SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

11 ta’ Lulju 2014 ( *1 )

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tax-xema’ tal-paraffin — Suq tax-xema’ ratba — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-swieq — Responsabbiltà ta’ kumpannija parent għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mwettaq mis-sussidjarja tagħha u minn impriża konġunta miżmuma parzjalment minnha — Influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent — Preżunzjoni fil-każ ta’ żamma ta’ sehem ta’ 100 % — Suċċessjoni — Proporzjonalità — Ugwaljanza fit-trattament — Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 — Ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża T‑543/08,

RWE AG, stabbilita f’Essen (il-Ġermanja),

RWE Dea AG, stabbilita f’Hamburg (il-Ġermanja),

irrappreżentati minn C. Stadler, M. Röhrig u S. Budde, avukati,

rikorrenti,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Antoniadis u R. Sauer, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament tal-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 5476 finali, tal-1 ta’ Ottubru 2008, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.181 – Xema’ tax-xemgħa), sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti, kif ukoll, sussidjarjament, talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqhom,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn O. Czúcz (Relatur), President, I. Labucka u D. Gratsias, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Marzu 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

1. Il-proċedura amministrattiva u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

1

Permezz tad-Deċiżjoni C(2008) 5476 finali, tal-1 ta’ Ottubru 2008, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.181 – Xema’ tax-xemgħa) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ikkonstatat li r-rikorrenti, RWE AG u RWE Dea AG (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “RWE”), kienu, flimkien ma’ impriżi oħra, kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), billi pparteċipaw f’akkordju relatat mas-suq tax-xema’ tal-paraffin fiż-ŻEE u mas-suq Ġermaniż tax-xema’ ratba.

2

Id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata huma, minbarra r-rikorrenti, il-kumpanniji sussegwenti: ENI SpA, Esso Deutschland GmbH, Esso Société anonyme française, ExxonMobil Petroleum and Chemical BVBA u Exxon Mobil Corp. (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “ExxonMobil”), H&R ChemPharm GmbH, H&R Wax Company Vertrieb GmbH u Hansen & Rosenthal KG (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “H&R”), Tudapetrol Mineralölerzeugnisse Nils Hansen KG, MOL Nyrt., Repsol YPF Lubricantes y Especialidades SA, Repsol Petróleo SA u Repsol YPF SA (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Repsol”), Sasol Wax GmbH, Sasol Wax, International AG, Sasol Holding in Germany GmbH u Sasol Ltd (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Sasol”), Shell Deutschland Oil GmbH,·Shell Deutschland Schmierstoff GmbH, Deutsche Shell GmbH, Shell International Petroleum Company Ltd, The Shell Petroleum Company Ltd, Shell Petroleum NV u The Shell Transport and Trading Company Ltd (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Shell”), kif ukoll Total SA u Total France SA (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Total”) (premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

3

Ix-xema’ tal-paraffin hija prodotta fir-raffinerija abbażi ta’ żejt mhux maħdum. Hija tintuża għall-produzzjoni ta’ prodotti bħal xemgħat, prodotti kimiċi, tajers u prodotti tal-karozzi, kif ukoll għall-industriji tal-gomma, tal-ippakkettjar, tal-adeżivi u taċ-ċuwingamm (premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata).

4

Ix-xema’ ratba hija l-materja prima meħtieġa għall-produzzjoni tax-xema’ tal-paraffin. Hija prodotta f’raffineriji bħala prodott sekondarju fil-produzzjoni taż-żjut ta’ bażi miż-żejt mhux maħdum. Hija tinbiegħ ukoll lil klijenti finali, pereżempju lil produtturi ta’ particle boards (premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata).

5

Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni tagħha wara li Shell Deutschland Schmierstoff informatha, permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Marzu 2005, dwar l-eżistenza ta’ akkordju filwaqt li ressqet quddiemha talba għal immunità abbażi tal-Avviż tagħha dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002”) (premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata).

6

Fit-28 u fid-29 ta’ April 2005, il-Kummissjoni pproċediet, skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), b’verifiki fil-binjiet ta’ “H&R/Tudapetrol”, ta’ ENI, ta’ MOL kif ukoll f’dawk tal-kumpanniji tal-gruppi Sasol, ExxonMobil, Repsol u Total (premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata). Ma saret ebda verifika fil-binjiet tar-rikorrenti.

7

Fil-25 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-kumpanniji msemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq, fosthom ir-rikorrenti (premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata). Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Awwissu 2007, ir-rikorrenti wieġbu għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

8

Fl-10 u fil-11 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni organizzat seduta li fiha pparteċipaw ir-rikorrenti (premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata).

9

Fid-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-provi li hija kellha, il-Kummissjoni qieset li d-destinatarji, li jikkostitwixxu l-parti l-kbira tal-produtturi tax-xema’ tal-paraffin u tax-xema’ ratba fi ħdan iż-ŻEE, kienu pparteċipaw fi ksur uniku, kumpless u kontinwu tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, li kien ikopri t-territorju taż-ŻEE. Dan il-ksur kien jikkonsisti fi ftehimiet jew fi prattiki miftiehma li jirrigwardaw l-iffissar tal-prezzijiet u l-iskambju u l-iżvelar ta’ informazzjoni sensittiva fuq il-livell kummerċjali li jaffettwaw ix-xema’ tal-paraffin (iktar ’il quddiem il-“parti prinċipali tal-ksur”). F’dak li jirrigwarda lil RWE (sussegwentement Shell), ExxonMobil, MOL, Repsol, Sasol u Total, il-ksur li jaffettwa lix-xema’ tal-paraffin kien jirrigwarda wkoll it-tqassim ta’ klijenti jew ta’ swieq (iktar ’il quddiem it-“tieni parti tal-ksur”). Barra minn hekk, il-ksur imwettaq minn RWE, ExxonMobil, Sasol u Total kien jirrigwarda wkoll ix-xema’ ratba mibjugħa lill-klijenti finali fis-suq Ġermaniż (iktar ’il quddiem il-“parti dwar ix-xema’ ratba tal-ksur”) (premessi 2, 95, 328 u l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

10

Il-prattiki li jikkostitwixxu ksur seħħew matul laqgħat antikompetittivi msejħa “laqgħat tekniċi” jew saħansitra laqgħat “Blauer Salon” mill-parteċipanti u matul il-“laqgħat tax-xema’ ratba” ddedikati speċifikament għall-kwistjonijiet dwar ix-xema’ ratba.

11

Il-multi imposti f’dan il-każ ġew ikkalkolati abbażi tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-2006”), fis-seħħ fil-mument tan-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-kumpanniji msemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq.

12

Id-deċiżjoni kkontestata tinkludi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet segwenti:

“Artikolu 1

L-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81(1) [KE] u, mill-1 ta’ Jannar 1994, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, matul il-perijodi indikati, fi ftehim kontinwu u/jew prattika miftiehma fis-settur tax-xema’ tal-paraffin fis-suq komuni u, mill-1 ta’ Jannar 1994, fiż-ŻEE:

[…]

RWE-DEA AG: mit-3 ta’ Settembru 1992 sat-30 ta’ Ġunju 2002;

RWE AG: mit-3 ta’ Settembru 1992 sat-30 ta’ Ġunju 2002.

[…]

Fir-rigward tal-impriżi segwenti, il-ksur jikkonċerna wkoll, għall-perijodi indikati, ix-xema’ ratba mibjugħa lil klijenti finali fis-suq Ġermaniż:

[…]

RWE-Dea AG: mit-30 ta’ Ottubru 1997 sat-30 ta’ Ġunju 2002;

RWE AG: mit-30 ta’ Ottubru 1997 sat-30 ta’ Ġunju 2002;

[…]

Artikolu 2

Il-multi segwenti huma imposti għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1:

ENI SpA: EUR 29 120 000;

Esso Société Anonyme Française: EUR 83 588 400,

li minnha flimkien u in solidum ma’

ExxonMobil Petroleum and Chemical BVBA u ExxonMobi1 Corporation għal EUR 34 670 400, li minnu flimkien u in solidum ma’ Esso Deutschland GmbH għal EUR 27 081 600;

Tudapetrol Mineralölerzeugnisse Nils Hansen KG: EUR 12 000 000;

Hansen & Rosenthal KG flimkien u in solidum ma’ H&R Wax Company Vertrieb GmbH: EUR 24 000 000,

li minnha flimkien u in solidum ma’

H&R ChemPharm GmbH għal EUR 22 000 000;

MOL Nyrt: EUR 23 700 000;

Repsol YPF Lubricantes y Especialidades SA flimkien u in solidum ma’ Repsol Petróleo SA u Repsol YPF SA: EUR 19 800 000;

Sasol Wax GmbH: EUR 318 200 000,

li minnha flimkien u in solidum ma’

Sasol Wax International AG, Sasol Holding in Germany GmbH u Sasol Limited għal EUR 250 700 000;

Shell Deutschland Oil GmbH, Shell Deutschland Schmierstoff GmbH, Deutsche Shell GmbH, Shell International Petroleum Company Limited, the Shell Petroleum Company Limited, Shell Petroleum NV u the Shell Transport and Trading Company Limited: EUR 0;

RWE-Dea AG flimkien u in solidum ma’ RWE AG: EUR 37 440 000;

Total France SA flimkien u in solidum ma’ Total SA: EUR 128 163 000.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

2. L-istruttura tal-grupp RWE u tal-impriża konġunta Shell & Dea Oil

13

Ir-responsabbiltà tar-rikorrenti tirriżulta mill-aġir tal-ħaddiema ta’ Dea Mineraloel AG, li saret Dea Mineraloel GmbH (iktar ’il quddiem “Dea Mineraloel”).

