23.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 278/51


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-16 ta’ Ottubru 2009

dwar deroga mid-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2001/822/KE, rigward ir-regoli ta’ oriġini tal-gambli u gambli kbar, li huma preparati u priservati, ġejjin mill-Groenlandja

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 7813)

(2009/776/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas-27 ta’ Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjonili għandhom il-pajjiżi u t-territorji lil hinn mix-xtut tal-Komunità Ewropea (1), u notevolment l-Artikolu 37 tal-Anness III tagħha,

Billi:

(1)

Fit-28 ta’ Diċembru 2001 il-Kummissjoni addottat id-Deċiżjoni 2001/936/KE li tidderoga mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti li joriġinaw” biex tieħu f’konsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-Groenlandja fir-rigward tal-gambli u gambli kbar tal-ispeċi Pandalus borealis  (2). Din id-deroga skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2006.

(2)

Permezz ta’ ittra bid-data tas-26 ta’ Ġunju 2009, li waslet fis-6 ta’ Lulju 2009, il-Groenlandja talbet għal deroga mir-regoli ta’ oriġini stipulati fl-Artikolu 37 tal-Anness III tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE rigward kwantità annwali ta’ 2 500 tunnellata metrika ta’ gambli u gambli kbar, li huma preparati u priservati tal-ispeċi Pandalus borealis, li jiġu esportati mill-Groenlandja.

(3)

Il-Groenlandja bbażat it-talba tagħha fuq il-fatt li matul ċerti perjodi tas-sena jkun hemm nuqqas fil-provvisti tal-gambli u gambli kbar li joriġinaw minn hemm.

(4)

L-Artikolu 37 tal-Anness III tad-Deċiżjoni 2001/822/KE rigward id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti li joriġinaw” u metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva jipprevedi li derogi mir-regoli ta’ oriġini huma permessi meta dan huwa ġustifikat bl-iżvilupp ta’ industriji eżistenti jew bil-ħolqien ta’ industriji ġodda f’pajjiż jew territorju.

(5)

Id-deroga mitluba hija ġustifikata skont l-Artikolu 37(1) u (7) tal-Anness III għad-Deċiżjonijiet 2001/822/KE, fir-rigward tal-iżvilupp ta’ industrija eżistenti fil-Groenlandja. Peress li d-deroga qed tingħata għal prodotti li jinvolvu attwalment l-ipproċessar u peress li l-valur lokali miżjud tal-krostaċji nejjin użati li ma joriġinawx mill-post huwa mill-anqas 45 % tal-valur tal-prodott lest, din se tkun ta’ kontribut għall-iżvilupp ta’ industrija eżistenti. Id-deroga hija essenzjali għas-sopravivenza ta’ waħda mill-fabbriki tal-pajjiż. L-użu tad-deroga mogħtija fl-2001 baqa’ baxx ħafna (402 tunnellata metrika fl-2002 u żero tunnellati metriċi minn Jannar 2003 sa Diċembru 2006). Id-deroga għaldaqstant għandha tingħata għall-istess kwantità globali annwali bħal dik koperta mid-deroga mogħtija fl-2001, jiġifieri 2 100 tunnellata metrika.

(6)

Suġġett għal konformità ma’ ċerti kondizzjonijiet li għandhom x’ jaqsmu ma’ kwantità, sorveljanza u tul ta’ żmien, id-deroga ma għandhiex tikkawża ħsara serja lil settur ekonomiku jew lil industrija stabbilita tal-Komunità jew ta’ wieħed jew iktar mill-Istati Membri.

(7)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jistipula dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (3) jistipula r-regoli għat-tmexxija tal-kwoti tariffarji. Dawn ir-Regoli għandhom ikunu applikati mutatis mutandis għall-amministrazzjoni tal-kwantità li għaliha qed tingħata d-deroga permezz ta’ din id-Deċiżjoni.

(8)

Peress li qed tintalab deroga għall-perjodu li jibda’ fl-1 ta’ Awwissu 2009, id-deroga għandha tingħata b’effett minn dik id-data. Fl-ittra bid-data tas-26 ta’ Ġunju 2009 l-awtoritajiet tal-Groenlandja ssuġġerew li l-perjodu mogtħi jiskadi meta d-Deċiżjoni 2001/822/KE ma tibqax applikabbli, fil-31 ta’ Diċembru 2013.

(9)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Anness III tad-Deċiżjoni 2001/822/KE, gambli u gambli kbar, li huma preparati u priservati tal-ispeċi Pandalus borealis, imħaddna fil-kodiċi tan-NM ex 1605 20, proċessati fil-Groenlandja minn gambli u gambli kbar li ma joriġinawx mir-reġjun, għandhom jitqiesu li fil-fatt joriġinaw fil-Groenlandja skont din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-deroga prevista fl-Artikolu 1 għandha tapplika għall-kwantitajiet stipulati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni li huma importati fil-Komunità mill-Groenlandja matul il-perjodu mill-1 ta’ Awwissu 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2013.

Artikolu 3

L-Artikoli 308a, 308b u 308c tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 relatati mal-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji japplikaw mutatis mutandis għall-amministrazzjoni tal-kwantitajiet indikati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

L-awtoritajiet tad-dwana tal-Groenlandja għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jagħmlu kontrolli kwantitattivi fuq esporti tal-prodotti msemmijja fl-Artikolu 1.

Iċ-ċertifikati kollha ta’ ċirkulazzjoni EUR.1 li joħorġu għal dawk il-prodotti għandhom jinkludu referenza għal din id-Deċiżjoni.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Groenlandja għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni dikjarazzjoni kull tliet xhur tal-kwantitajiet li għalihom ikunu nħarġu ċertifikati ta’ ċirkulazzjoni tal-EUR.1 skont din id-Deċiżjoni u n-numri tas-serje ta’ dawk iċ-ċertifikati.

Artikolu 5

Kaxxa 7 taċ-ċertifikati taċ-ċirkulazzjoni EUR.1 maħruġa skont din id-Deċiżjoni għandha tikkontjeni waħda mill-indikazzjonijiet li ġejjin:

“Derogation — Decision 2009/776/EC”;

“Dérogation — Décision 2009/776/CE”.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Awwissu 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2013.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Ottubru 2009.

Għall-Kummissjoni

László KOVÁCS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 314, 30.11.2001, p. 1.

(2)  ĠU L 345, 29.12.2001, p. 91.

(3)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.


ANNESS

Nru tas-serje

Kodiċi NM

Deskrizzjoni tal-prodotti

Perjodu

Il-kwantità

(f’tunellati metriċi)

09.0691

ex 1605 20

Gambli u gambli kbar preparati jew priservati tal-ispeċi Pandalus borealis

1.8.2009 sal-31.7.2010

2 100

1.8.2010 sal-31.7.2011

2 100

1.8.2011 sal-31.7.2012

2 100

1.8.2012 sal-31.7.2013

2 100

1.8.2013 sal-31.12.2013

875