Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-Kawża T‑24/08,

Weldebräu GmbH & Co. KG, stabbilita f’Plankstadt (il-Ġermanja), irrappreżentata minn W. Göpfert, avukat,

rikorrenti

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn P. Bullock, bħala aġent,

konvenut

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija

Kofola Holding a.s., stabbilita f’Ostrava (ir-Repubblika Ċeka), irrappreżentata minn S. Hejdová u R. Charvát, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI, tal-15 ta’ Novembru 2007 (Każ R 1096/2006‑4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Weldebräu GmbH & Co. KG u Kofola Holding a.s.,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, M. Prek (Relatur) u V. M. Ciucă, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Jannar 2008,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Mejju 2008,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Mejju 2008,

wara s-seduta tad-29 ta’ Ottubru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1. Fit-23 ta’ Settembru 2003, l-intervenjenti, Kofola Holding a.s., ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 17, Vol. 01, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2. It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s‑sinjal tridimensionali li tikkorrispondi għad-deskrizzjoni ta’ “flixkun b’forma ċilindrika b’għonq dejjaq u spirali bil-kelma ‘snipp’ li hija wkoll ċilindrika”, li huwa rriprodott hawn taħt:

>image>9

3. Il-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 30, 32 u 33 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il‑klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, mad-deskrizzjoni segwenti:

– klassi 30: “kafè, te, kawkaw, kafè artifiċjali, zlazi, zlazi veġetali, ħelu, xarbiet taċ-ċikkulata, xarbiet tal-kawkaw, xarbiet tal-kafè, xarbiet tat-te aħdar, ħwawar għax-xarbiet barra ż-żjut essenzjali, għasel iswed”;

– klassi 32: “Xarbiet mhux alkoħoliċi, xarbiet mhux alkoħoliċi tal‑frott, estratt tal-frott (mhux alkoħoliku), nektar tal-frott, meraq tal-frott, ilma minerali, xarbiet bil-gass, essenzi għall‑preparazzjoni tax-xarbiet, ġulepp, birra”;

– klassi 33: “Xarbiet alkoħoliċi”.

4. L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil‑Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 2004/033, tas-16 ta’ Awwissu 2004.

5. Fis-16 ta’ Novembru 2004, ir-rikorrenti, Weldebräu GmbH & Co. KG, ressqet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għall-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6. L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark Komunitarja tridimensjonali preċedenti, li tikkonsisti fil-forma ta’ flixkun, irreġistrata fis-16 ta’ Novembru 2000 bin-Numru 690 016, li hija rriprodotta hawn taħt:

>image>10

7. Il-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti jaqgħu taħt il-klassijiet 21, 32 u 33 u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

– klassi 21: “Kontenituri tal-ħġieġ, fliexken, vażuni u ġarar (mhux magħmula minn materjal prezzjuż)”;

– klassi 32: “Birra, ilma minerali u ilma bil-gass, xorb tal-frott u meraq tal-frott, ġulepp u taħlitiet oħra għall-preparazzjoni ta’ xorb, ales, porters”;

– klassi 33: “Xarbiet alkoħoliċi (bl-eċċezzjoni tal-birer), likuri, spirti, inbejjed”.

8. Ir-raġuni invokata insostenn tal-oppożizzjoni kienet dik imsemmija fl‑Artikolu 8(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94 [(li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009].

9. Fis-26 ta’ Ġunju 2006, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l‑oppożizzjoni.

10. Fl-14 ta’ Awwissu 2006, ir-rikorrenti appellat quddiem l-UASI, skont l‑Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/64 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009), mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal‑Oppożizzjoni.

11. Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2007 (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l‑appell, billi qies essenzjalment li, fid-dawl tal-karattru distintiv medju tat-trade mark preċedenti u tad-differenzi sinjifikattivi eżistenti bejn is-sinjali kunfliġġenti, ma kienet teżisti l-ebda probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, moqri flimkien mal-Artikolu 8(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 207/2009], bejn it-trade marks kunfliġġenti min-naħa tal-konsumatur medju tal-Unjoni Ewropea.

It-talbiet tal-partijiet

12. Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

– tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

– tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

13. L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

– tiċħad ir-rikors;

– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

14. L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

– tiċħad ir-rikors;

– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

15. Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti invokat motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Hija tqis li l‑Bord tal-Appell kien żbaljat meta eskluda l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti, fis-sens ta’ din id‑dispożizzjoni. Il-UASI u l-intervenjenti jsostnu li l-Bord tal-Appell ikkonkluda ġustament li kien hemm nuqqas ta’ tali probabbiltà. .

16. Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, ir‑reġistrazzjoni tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha għandha tiġi rrifjutata jekk, minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks, teżisti probabbilta’ ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku fit‑territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta, il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

17. Skont ġurisprudenza stabbilita, ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni meta jkun hemm riskju li l-pubbliku jkun jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni jkunu ġejjin mill-istess impriża jew, jekk ikun il‑każ, minn impriżi marbutin ekonomikament. Skont din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas‑sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u fid-dawl tal‑fatturi kollha rilevanti tal-każ, b’mod partikolari tal-interdipendenza bejn ix-xebh bejn is-sinjali u dak tal-prodotti jew tas-servizzi deskritti [ara s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, Ġabra p. II‑2821, punti 30 sa 32, u l-ġurisprudenza ċċitata].

18. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Appell qies ġustament li ma teżista l-ebda probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

19. Fil-kawża preżenti, ma huwiex ikkontestat li l-pubbliku rilevanti huwa kompost minn konsumaturi medji tal-Unjoni Ewropea normalment informati u raġonevolment attenti u avżati.

20. Huwa stabbilit ukoll, hekk kif ġustament iddikjara l-Bord tal-Appell fil‑punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prodotti deskritti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li jaqgħu taħt il-klassijiet 32 u 33, huma identiċi għal dawk tat-trade mark preċedenti li jaqgħu taħt l-istess klassijiet, u li l-prodotti fil-klassi 30, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, huma simili ħafna għall-prodotti fil-klassijiet 32 u 33, koperti mit-trade mark preċedenti.

Fuq it-tqabbil tas-sinjali kunfliġġenti

21. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-evalwazzjoni ġenerali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni trid, għal dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tat-trade marks inkwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minnhom, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks li l‑konsumatur medju għandu tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali ta’ din il‑probabbiltà. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark fl-intier tagħha u ma joqgħodx jeżamina d‑dettalji differenti [ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C‑334/05 P, Ġabra p. I‑4529, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-20 ta’ Settembru 2007, Nestlé vs UASI, C‑193/06 P, Ġabra p. I‑114, punt 34; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Ġunju 2004, BMI Bertollo vs UASI – Diesel (DIESELIT), T‑186/02, Ġabra p. II 1887, punt 38].

22. Fil-kawża preżenti, jinsabu f’kunflitt żewġ sinjali tridimensjonali li jirrapreżentaw fliexken, li jikkonsistu fi flixkun ta’ forma ċilindrika u fi flixkun ta’ forma spirali. Barra minn hekk, is-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni fih l-element verbali “snipp”, imnaqqax fuq il-parti t’isfel tal-flixkun b’ittri żgħar bl-istess kulur ti egħu.

23. Hekk kif jirriżulta wkoll mill-konstatazzjonijiet imwettqa fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma ġewx ikkontestati mill-partijiet, ebda paragun fonetiku ma jista’ jitwettaq sa fejn it-trade mark preċedenti ma fiha l-ebda element verbali, u li l-element verbali “snipp”, ta’ daqs żgħir, imnaqqax fuq il-parti t’isfel tas-sinal li għalih saret l-applikazzjoni, ma jistax ikollu impatt fuq l-impressjoni ġenerali prodotta mit-trade mark. Paragun kunċettwali huwa impossibbli wkoll peress li t-trade marks kunfliġġenti huma nieqsa minn sinjifikat. Minn dan jirriżulta li t‑trade marks kunfliġġenti ma jistgħux jiġu mqabbla ħlief fuq livell viżiv.

24. Il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, li paragun viżiv globali taż-żewġ sinjali juri diversi differenzi importanti, billi bbaża ruħu b’mod partikolari fuq il-fatt li l-proporzjonijiet bejn it-tul u l‑wisa’ tal-fliexken huma differenti, li s-sinjal li saret l‑applikazzjoni għalih jippreżenta element verbali li huwa nieqes mis-sinjal preċedenti u li l-għenuq tal-fliexken jippreżentaw differenzi importanti.

25. F’dan ir-rigward, jekk ma jistax jiġi eskluż li l-element verbali “snipp”, tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, imnaqqax bl-istess kulur tal‑ħġieġ, huwa diffiċilment perċetibbli u, konsegwentement, ma jistax ikollu impatt fuq l-impressjoni ġenerali prodotta mit-trade mark, u jekk ma jistax jiġi injorat li l-għenuq tal-fliexken tas-sinjali kunfliġġenti huma t-tnejn ta’ forma spirali, u li għaldaqstant huma differenti minn għenuq tradizzjonali, xorta jibqa’ l-fatt li l-impressjoni viżiv ġenerali turi diversi differenzi importanti bejn is-sinjali kunfliġġenti, hekk kif ikkonkluda wkoll, ġustament, il-Bord tal-Appell.

26. Minn naħa, is-sinjal preċedenti jidher, f‘għajnejn il-konsumaturi medji normalment informati u raġonevolment attenti u avżati, itwal, iktar fin u għaldaqstant iktar delikat mis-sinjal li għalih saret l‑applikazzjoni, li juri forma iżgħar, wiesgħa u ħoxna, li tagħti l‑impressjoni ta’ toqol. Barra minn hekk, il-forma tal-flixkun tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni hija irregolari minħabba l-parti tonda tagħha, filwaqt li dik tas-sinjal preċedenti hija dritta. Min‑naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-għenuq, minkejja li t-tnejn huma spirali, jippreżentaw spirali differenti. Filwaqt li dak tas-sinjal preċedenti huwa iktar fin u fih biss żewġ dawriet, dak tas-sinjal li saret l-applikazzjoni għalih jidher usa’ u fih mill-inqas erbgħa dawriet.

27. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ma żbaljax meta kkonstata, fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-fatt li l-għenuq taż-żewġ fliexken jistgħu jiġu deskritti bħala ta’ “forma spirali”, huwa ftit rilevanti, fir-rigward tad‑differenzi kbar li jeżistu bejn il-forom taż-żewġ għenuq.

28. Din l-evalwazzjoni ma tistax tiddaħħal inkwistjoni mill-argumenti tar‑rikorrenti bbażati fuq il-ġurisprudenza ta’ ċerti qrati nazzjonali u fuq il-prassi tal-UASI. Fil-fatt, minn naħa, il-ġurisprudenza tal-qrati tal‑Istati Membri tikkostitwixxi biss element li, mingħajr ma tkun determinanti, tista’ biss tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tar‑reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja [sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Marzu 2003, Unilever vs UASI (Tablette ovoïde), T‑194/01, Ġabra p. II‑383, punt 68]. Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-prassi tal-UASI, id-deċiżjonijiet li jirrigwardaw ir‑reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja, li l-Bordijiet tal-Appell huma mitluba jieħdu taħt ir-Regolament Nru 40/94, jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ kompetenza limitata u mhux taħt setgħa diskrezzjonali. Għaldaqstant, il-legalità tal-imsemmija deċiżjonijiet għandha tiġi evalwata biss abbażi ta’ dan ir-regolament u mhux fuq il‑bażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti għalihom [sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tas-26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI, C‑412/05 P, Ġabra p. I‑3569, punt 65, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Novembru 2005, Sadas vs UASI – LTJ Diffusion (ARTHUR U FELICIE), T‑346/04, Ġabra p. II‑4891, punt 71].

29. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Bord tal-Appell iddikjara ġustament l-eżistenza ta’ differenzi importanti bejn is-sinjali. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li s-sinjali kunfliġġenti jippreżentaw biss xebh viżiv dgħajjef.

Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

30. L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni, u, b’mod partikolari, bejn ix-xebh tat-trade marks u x-xebh tal-prodotti jew servizzi koperti. B’hekk, grad żgħir ta’ xebh bejn il-prodotti jew is‑servizzi koperti jista’ jiġi kkumpensat minn grad għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u bil-kontra [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, Ġabra p. I‑5507, punt 17, u s‑sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Mast‑Jägermeister vs UASI – Licorera Zacapaneca (VENADO b’bordura et ), T‑81/03, T‑82/03 u T‑103/03, Rec. p. II‑5409, punt 74].

31. Fil-kawża preżenti, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 24 tad‑deċiżjoni kkontestata, li t-trade mark preċedenti kellha karattru distintiv medju. Ir-rikorrenti ma tikkontestax din il-kunsiderazzjoni iżda ssostni li l-imsemmija trade mark għandha fi kwalunkwe każ, tali karattru minħabba l-forma unika u mhux komuni tagħha, fatt stabbilit b’mod partikolari mid-diversi premji li ntrebħu minħabba l-partikolarità tal-flixkun. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, kif innota wkoll il‑Bord tal-Appell, ir-rikorrenti ma ppreżentat l-ebda argument li juri li t-trade mark tagħha kisbet karattru distintiv minħabba użu intensiv jew minħabba r-reputazzjoni tagħha.

32. Sa fejn is-sinjali kunfliġġenti jippreżentaw differenzi importanti u fejn ir-rikorrenti ma wrietx kif it-trade mark preċedenti hija nieqsa minn karattur distintiv għoli, is-sempliċi fatt li ż-żewġ fliexken għandhom għonq spirali ma jippermettix li jiġi konkluż li hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti, minkejja l-identiċità tal‑prodotti inkwistjoni.

33. Din il-konklużjoni ma tistax tiddaħħal inkwistjoni mill-argument tar‑rikorrenti li jipprovdi li l-impressjoni tattili tat-trade marks kunfliġġenti għandha rwol kunsiderevoli fil-kawża preżenti. Fil-fatt, hekk kif irrileva ġustament l-UASI, mill-metodi ta’ bejgħ tal-fliexken – jiġifieri l-preżenza tagħhom bħala prodotti ttikkettjati fl-ixkafef tal-ikel tal-ħwienet kbar jew meta jiġu ordnati fi ħwienet tax-xorb jew f’restorant – jirriżulta li l-konsumatur jikkonċentra minn qabel u prinċipalment fuq l-elementi verbali u figurattivi li hemm fuq it-tikketti tagħhom, bħall-isem tat‑trade mark, il-logo u/jew elementi figurattivi oħra li jindikaw l‑oriġini tal-prodott.

34. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li jiġi miċħud l‑uniku motiv, u, għaldaqstant, ir-rikors fl-intier tiegħu..

Fuq l-ispejjeż

35. Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

36. Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI u mill-intervenjenti.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi

1) Ir-rikors huwa miċħud.

2) Weldebräu GmbH & Co. KG hija kkundannata għall-ispejjeż.