14

Mit-3 ta’ Settembru 1992 sat-2 ta’ Jannar 2002, Dea Mineraloel kienet sussidjarja 100 % ta’ RWE-Dea Aktiengesellschaft für Mineraloel und Chemie, mogħtija sussegwentement l-isem ġdid RWE Dea. RWE Dea kienet sussidjarja 99.4 % ta’ RWE AG.

15

Fit-2 ta’ Jannar 2002, Deutsche Shell ħadet il-kontroll konġunt ta’ Dea Mineraloel flimkien ma’ RWE Dea, permezz tal-akkwist ta’ 50 % tal-ishma f’Dea Mineraloel. Il-konċentrazzjoni kienet awtorizzata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2001) 4526, tal-20 ta’ Diċembru 2001, li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u mat-Trattat ŻEE (Każ COMP/M.2389 – Shell/Dea) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tawtorizza l-konċentrazzjoni”). Għaldaqstant Dea Mineraloel saret impriża konġunta, mogħtija l-isem ġdid Shell & Dea Oil, miżmuma sa 50 % minn Deutsche Shell u minn RWE Dea, li tgħaqqad l-attivitajiet ta’ dawn tal-aħħar fis-settur taż-żejt u tal-petrokimika.

16

Fl-1 ta’ Lulju 2002, Shell akkwistat il-bqija tal-50 % tal-ishma tal-impriża konġunta Shell & Dea Oil. Mill-2003 Shell & Dea Oil ingħatat l-isem ġdid Shell Deutschland Oil. Mill-1 ta’ April 2004, l-attività “xema’” ta’ Shell Deutschland Oil ġiet ittrasferita lis-sussidjarja tagħha miżmuma 100 %, Shell Deutschland Schmierstoff.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

17

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Diċembru 2008, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

18

Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, hija stiednet lill-partijiet jirrispondu bil-miktub għal ċerti domandi u jipproduċu ċerti dokumenti. Il-partijiet issodisfaw din it-talba fit-terminu mogħti.

19

Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-20 ta’ Marzu 2012.

20

Fid-dawl tar-rabtiet fattwali mal-Kawżi T‑540/08, Esso et vs Il‑Kummissjoni, T‑541/08, Sasol et vs Il‑Kummissjoni, T‑544/08, Hansen & Rosenthal u H&R Wax Company Vertrieb vs Il‑Kummissjoni, T‑548/08, Total vs Il‑Kummissjoni, T‑550/08, Tudapetrol vs Il‑Kummissjoni, T‑551/08, H&R ChemPharm vs Il‑Kummissjoni, T‑558/08, ENI vs Il‑Kummissjoni, T‑562/08, Repsol YPF Lubricantes y especialidades et vs Il‑Kummissjoni, u T‑566/08, Total Raffinage Marketing vs Il‑Kummissjoni, u fid-dawl tal-prossimità tal-kwistjonijiet ġuridiċi mqajma, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tagħti s-sentenza f’din il-kawża biss wara s-seduti f’dawn il-kawżi relatati, li l-aħħar waħda fosthom inżammet fit-3 ta’ Lulju 2013.

21

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn dan jikkonstata ksur, minnhom, tal-Artikoli 81(1) KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE;

tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn dan jimponilhom multa ta’ EUR 37 440 000;

sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqhom;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

22

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

23

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jqajmu tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, minħabba l-konstatazzjoni allegatament żbaljata ta’ unità ekonomika bejn ir-rikorrenti, minn naħa, u Dea Mineraloel jew Shell & Dea Oil, min-naħa l-oħra. It-tieni motiv, imqajjem sussidjarjament, huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba l-applikazzjoni żbaljata tal- Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, u b’mod partikolari minħabba l-assenza ta’ estensjoni tal-benefiċċju tat-talba għal kooperazzjoni ta’ Shell lir-rikorrenti. It-tielet motiv, imqajjem sussidjarjament, huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, minħabba n-nuqqas allegat ta’ osservanza tal-prinċipji li jirregolaw id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa.

1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-konstatazzjoni allegatament żbaljata ta ’ unità ekonomika bejn ir-rikorrenti u Dea Mineraloel jew Shell & Dea Oil

24

Ir-rikorrenti jsostnu li, billi imputatilhom ir-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn Dea Mineraloel, matul il-perijodu ta’ bejn it-3 ta’ Settembru 1992 u t-2 ta’ Jannar 2002, u għal dak imwettaq minn Shell & Dea Oil, matul il-perijodu bejn it-2 ta’ Jannar u t-30 ta’ Ġunju 2002 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ impriża konġunta”, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, peress li hija interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ impriża fis-sens ta’ tal-Artikolu 81 KE.

Osservazzjonijiet preliminari

25

Fir-rigward tar-responsabbiltà in solidum ta’ kumpannija parent għall-aġir tas-sussidjarja tagħha jew ta’ impriża konġunta miżmuma minnha, hemm lok li jitfakkar li l-fatt li sussidjarja jew impriża konġunta għandha personalità ġuridika distinta ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-possibbiltà li l-aġir tagħha jkun imputat lill-kumpannija parent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punt 132).

26

Fil-fatt, id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jinkludi l-attivitajiet tal-impriżi u l-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-metodu ta’ finanzjament tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C-97/08 P, Ġabra p. I-8237, punt 54, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2011, General Technic-Otis et vs Il‑Kummissjoni, T-141/07, T-142/07, T-145/07 u T-146/07, Ġabra p. II-4977, punt 53).

27

Il-qorti tal-Unjoni speċifikat ukoll li l-kunċett ta’ impriża, meta jitqiegħed f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1984, Hydrotherm Gerätebau, 170/83, Ġabra p. 2999, punt 11, u Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ġunju 2000, DSG vs Il‑Kummissjoni, T-234/95, Ġabra p. II-2603, punt 124). Hija b’hekk enfasizzat li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, is-separazzjoni formali bejn żewġ kumpanniji, li tirriżulta mill-personalità ġuridika distinta tagħhom, ma hijiex determinanti, peress li dak li hu deċiżiv huwa l-unità jew le, tal-aġir tagħhom fis-suq. Għalhekk jista’ jkun neċessarju li jiġi stabbilit jekk żewġ kumpanniji jew iktar li għandhom personalitajiet ġuridiċi distinti jifformawx jew jaqgħux taħt l-istess impriża jew entità ekonomika waħda li tadotta aġir uniku fis-suq (sentenza Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq, punt 140; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2005, DaimlerChrysler vs Il‑Kummissjoni, T-325/01, Ġabra p. II-3319, punt 85, u General Technic-Otis et vs Il‑Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, punt 54).

28

Meta tali entità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, twieġeb għal dan il-ksur (sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, punt 56, u sentenza General Technic-Otis et vs Il‑Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, punt 55.

29

L-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent, minħabba l-appartenenza tagħhom fl-istess impriża, meta din is-sussidjarja ma tiddefinixxix b’mod indipendenti l-aġir tagħha fis-suq, għaliex din tinsab taħt l-influwenza determinanti tal-kumpannija parent f’dan ir-rigward, fid-dawl b’mod partikolari tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, punt 58, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il‑Kummissjoni, T-9/99, Ġabra p. II-1487, punt 527).

30

L-aġir fis-suq tas-sussidjarja huwa taħt l-influwenza determinanti tal-kumpannija parent b’mod partikolari fil-każ fejn is-sussidjarja essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li jingħatawlha mill-kumpannija parent f’dan ir-rigward (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq, punti 133, 137 u 138, u tas-16 ta’ Novembru 2000, Metsä-Serla et vs Il‑Kummissjoni, C-294/98 P, Ġabra p. I-10065, punt 27).

