.p.A. li tistabbilixxi Airport Handling S.p.A. ma tikkorrispondix għal aġir ta’ operatur ekonomiku f’ekonomija tas-suq.