31

L-aġir fis-suq tas-sussidjarja huwa, bħala prinċipju, ukoll taħt l-influwenza determinanti tal-kumpannija parent meta hija jkollha biss is-setgħa li tiddefinixxi jew tapprova ċerti deċiżjonijiet kummerċjali strateġiċi, jekk ikun neċessarju permezz tar-rappreżentanti tagħha fil-korpi tas-sussidjarja, filwaqt li s-setgħa ta’ definizzjoni tal-politika kummerċjali strictu sensu tas-sussidjarja hija ddelegata lill-membri tal-eżekuttiv u tat-tmexxija inkarigati mill-ġestjoni operattiva tagħha, magħżula mill-kumpannija parent u li jirrappreżentaw u jippromwovu l-interessi kummerċjali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tad-9 ta’ Settembru 2011, Alliance One International vs Il‑Kummissjoni, T-25/06, Ġabra p. II-5741, punti 138 u 139).

32

Meta l-uniformità tal-aġir fis-suq tas-sussidjarja u tal-kumpannija parent tagħha hija żgurata, b’mod partikolari fil-każijiet deskritti fil-punti 30 u 31 iktar ’il fuq, jew permezz ta’ rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi oħra li jgħaqqdu lill-kumpanniji, dawn jifformaw parti mill-istess unità ekonomika u għaldaqstant, jifformaw impriża waħda, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 27 iktar ’il fuq. Il-fatt li kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE jippermetti lill-Kummissjoni tindirizza deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent, mingħajr ma huwa meħtieġ li tiġi stabbilita l-implikazzjoni personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, punt 59).

33

Il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 25 sa 32 iktar ’il fuq tapplika wkoll għall-imputazzjoni tar-responsabbiltà lil kumpannija parent waħda jew iktar għal ksur imwettaq mill-impriża konġunta tagħhom (sentenza General Technic-Otis et vs Il‑Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, punti 52 sa 56.

34

Huwa fid-dawl ta’ dawn ir-regoli li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti u l-eżattezza tal-konstatazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna l-imputazzjoni lilhom tar-responsabbiltà għall-aġir ta’ Dea Mineraloel, miżmuma 100 % mir-rikorrenti (l-ewwel parti) u ta’ Shell & Dea Oil, miżmuma 50 % mir-rikorrenti (it-tieni parti).

Fuq l-ewwel parti, li tirrigwarda l-imputazzjoni lir-rikorrenti tar-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn Dea Mineraloel (perijodu preċedenti għat-2 ta ’ Jannar 2002)

Fuq id-deċiżjoni kkontestata

35

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tqis kif ġej:

“[...]

(545)

[L]-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ sussidjarja ma jeħtieġx l-eżerċizzju tal-ġestjoni ta’ kuljum tal-operat tas-sussidjaraja. Il-ġestjoni ta’ sussidjaraja tista’ tassew tkun fdata lis-sussidjara nnifisha, iżda dan ma jeskludix li l-kumpannija parent timponi għanijiet u politika li jaffettwaw ir-rendiment tal-grupp kif ukoll il-koerenza tiegħu, u tissanzjona kull aġir kuntrarju għal dawn l-għanijiet u għal din il-politika. Fil-fatt, RWE tammetti li RWE AG kienet tikkonċentra fuq is-suġġetti ta’ natura ġenerali, bħall-istrateġija, il-pjanifikazzjoni, il-kontroll u l-finanzjament, f’isem il-grupp RWE, u kienet tirċievi rapporti tekniċi. RWE tiddikjara wkoll li għalkemm la [l-bord tad-diretturi], u lanqas il-bord ta’ sorveljanza ta’ [RWE Dea] ma kienu eżerċitaw influwenza fuq l-attivitajiet ta’ Dea Mineraloel, dawn kienu jinteressaw ruħhom fl-attivitajiet ta’ Dea Mineraloel […] li kienu jinvolvu kapital, l-iżvilupp ta’ marġni/profitti, riskji etc, u li huma kienu jibbażaw ruħhom fuq ir-rapporti li huma kienu jirċievu, li, peress li kienu jidhru preċiżi, kienu jirrendu inutili s-superviżjoni attiva ta’ dawn l-attivitajiet [...] Dawn id-dikjarazzjonijiet jagħtu prova tal-fatt li [r-rikorrenti] kellhom interess u kellhom il-kapaċità jeżerċitaw kontroll mill-inqas fuq l-aspetti strateġiċi u finanzjarji tas-sussidjarji tagħhom u li huma effettivament eżerċitaw (ċertu) kontroll fuq ċerti aspetti strateġiċi ukoll permezz ta’ sistema ta’ rapport.

(546)

L-argumenti li x-xema’ tal-paraffin kienet biss ta’ importanza żgħira ħafna għal RWE u li r-rapporti rċevuti kienu jidhru preċiżi u li għaldaqsant, RWE AG jew [RWE Dea] ma kinux attivament jikkontrollaw l-attivitajiet ta’ Dea Mineraloel, ma jagħtux biżżejjed prova tal-awtonomija effettiva ta’ sussidjarja. Il-fatt li l-kumpannija parent nnifisha ma pparteċipatx fid-diversi attivitajiet ma huwiex determinanti fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk għandux jitqies li din tikkostitwixxi, mal-unitajiet operattivi tal-grupp, entità ekonomika unika. Id-distribuzzjoni tal-kompiti hija fenomenu normali fi ħdan grupp ta’ kumpanniji. Unità ekonomika teżegwixxi, bħala regola ġenerali, il-funżjonijiet prinċipali kollha ta’ operatur ekonomiku fi ħdan il-persuni ġuridiċi li minnhom dan jifforma parti. [...]

(553)

Il-Kummissjoni għaldaqstant tikkonkludi li RWE AG u [RWE Dea] eżerċitaw influwenza determinanti u kontroll effettiv fuq [Dea Mineraloel] mit-3 ta’ Settembru 1992 sal-1 ta’ Jannar 2002 [b’mod li dawn] jifformaw parti mill-impriża li wettqet il-ksur.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Fuq il-preżunzjoni ta’ eżistenza ta’ unità ekonomika bejn is-sussidjarja u l-unika kumpannija parent tagħha

36

Hemm lok li jitfakkar li, fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent iżżomm 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni konfutabbli li tgħid li din il-kumpannija parent teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tagħti prova li l-kapital kollu ta’ sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex jiġi preżunt li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Il-Kummissjoni sussegwentement, tkun f’pożizzjoni li tqis lill-kumpannija parent bħala responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm din il-kumpannija parent, li għandha l-oneru tikkonfuta din il-preżunzjoni, ma tipprovdix provi suffiċjenti ta’ natura li juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod indipendenti fis-suq (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, punti 60 u 61, u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà ibbażata fuq iż-żamma, minn kumpannija, tal-kapital kollu ta’ kumpannija oħra, tapplika mhux biss fil-każijiet fejn teżisti relazzjoni diretta bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha, iżda wkoll fil-każijiet fejn, bħal f’din il-kawża, din ir-relazzjoni hija indiretta fid-dawl tal-interpożizzjoni ta’ kumpannija oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Jannar 2011, General Química et vs Il‑Kummissjoni, C-90/09 P, Ġabra p. I-1, punt 90.

38

Il-kumpannija parent li żżomm kważi l-kapital kollu tas-sussidjarja tagħha tinsab, bħala prinċipju, f’sitwazzjoni analoga għal dik ta’ proprjetarju esklużiv, fir-rigward tas-setgħa tagħha li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha, fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqduha ma’ din is-sussidjarja. Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tapplika fir-rigward ta’ din is-sitwazzjoni l-istess reġim probatorju, jiġifieri li tirrikorri għall-preżunzjoni li din il-kumpannija parent għamlet użu effettiv mis-setgħa tagħha li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha. Ċertament, ma huwiex eskluż li, f’ċerti każijiet, l-azzjonisti minoritarji jista’ jkollhom, fir-rigward tal-kumpannija sussidjarja, drittijiet li jippermettu li titpoġġa f’dubju l-analoġija msemmija hawn fuq. Madankollu, minbarra l-fatt li tali drittijiet ġeneralment ma humiex marbuta ma’ ishma għalkollox minimi, bħal dawn inkwistjoni f’dan il-każ, ebda prova ta’ din in-natura ma ġiet prodotta mir-rikorrenti f’dan il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Ġunju 2011, Arkema France et vs Il‑Kummissjoni, T-217/06, Ġabra p. II-2593, punt 53).

39

Meta l-preżunzjoni ma hijiex ikkonfutata, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi li s-sussidjarja u l-kumpanniji parent diretti u indiretti jifformaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, jifformaw impriża waħda, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 27 iktar ’il fuq. Il-fatt li l-kumpanniji parent u s-sussidjarja jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE jippermetti lill-Kummissjoni tindirizza lill-kumpanniji parent deċiżjoni li timponi multi, mingħajr ma huwa meħtieġ li tiġi stabbilita l-implikazzjoni personali ta’ dawn tal-aħħar fil-ksur (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 iktar ’il fuq).

40

Skont il-ġurisprudenza, sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni deskritta fil-punt 36 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti kellhom jipproduċu kull prova relatata mar-rabtiet organizzattivi, ekonomiċi u ġuridiċi eżistenti bejnhom u bejn Dea Mineraloel li huma kienu jqisu bħala li huma tali li juru li huma ma kinux jikkostitwixxu entità ekonomika waħda. Fl-evalwazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali għandha fil-fatt tieħu inkunsiderazzjoni l-provi kollha prodotti, li n-natura u l-importanza tagħhom jistgħu jvarjaw skont il-karatteristiċi speċifiċi għal kull każ inkwistjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, T-112/05, Ġabra p. II-5049, punt 65).

41

Il-preżunzjoni inkwistjoni hija bbażata fuq il-konstatazzjonijiet li, minn naħa, ħlief f’ċirkustanzi għalkollox eċċezzjonali, kumpannija li żżomm il-kapital kollu ta’ sussidjarja tista’, fid-dawl ta’ dan is-sehem kapitali biss, teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ eżerċizzju effettiv ta’ din is-setgħa ta’ influwenza tista’ normalment titfittex b’mod l-iktar utli fil-qasam tal-entitajiet li kontrihom tapplika l-preżunzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C-521/09 P, Ġabra p. I-8947, punt 60).

42

Barra minn hekk, l-applikazzjoni ta’ tali preżunzjoni hija ġġustifikata mill-fatt li, meta l-kumpannija parent hija l-unika azzjonista tas-sussidjarja, hija għandha l-istrumenti kollha possibbli sabiex tiżgura li l-aġir kummerċjali tas-sussidjarja jirrifletti dak tagħha. B’mod partikolari, huwa l-azzjonist uniku li bħala prinċipju jiddefinixxi l-portata tal-awtonomija tas-sussidjarja permezz tal-istabbiliment tal-istatut ta’ assoċjazzjoni tagħha, li jagħżel il-ġestjonarji tagħha, u li jieħu jew japprova d-deċiżjonijiet kummerċjali strateġiċi tas-sussidjarja, jekk ikun il-każ, permezz tal-preżenza tar-rappreżentanti tiegħu fi ħdan il-korpi tagħha. Bl-istess mod, l-unità ekonomika bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha hija normalment imħarsa iktar permezz ta’ obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-kumpanniji tal-Istati Membri, bħaż-żamma ta’ kontijiet ikkonsolidati, l-obbligu għas-sussidjarja li perjodikament tagħti rendikont tal-attivitajiet tagħha lill-kumpannija parent, kif ukoll permezz tal-approvazzjoni tal-kontijiet annwali tas-sussidjarja mill-assemblea ġenerali kkostitwita mill-kumpannija parent biss, fatt li neċessarjament jimplika li l-kumpannija parent issegwi, tal-inqas f’termini wiesgħa, l-attivitajiet kummerċjali tas-sussidjarja.

43

Għalhekk, il-preżunzjoni li l-kumpannija parent fil-fatt teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali tas-sussidjarja tagħha hija ġġustifikata sa fejn din tkopri sitwazzjonijiet karatteristiċi f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet bejn sussidjarja u l-kumpannija parent unika tagħha, billi tipprovdi li ż-żamma tat-totalità jew tal-kważi totalità tal-kapital tas-sussidjarja minn kumpannija parent waħda timplika bħala prinċipju l-uniċità tal-aġir tagħhom fis-suq.

44

Xorta jibqa’ l-fatt li l-kumpanniji kkonċernati, wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, għandhom kull opportunità juru li l-mekkaniżmi deskritti fil-punt 42 iktar ’il fuq, li jwasslu normalment sabiex l-aġir kummerċjali tas-sussidjarja jirrifletti dak tal-kumpannija parent, ma ħadmux bħas-soltu, b’mod li l-unità ekonomika tal-grupp intemmet.

Fuq l-argumenti tar-rikorrenti relatati mal-konfutazzjoni tal-preżunzjoni

45

F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jikkontestawx li, abbażi taż-żamma tat-totalità tal-kapital ta’ Dea Mineraloel minn RWE Dea u taż-żamma ta’ 99.4 % tal-kapital tagħha minn RWE AG, il-Kummissjoni setgħet tippreżumi li, fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja, huma kienu effettivament eżerċitaw influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali ta’ Dea Mineraloel.

46

Madankollu, huma jqisu li, fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, huma pproduċew biżżejjed provi sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni.

– Fuq l-awtonomija operattiva ta’ Dea Mineraloel

47

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni b’mod żbaljat qieset fid-deċiżjoni kkontestata li l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti mill-kumpannija parent fuq l-aġir kummerċjali tas-sussidjarja ma kienx jeħtieġ l-“assunzjoni” tal-ġestjoni tal-affarijiet ta’ kuljum tas-sussidjarja. Għaldaqstant, l-argumenti tagħhom imressqa fir-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet huma suffiċjenti sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni.

48

L-ewwel nett, ir-rikorrenti jippreċiżaw li, bħala kumpannija prinċipali tal-grupp, RWE AG tikkonċentra fuq missjonijiet ta’ tmexxija tal-grupp, bħall-istrateġija, il-pjanifikazzjoni, il-kontroll u l-finanzjament. RWE AG ma kienet eżerċitat ebda influwenza fuq il-parti operattiva tal-attività ta’ RWE Dea jew ta’ Dea Mineraloel.

49

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li l-fatt li sussidjarja għandha t-tmexxija lokali tagħha u l-mezzi tagħha ma jagħtix prova, fih innifsu, li hija tiddefinixxi l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu meta mqabbla mal-kumpannija parent tagħha. It-tqassim tal-kompiti bejn is-sussidjarji u l-kumpanniji parent tagħhom, u, b’mod partikolari, il-fatt li t-tmexxija operattiva tingħata lill-membri tal-eżekuttiv u tat-tmexxija lokali ta’ sussidjarja miżuma 100 %, hija prassi normali tal-impriżi ta’ daqs kbir u li huma komposti minn diversi sussidjarji miżmuma, fl-aħħar mill-aħħar, mill-istess kumpannija holding finali. Għalhekk, fil-każ taż-żamma tat-totalità jew tal-kważi totalità tal-kapital tas-sussidjarja direttament involuta fil-ksur, il-provi prodotti f’dan ir-rigward ma jistgħux jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja mill-kumpannija parent u mill-kumpannija holding finali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Alliance One International vs Il‑Kummissjoni, punt 31 iktar ’il fuq, punti 130 u 131).

50

Dan l-approċċ huwa, barra minn hekk, iġġustifikat mill-fatt li, fil-każ ta’ sussidjarja miżmuma 100 %, jew kważi, minn kumpannija parent waħda, hemm bħala regola ġenerali interess kummerċjali wieħed u l-membri tal-korpi tas-sussidjarja huma maħtura u nnominati mill-azzjonist uniku, li jista’ jagħtihom istruzzjonijiet għall-inqas b’mod informali u jimponilhom kriterji ta’ rendiment. Għalhekk, f’tali każ, hemm neċessarjament relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-membri tal-eżekuttiv u tat-tmexxija tas-sussidjarja u dawk tal-kumpannija parent u l-imsemmija membri tal-eżekuttiv u tat-tmexxija jaġixxu neċessarjament billi jirrappreżentaw u billi jippromwovu l-uniku interess kummerċjali li jeżisti, jiġifieri dak tal-kumpannija parent (ara l-punt 31 iktar ’il fuq). Għalhekk, l-uniċità ta’ aġir fis-suq tal-kumpannija parent u tas-sussidjarja tagħha hija żgurata minkejja kull awtonomija mogħtija lill-membri tal-eżekuttiv u tat-tmexxija tas-sussidjarja f’dak li jirrigwarda t-tmexxija operattiva ta’ din tal-aħħar, li taqa’ taħt id-definizzjoni tal-politika kummerċjali stricto sensu tagħha. Barra minn hekk, bħala regola ġenerali, huwa l-azzjonist uniku li jiddefinixxi waħdu u skont l-interessi tiegħu l-modalitajiet ta’ teħid tad-deċiżjoni tas-sussidjarja u li jiddeċiedi dwar il-portata tal-awtonomija operattiva tagħha, fatt li huwa jista’ jbiddel skont ir-rieda tiegħu billi jbiddel ir-regoli li jirregolaw il-funzjonament tas-sussidjarja jew fil-kuntest ta’ ristrutturazzjoni, jew saħansitra permezz tal-ħolqien ta’ strutturi informali ta’ teħid ta’ deċiżjoni. Għaldaqstant, bħala prinċipju, il-membri tal-eżekuttiv u tat-tmexxija tas-sussidjarja jiżguraw b’dan il-mod il-konformità tal-aġir kummerċjali tas-sussidjarja ma’ dak tal-bqija tal-grupp fl-eżerċizzju tal-kompetenzi awtonomi tagħhom.

51

It-tieni nett, hemm lok li jiżdied li l-elementi invokati mir-rikorrenti jaqgħu taħt il-kunċett tal-ġestjoni diċentralizzata, li hija tipika għall-impriżi ta’ daqs kbir u li jwettqu attivitajiet differenti, u ma jaqgħu taħt ebda ċirkustanza eċċezzjonali. Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti jammettu li RWE AG kienet tikkonċentra fuq suġġetti bħall-istrateġija, il-pjanifikazzjoni, il-kontroll u l-finanzjament, f’isem il-grupp, u kienet tirċievi rapporti tekniċi min-naħa ta’ Dea Mineraloe filwaqt li RWE Dea kienet tinteressa ruħha fl-attivitajiet ta’ Dea Mineraloe li kienu jinvolvu kapital, fl-iżvilupp ta’ marġni jew ta’ profitti u fir-riskji.

52

It-tielet nett, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni segwiet approċċ inkoerenti fid-deċiżjoni kkontestata, peress li hija eżaminat it-tmexxija operattiva fil-kuntest tal-imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-aġir tal-impriża konġunta ta’ BP u ta’ Mobil (premessa 374 tad-deċiżjoni kkontestata) lil dawn il-kumpanniji parent. Il‑Kummissjoni madankollu rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-awtonomija operattiva ta’ Dea Mineraloel.

53

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat (ara wkoll l-eżami tat-tieni parti ta’ dan il-motiv) li s-setgħat rispettivi ta’ kull waħda mill-kumpanniji parent fit-tmexxija operattiva ta’ impriża konġunta jikkostitwixxu element rilevanti fl-evalwazzjoni tal-imputabbiltà, lill-kumpanniji parent, tar-responsabbiltà għall-ksur imwettaq mill-impriża konġunta, peress li t-tmexxija konġunta tal-impriża konġunta hija xhieda tal-unità ekonomika bejn l-impriża konġunta u l-kumpanniji parent li jeżerċitaw din it-tmexxija konġunta. Madankollu, fil-każ ta’ Dea Mineraloel, din ma hijiex impriża konġunta, iżda sussidjarja miżmuma 100 % minn RWE Dea, li fir-rigward tagħha japplika reġim probatorju differenti minħabba l-eżistenza ta’ azzjonist wieħed, ta’ interess kummerċjali wieħed u minħabba l-fatt li l-membri tal-eżekuttiv u tat-tmexxija kollha huma maħtura u nnominati, direttament jew indirettament, mill-unika kumpannija parent (ara l-punti 42 u 50 iktar ’il fuq).

54

Għaldaqstant, l-argument ibbażat fuq l-eżami tal-imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-ksur imwettaq mill-impriża konġunta stabbilita minn BP u Mobil huwa irrilevanti.

55

Minn dan jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-awtonomija operattiva ta’ Dea Mineraloel, li ma jistgħux juru li l-unità ekonomika bejnha u bejn ir-rikorrenti ntemmet, għandhom jiġu miċħuda.

– Fuq l-assenza ta’ influwenza fuq l-attivitajiet li jikkonċernaw ix-xema’ tal-paraffin u fuq il-perċentwali żgħira ta’ bejgħ ta’ dawn il-prodotti fid-dħul mill-bejgħ ta’ Dea Mineraloel

56

Ir-rikorrenti jsostnu li RWE AG ma tat ebda istruzzjoni lil Dea Mineraloel fir-rigward tal-ġestjoni tal-affarijiet ta’ kuljum. Huwa biss fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta’ proġetti kbar ta’ importanza kbira għall-grupp kollu li kien neċessarju li tinkiseb l-awtorizzazzjoni tal-bord tad-diretturi u tal-bord ta’ sorveljanza ta’ RWE AG. Madankollu, peress li l-attività “xema’ tal-paraffin” qatt ma kienet ta’ importanza għall-grupp fl-intier tiegħu, qatt ma saru domandi lil dawn il-korpi ta’ RWE AG dwar il-ġestjoni f’dan il-qasam.

57

Bl-istess mod, ir-rikorrenti jirrilevaw li la l-bord tad-diretturi u lanqas il-bord ta’ sorveljanza ta’ RWE Dea ma eżerċitaw influwenza fuq l-attività “xema’ tal-paraffin” ta’ Dea Mineraloel, u lanqas taw istruzzjonijiet lil din tal-aħħar fir-rigward ta’ din l-attività. Barra minn hekk, fir-rigward tal-produzzjoni tax-xema’ tal-paraffin, il-bord tad-diretturi ta’ RWE Dea kellu biss għarfien dwar il-preżentazzjoni ta’ kull ġimgħa tal-kontijiet, li jinkludu sunt tal-profitti u tat-telf tal-attività ta’ Mineralölwerk Grasbrook. Din il-preżentazzjoni ta’ kull ġimgħa tal-kontijiet kienet essenzjalment ikkorrispondiet għall-profitti u għat-telf ta’ kull xahar ipprovduti mid-dipartiment tal-kontabbiltà. Dan huwa għaliex ma kienx neċessarju, mil-lat tal-bord tad-diretturi ta’ RWE Dea, li tiġi attivament segwita l-attività “xema’ tal-pariffin”.

58

Skont ir-rikorrenti, l-attività kkonċernata mill-akkordju tirrappreżenta biss 0.1 sa 0.2 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ Dea Mineraloel, fatt li jikkostitwixxi “indikazzjoni kbira” tal-assenza ta’ influwenza determinati tal-membri tal-eżekuttiv u tat-tmexxija tal-grupp.

59

L-ewwel nett, skont il-ġurisprudenza, ma huwiex minħabba relazzjoni ta’ istigazzjoni relatata mal-ksur bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja u lanqas, a fortiori, minħabba l-implikazzjoni tal-ewwel waħda f’dan il-ksur, iżda minħabba l-fatt li dawn jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE li l-Kummissjoni tista’ tindirizza d-deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent ta’ grupp ta’ kumpanniji. Għaldaqstant, l-imputazzjoni lill-kumpannija parent tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ sussidjarja ma teħtieġx il-produzzjoni tal-prova li l-kumpannija parent tinfluwenza l-politika tas-sussidjarja tagħha fil-qasam speċifiku li kien is-suġġett tal-ksur. Minn dan jirriżulta li l-fatt li l-membri tal-eżekuttiv u tat-tmexxija tal-kumpannija parent ma għandhomx għarfien dwar il-ksur, u li huma ma jagħtux istruzzjonijiet relatati mal-produzzjoni jew mal-bejgħ tal-prodotti suġġetti għall-kartell, huwa irrilevanti mil-lat tal-konfutazzjoni tal-preżunzjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punti 58 u 83, u tat-13 ta’ Lulju 2011, Shell Petroleum et vs Il‑Kummissjoni, T-38/07, Ġabra p. II-4383, punti 69 u 70).

60

Bl-istess mod, għal raġunijiet identiċi, il-fatt li l-qasam jew l-attività affettwata mill-ksur jirrappreżenta biss perċentwali żgħira mill-attivitajiet kollha tal-grupp jew tal-kumpannija parent ma huwiex ta’ natura li jagħti prova tal-indipendenza ta’ din is-sussidjarja fir-rigward tal-kumpannija parent tagħha u, għaldaqstant, huwa irrilevanti fir-rigward tal-applikazzjoni tal-preżunzjoni li l-kumpannija parent effettivament eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali tas-sussidjarja fis-suq (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2009, Arkema vs Il‑Kummissjoni, T‑168/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 79; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ April 2007, Bolloré et vs Il‑Kummissjoni, T-109/02, T-118/02, T-122/02, T-125/02, T-126/02, T-128/02, T-129/02, T-132/02 u T-136/02, Ġabra p. II-947, punt 144).

61

Barra minn hekk, il-perċentwali żgħira tal-bejgħ tal-prodotti suġġetti għall-kartell fid-dħul mill-bejgħ tal-grupp ma tbiddilx il-fatt li l-profitti u t-telf magħmula f’dan il-qasam huma inklużi, bħala regola ġenerali, fil-profitti u fit-telf ikkonsolidati tal-kumpanniji parent. Għaldaqstant, il-profitabbiltà ta’ dawn l-attivitajiet hija ta’ interess għall-kumpanniji parent u għall-grupp fl-intier tiegħu.

62

L-ewwel nett, hemm lok li jitfakkar li l-preżenza ta’ istruzzjonijiet formali mogħtija mill-kumpannija parent lis-sussidjarja tagħha ma hijiex neċessarjament meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-unità ekonomika bejn dawn il-kumpanniji (ara l-punt 31 iktar ’il fuq). Fil-fatt, l-unità ekonomika bejniethom hija wkoll żgurata meta s-setgħa ta’ definizzjoni tal-politika kummerċjali stricto sensu tas-sussidjarja hija ddelegata lill-membri tal-eżekuttiv u tat-tmexxija inkarigati mit-tmexxija operattiva tagħha, magħżula u miżmuma fil-pożizzjonijiet tagħhom mill-kumpannija parent, li jirrappreżentaw u jippromwovu l-uniku interess kummerċjali eżistenti, jiġifieri dak tal-kumpannija parent li hija l-unika proprjetarja. Dawn il- membri tal-eżekuttiv u tat-tmexxija għaldaqstant jiżguraw il-konformità tal-aġir kummerċjali tas-sussidjarja ma’ dak tal-kumpannija parent fl-eżerċizzju tal-kompetenzi awtonomi tagħhom (ara l-punt 50 iktar ’il fuq). Intervent tal-kumpannija parent jista’ għaldaqstant ikun irriżervat għas-sitwazzjonijiet fejn il-profitti u t-telf tas-sussidjarju ma jkunux konformi mal-aspettattivi tal-kumpannija parent, filwaqt li, fil-każ ta’ rendiment normali, il-kumpannija parent tista’ tillimita ruħha ssegwi l-attivitajiet tas-sussidjarja permezz tar-rapporti redatti minnha u tapprova deċiżjonijiet strateġiċi eventwali.

63

Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti, ibbażati fuq l-assenza ta’ influwenza eżerċitata minnhom fil-qasam tax-xema’ tal-paraffin, għandhom jiġu miċħuda.

64

Għaldaqstant, hemm lok li tiġi kkonfermata l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li r-rikorrenti u Dea Mineraloel kienu jifformaw parti mill-impriża li wettqet il-ksur matul il-perijodu ta’ bejn it-3 ta’ Settembru 1992 u l-1 ta’ Jannar 2002. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball billi żammithom responsabbli għall-ksur.

Fuq l-allegata responsabbiltà mingħajr ħtija tar-rikorrenti

65

Ir-rikorrenti jqisu li l-approċċ segwit mill-Kummissjoni f’dan il-każ jimplika responsabbiltà “prattikament nieqsa minn kull ħtija”, fatt li jkun inkompatibbli mal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali. Il-konsegwenza taċ-ċaħda tal-argumenti tar-rikorrenti mressqa sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti tkun li din il-preżunzjoni tiġi ttrasformata f’preżunzjoni inkonfutabbli ta’ eżistenza ta’ unità ekonomika fil-każ ta’ sussidjarji miżmuma 100 % minn kumpannija parent.

66

Hemm lok li jitfakkar li l-applikazzjoni tal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv, mill-kumpannija parent, ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali tas-sussidjarja tagħha hija ġġustifikata, sa fejn din tkopri sitwazzjonijiet karatteristiċi f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet bejn sussidjarja u l-unika kumpannija parent tagħha, u li din il-preżunzjoni ma hijiex inkonfutabbli (ara l-punti 41 sa 44 iktar ’il fuq).

67

Il-konfutazzjoni tal-preżunzjoni ma hijiex madankollu kwistjoni ta’ kwantità u ta’ dettall ta’ provi fil-każ li dawn jagħtu prova ta’ sitwazzjoni normali ta’ organizzazzjoni f’impriża multinazzjonali kbira, fejn is-setgħat tat-tmexxija operattiva huma ddelegati lill-membri tal-eżekuttiv u tat-tmexxija tal-unitajiet lokali tagħha. Sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni, huwa neċessarju li jiġu ppreżentati ċirkustanzi mhux normali li juru li, minkejja ż-żamma tal-kapital kollu tas-sussidjarji tal-grupp mill-kumpanniji parent tagħhom, l-unità ekonomika tal-grupp intemmet, peress li l-mekkaniżmi li jiżguraw li l-aġir kummerċjali tas-sussidjarji jirrifletti dak tal-kumpanniji parent ma kinux jaħdmu b’mod normali.

68

Barra minn hekk, skont il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet, li huwa applikabbli f’kull proċedura amministrattiva li tista’ twassal għal sanzjonijiet skont ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, impriża għandha tiġi ssanzjonata biss għall-fatti li hija individwalment akkużata bihom (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, T-45/98 u T-47/98, Ġabra p. II-3757, punt 63).

69

Madankollu, dan il-prinċipju għandu jiġi kkonċiljat mal-kunċett ta’ impriża u mal-ġurisprudenza li tgħid li l-fatt li l-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE jawtorizza lill-Kummissjoni tindirizza d-deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent ta’ grupp ta’ kumpanniji. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ġew personalment issanzjonati għall-ksur li huma meqjusa li wettqu huma stess minħabba r-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi stretti li jgħaqqduhom ma’ Dea Mineraloel li jirriżultaw miż-żamma tal-kapital kollu ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Metsä-Serla et vs Il‑Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, punt 34).

70

Minn dan li jippreċedi jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet tikkonstata, abbażi tal-preżunzjoni inkwistjoni, li f’dan il-każ ma hijiex ikkonfutata, li r-rikorrenti kienu jifformaw parti mill-“impriża” li kienet kisret l-Artikolu 81 KE. Għaldaqstant, il-prinċipji ta’ responsabbiltà personali u ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet ġew osservati.

71

Minn dan jirriżulta li dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

72

Fid-dawl ta’ dan li ntqal, hemm li jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, meta hija imputat lir-rikorrenti r-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn Dea Mineraloel.

73

Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

Fuq it-tieni parti, li tikkonċerna l-imputazzjoni lir-rikorrenti tar-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn Shell & Dea Oil (perijodu mit-2 ta ’ Jannar sat-30 ta ’ Ġunju 2002)

74

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni b’mod żbaljat imputatilhom ir-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn Shell & Dea Oil, impriża konġunta miżmuma f’ishma ugwali minn RWE Dea u minn Shell, matul il-perijodu ta’ impriża konġunta, mit-2 ta’ Jannar sat-30 ta’ Ġunju 2002. Huma jsostnu li, minn wara li ġiet stabbilita l-impriża konġunta, Shell ħadet il-kontroll operattiv tagħha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx timponi fuq ir-rikorrenti multa għal ksur imwettaq minn din l-entità.

75

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żammet lil Shell u lil RWE responsabbli in solidum għall-aġir antikompetittiv ta’ Shell & Dea Oil (premessa 552 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija imputat ir-responsabbiltà għal tali ksur lir-rikorrenti abbażi tal-kunsiderazzjonijiet segwenti:

“[...]

(510)

Meta Shell u [RWE Dea] stabbilixxew l-impriża konġunta tagħhom f’Jannar 2002, il-kumpannija eżistenti, Dea Mineraloel [...] serviet bħala strument għall-impriża konġunta, li, fit-2 ta’ Jannar 2002, ingħatat l-isem ġdid Shell & Dea Oil GmbH u saret, simultanjament, sussidjarja taħt kontroll konġunt ta’ Deutsche Shell GmbH (50 %) u ta’ [RWE Dea] (50 %). L-impriża konġunta ġiet stabbilita bl-intenzjoni li wara perijodu intermedju, li jibda bl-istabbiliment tal-impriża konġunta u li jintemm mhux iktar tard mill-1 ta’ Lulju 2004, Shell tikseb il-kontroll esklużiv tal-attivitajiet assoċjati. Matul il-perijodu intermedju, il-membri tal-bord tad-diretturi li kienu responsabbli għall-ġestjoni tal-affarijiet ta’ kuljum tal-impriża konġunta kellhom jinħatru b’mod ġust minn kull azzjonist, il-president tal-bord tad-diretturi madankollu kellu vot deċiżiv u kien maħtur minn Shell. Barra minn hekk, kull waħda mill-partijiet kellha ċerti drittijiet ta’ veto intiżi sabiex jipproteġu l-influwenza determinanti tagħhom fuq l-impriża konġunta u, għaldaqstant, matul il-perijodu intermedju, Shell u RWE eżerċitaw kontroll [b’mod] konġunt fuq l-impriża konġunta [f’dan ir-rigward, in-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 666 tad-deċiżjoni kkontestata tirreferi għad-deċiżjoni li tawtorizza l-konċentrazzjoni].

[…]

(549)

[Mill-ġurisprudenza, b’mod partikolari mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-27 ta’ Settembru 2006, Avebe vs Il‑Kummissjoni, T-314/01, Ġabra p. II-3085] jirriżulta li s-setgħa ta’ tmexxija li kumpannija għandha fuq oħra tista’ tikkostitwixxi l-prova fattwali tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq l-impriża l-oħra. F’dan il-każ, is-setgha ta’ tmexxija konġunta ta’ Shell u ta’ RWE fi ħdan il-bord tad-diretturi tal-impriża konġunta ġiet ipprovata (ara l-premessa 510) abbażi tal-ftehim ta’ impriża konġunta. Il-membri tal-bord tad-diretturi, responsabbli għall-operat ta’ kuljum tal-impriża konġunta, kellhom ukoll jinħatru minn kull [soċju]. Ir-riżoluzzjonijiet tal-assemblea tas-[soċji] kellhom jittieħdu permezz ta’ maġġoranza sempliċi (kull parti kellha 50 % tad-drittijiet ta’ vot, id-deċiżjonijiet setgħu jiġu bblokati minn waħda mill-partijiet jew mill-oħra). Matul il-perijodu inkwistjoni, ċerti deċiżjonijiet kellhom jittieħdu minn kumitat ta’ impriża konġunta kompost minn sitt membri, nofshom maħtura minn kull [soċju], fejn id-deċiżjonijiet kienu jeħtieġu l-unanimità. Il-kumitat ta’ impriża konġunta kellu l-libertà kollha u l-awtorità kollha għal ċertu numru ta’ deċiżjonijiet strateġiċi bħall-pjan kummerċjali, il-baġit ta’ nfiq annwali, il-bidliet strutturali fi ħdan l-impriża konġunta, l-investimenti ogħla minn ċertu ammont u l-ħatra tal-membri tal-bord tad-diretturi (id-“drittijiet ta’ veto” msemmija fil-premessa 510). Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn id-drittijiet ta’ veto li jipproteġu l-influwenza determinanti ta’ kull waħda mill-partijiet fuq l-impriża konġunta, il-Kummissjoni tikkonkludi li, matul il-perijodu ta’ impriża konġunta, Shell u RWE eżerċitaw kontroll konġunt fuq l-impriża konġunta [ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 680 tad-deċiżjoni kkontestata u d-deċiżjoni li tawtorizza l-konċentrazzjoni].

(550)

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-president tal-bord tad-diretturi, maħtur minn Shell, kellu vot deċiżiv ma jistax jitqies bħala fattur importanti, u inqas u inqas bħala fattur determinanti, li jista’ jqiegħed f’dubju r-responsabbiltà konġunta ta’ Shell u ta’ RWE […] għaliex din is-sistema ma taffettwax id-drittijiet ta’ veto. Fid-dawl tal-istruttura ta’ ġestjoni tal-impriża konġunta, l-argument imressaq minn RWE, li jgħid li l-politika kummerċjali u tariffarja tal-impriża konġunta kienet taqa’ taħt id-deċiżjonijiet u taħt il-kontroll ta’ Shell biss u t-tmexxija tal-impriża konġunta kienet integrata fl-istruttura ta’ Shell, ma jistax jiġi milqugħ. Bl-istess mod, il-fatt li kien ġie previst, mill-istabbiliment tal-impriża konġunta, li Shell kienet ser tassumi l-kontroll sħiħ tal-attività wara l-perijodu ta’ tranżazzjoni ma jbiddel xejn mill-fatt li, matul il-perijodu ta’ tranżazzjoni, l-impriża konġunta kienet, għar-raġunijiet imsemmija fil-premessi (510) u (549), taħt il-kontroll konġunt ta’ Shell u ta’ RWE.

(551)

Għaldaqstant, fid-dawl tas-setgħa ta’ tmexxija konġunta (u, mod partikolari, tal-kumitat ta’ impriża konġunta) u tal-fatt li Shell u RWE kienu jikkontrollaw flimkien il-kapital kollu tal-impriża konġunta (kull waħda minnhom kellha 50 %), il-konklużjonijiet relatati mar-responsabbiltà ta’ kull waħda mill-kumpanniji parent f’din il-kawża huma konformi mas-sentenza [Avebe vs Il‑Kummissjoni].

(553)

[...] RWE AG u RWE-Dea AG eżerċitaw influwenza determinanti u kontroll effettiv fuq [l-impriża konġunta] mit-2 ta’ Jannar 2002 sat-30 ta’ Ġunju 2002 (flimkien mal-grupp Shell). Għaldaqstant, RWE AG u RWE-Dea AG għandhom jitqiesu flimkien u in solidum bħala responsabbli mal-grupp Shell għall-aġir ta’ [...] Shell & Dea Oil bejn it-2 ta’ Jannar 2002 u t-30 ta’ Ġunju 2002. Għaż-żewġ perijodi, RWE AG u RWE-Dea AG jifformaw parti mill-impriża li wettqet il-ksur.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

L-argumenti tal-partijiet

76

L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li, kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni affermat fid-deċiżjoni kkontestata, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Avebe vs Il‑Kummissjoni (T-314/01, Ġabra p. II-3085), ma tistabbilixxix preżunzjoni ġenerali fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali ta’ impriża konġunta miżmuma f’partijiet ugwali minn żewġ kumpanniji parent.

77

It-tieni nett, huma jqisu li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx it-“tmexxija konġunta” minn Shell u minn RWE tal-impriża konġunta. Huma jenfasizzaw li t-tmexxija konġunta ġiet stabbilita fis-sentenza Avebe vs Il‑Kummissjoni, punt 76 iktar ’il fuq, abbażi ta’ indizji li huma nieqsa f’dan il-każ.

78

B’mod partikolari, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Avebe vs Il‑Kummissjoni, punt 76 iktar ’il fuq, il-kumpanniji parent kienu “responsabbli konġuntament” fir-rigward tal-politika tal-impriża u huma kienu rrappreżentati b’mod ugwali fl-oqsma kollha, inkluż fil-qasam ta’ tmexxija (diretturi). Għall-kuntrarju, f’dan il-każ, anki jekk it-tmexxija kienet żgurata b’mod ugwali, il-president tal-bord tad-diretturi, maħtur minn Shell, kellu vot deċiżiv f’każ ta’ numru ugwali ta’ voti.

79

Barra minn hekk, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Avebe vs Il‑Kummissjoni, punt 76 iktar ’il fuq, l-impriża konġunta kellha regolarment tagħmel rapporti lil persuni nnominati miż-żewġ kumpanniji parent. F’dan il-każ, it-tmexxija kienet, mill-bidu, integrata fl-istrutturi ta’ teħid ta’ deċiżjoni u ta’ rapport tal-grupp Shell.

80

It-tielet nett, ir-rikorrenti jqisu li l-karatteristiċi tat-tmexxija ta’ Shell & Dea Oil li jirriżultaw min-natura tranżitorja tagħha kienu jeskludu t-tmexxija konġunta.

81

F’dan ir-rigward huma jsostnu li, skont id-dispożizzjonijiet tal-ftehim tal-impriża konġunta, Shell kellha tikseb il-maġġoranza tal-ishma tal-impriża konġunta b’effett mill-iskadenza ta’ ċertu terminu, filwaqt li RWE kisbet id-dritt li tipproponi lil Shell l-ishma tagħha fl-impriża konġunta. Fil-fatt, fil-proċedura li tat lok għall-adozzjoni tad-deċiżjoni li tawtorizza l-konċentrazzjoni (li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqha fil-premessi 510, 520 u 549 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni vverifikat u stabbilixxiet, mhux l-akkwist ta’ kontroll konġunt, iżda direttament l-akkwist tal-kontroll esklużiv minn Shell.

82

L-integrazzjoni tat-tmexxija ta’ Shell & Dea Oil fl-istrutturi ta’ teħid ta’ deċiżjoni u ta’ rapport ta’ Shell tirriżulta, b’mod partikolari, mir-regoli proċedurali stabbiliti għat-tmexxija tagħha. Skont il-punt 1.1 ta’ dawn ir-regoli, il-bord tad-diretturi ta’ Shell & Dea Oil kellu jiġi integrat f’Shell Europe Oil Products Ltd. Skont il-punt 1.2 ta’ dawn l-istess regoli proċedurali, il-president tal-bord tad-diretturi ta’ Shell & Dea Oil kien obbligat jorganizza l-bord tad-diretturi skont ir-regoli internazzjonali ta’ Shell. Bis-saħħa tal-punt 3 ta’ dawn ir-regoli, kull membru tal-bord tad-diretturi kien jifforma parti mill-istrutturi ta’ teħid ta’ deċiżjoni u ta’ rapport ta’ Shell. Bis-saħħa tal-punt 4 ta’ dawn l-istess regoli, il-president tal-bord tad-diretturi kien obbligat jikkollabora mal-president ta’ Shell Europe Oil Products.

83

Dawn l-istrutturi ta’ teħid ta’ deċiżjoni u ta’ rapport kienu ġew introdotti u applikati sa mill-istabbiliment tal-impriża konġunta. Pereżempju, S., li, sa mill-istabbiliment tal-impriża konġunta, kien inkarigat mit-tmexxija tal-bejgħ tax-xema’ tal-paraffin, ma kienx ta rendikont lill-bord tad-diretturi tal-impriża konġunta. Huwa kien ta r-rapport tiegħu direttament lil G., li kien l-amministratur inkarigat mix-xema fl-Ewropa tal-grupp Shell fi ħdan Shell UK Oil Products Ltd. F’dak li jikkonċerna l-politika ta’ distribuzzjoni u l-attività operattiva ta’ Shell & Dea Oil fil-qasam tax-xema’ tal-paraffin, ma kien hemm ebda riferiment lill-korp li permezz tiegħu RWE Dea setgħet teżerċita influwenza bis-saħħa tas-setgħa ta’ nominazzjoni tagħha bħala soċju. Sa mill-istabbiliment tal-impriża konġunta, il-politika ta’ distribuzzjoni u l-attività operattiva kienu, fil-prattika, immexxija biss minn Shell.

84

L-integrazzjoni tal-impriża konġunta fl-istrutturi ta’ Shell kienet tirriżulta wkoll f’oqsma importanti oħra tal-impriża. Għaldaqstant ġie stabbilit proġett imsejjaħ “Kisba ta’ kontroll finanzjarju” li kien intiż li japplika wkoll fir-rigward ta’ Shell & Dea Oil is-sistemi ta’ preżentazzjoni tal-kontijiet ta’ Shell u li jipprepara l-applikazzjoni ta’ dawn is-sistemi għall-kontabbiltà ta’ dik li kienet Dea Mineraloel. F’dan ir-rigward, Shell & Dea Oil kienet — hekk kif jirriżulta mid-dokument intitolat “Kurzinformationen zum FCP-Projekt” (komunikazzjoni qasira dwar il-proġett FCP) — diġà meqjusa li kienet parti mill-organizzazzjoni Ewropea ta’ Shell. Skont dan id-dokument, “[i]l-prinċipju tal-ftehim ta’ impriża konġunta [kien] jimplika li l-impriża konġunta [kellha], bħala parti mill-organizzazzjoni Ewropea ta’ Shell, tadotta l-livelli, is-sistemi, il-proċessi u l-kultura ta’ Shell” u, “[d]an huwa għaliex, fil-kuntest tal-istabbiliment tal-impriża konġunta, Shell [&] Dea Oil, il-proċessi operattivi kollha ta’ Shell u ta’ Dea [kellhom] jiġu armonizzati”, billi ġie ppreċiżat li “[l-proċessi operattivi ta’ Shell kienu jikkostitwixxu l-livell li kellu jintlaħaq”.

85

Sussegwentement, ir-rikorrenti josservaw li, tul iż-żmien tal-eżistenza tal-impriża konġunta, il-ħaddiema tad-dipartiment tal-kontabbiltà ta’ RWE Dea ma kellhomx aċċess għall-kontijiet ta’ Shell & Dea Oil.

86

Għaldaqstant, skont ir-rikorrenti, l-elementi miġbura mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma jagħtux prova tal-eżistenza ta’ “tmexxija konġunta” fis-sens tas-sentenza Avebe vs Il‑Kummissjoni, punt 76 iktar ’il fuq, iżda iktar ta’ kontroll konġunt fis-sens tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40). Fil-fatt, il-prova tat-tmexxija konġunta hija iktar ta’ kwalità minn dik li tikkonċerna l-kontroll konġunt u din tippreżumi li l-kumpanniji parent imexxu effettivament u attivament in-negozju b’mod konġunt.

87

Peress li f’dan il-każ il-Kummissjoni ma tatx prova ta’ tmexxija konġunta, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn il-Kummissjoni timputa lir-rikorrenti r-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn Shell & Dea Oil.

88

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tqis li teżisti preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti miż-żewġ kumpanniji parent fuq l-aġir kummerċjali tal-impriża konġunta meta mhux biss huwa stabbilit il-kontroll konġunt fuq (kważi) 100 % tal-ishma iżda hija stabbilita wkoll setgħa ta’ tmexxija konġunta taż-żewġ kumpanniji parent fuq il-politika kummerċjali tal-impriża konġunta.

89

It-tieni nett, il-Kummissjoni tqis li hija tat prova tal-eżistenza ta’ setgħa ta’ tmexxija konġunta billi rreferiet għad-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta’ impriża konġunta. Ir-rikorrenti ma jikkontestawx li l-fatti invokati mill-Kummissjoni jistabbilixxu l-eżistenza ta’ influwenza determinanti taż-żewġ kumpanniji parent fuq deċiżjonijiet strateġiċi ta’ Shell & Dea Oil. Peress li l-kumpanniji parent huma fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar ir-redazzjoni konkreta tar-rapporti ta’ verifika fi ħdan l-impriża konġunta, huma dawn il-kumpanniji parent li għandhom jipproduċu l-prova kuntrarja meta, abbażi tal-fatti li hija stabbilixxiet, il-Kummissjoni turi l-eżistenza ta’ setgħa ta’ kontroll konġunt fuq il-politika kummerċjali tal-impriża konġunta, u b’hekk tiġi stabbilita l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti miż-żewġ kumpanniji parent.

90

Ir-rikorrenti jargumentaw biss li huma ma eżerċitaw ebda influwenza fuq il-politika ta’ distribuzzjoni u l-politika tal-prezzijiet, jiġifieri fuq il-ġestjoni operattiva ta’ Shell & Dea Oil. Huma jaffermaw li l-ġestjoni ta’ kuljum tal-impriża konġunta kienet integrata fl-“istrutturi deċiżjonali u ġerarkiċi” tal-grupp Shell. Issa, skont il-Kummissjoni, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ entità ekonomika, huwa biżżejjed li l-influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpanniji parent testendi għall-politika kummerċjali tas-sussidjarja fis-sens wiesgħa, u b’mod partikolari għal deċiżjonijiet strateġiċi. Għaldaqstant, l-argument ibbażat fuq possibbiltà privileġġata tal-grupp Shell li jeżerċita influwenza fuq il-politika ta’ distribuzzjoni u tal-prezzijiet ta’ Shell & Dea Oil ma huwiex biżżejjed sabiex tingħata prova li ż-żewġ kumpanniji parent ma eżerċitawx influwenza b’mod konġunt.

91

Barra minn hekk, mid-dispożizzjonijiet tal-ftehim fuq l-impriża konġunta jirriżulta li ż-żewġ kumpanniji parent kienu jeżerċitaw b’mod konġunt it-tmexxija tal-impriża konġunta. RWE Dea u Deutsche Shell kienu rrappreżentati b’mod ugwali fil-laqgħa tas-soċji minħabba li huma kellhom l-istess ishma fil-kapital tal-impriża konġunta. Bl-istess mod, il-kompożizzjoni tal-kumitat tal-impriża konġunta u tal-bord tad-diretturi kienet l-istess. Iż-żewġ kumpanniji parent kellhom ukoll l-istess numru ta’ rappreżentanti fil-bord ta’ sorveljanza.

92

Filwaqt li RWE kienet ħatret il-president tal-kumitat tal-impriża konġunta u dak tal-bord ta’ sorveljanza, il-president tal-bord tad-diretturi kien ġie nnominat minn Shell bil-kunsens ta’ RWE. F’każ ta’ ugwaljanza, il-president kellu dritt ta’ vot deċiżiv, filwaqt li r-rappreżentanti fil-bord tad-diretturi kellhom madankollu l-obbligu li jagħmlu l-isforzi kollha raġonevolment possibbli sabiex jaslu għal ftehim fil-kuntest tat-teħid ta’ deċiżjoni. Barra minn hekk, numru ta’ membri tal-bord tad-diretturi tar-rikorrenti kienu nħatru fil-bord ta’ sorveljanza tal-impriża konġunta.

93

Fir-rigward tat-tqassim tal-kompetenzi, il-bord tad-diretturi kien l-uniku wieħed responsabbli għall-ġestjoni operattiva tal-impriża konġunta, iżda huwa kien suġġett għall-kontroll u għas-setgħa ta’ tmexxija tal-kumitat tal-impriża konġunta u tal-assemblea tas-soċji. Dan l-arranġament kien jinvolvi obbligi ta’ informazzjoni u ta’ redazzjoni ta’ rapporti u d-dritt ta’ awditu tal-kumpanniji parent. Għaldaqstant, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, dawn kienu rċevew informazzjoni li tikkonċernahom u setgħu huma stess iwettqu kontrolli.

94

Skont il-Kummissjoni, il-kwistjonijiet strateġiċi kienu rriżervati għall-kumitat tal-impriża konġunta u, fl-aħħar istanza, għall-assemblea tas-soċji, li fi ħdanhom, id-deċiżjonijiet kienu jittieħdu permezz ta’ maġġoranza sempliċi. Fi ħdan l-assemblea tas-soċji u l-kumitat tal-impriża konġunta, iż-żewġ kumpanniji parent kellhom jagħmlu sforz sabiex “jevitaw sitwazzjonijiet ta’ ugwaljanza ta’ voti” u, fl-aħħar lok, kellha tinstab soluzzjoni mill-kumpanniji finali ta’ kull grupp.

95

Skont il-Kummissjoni, l-impriża konġunta ma kinitx is-suġġett ta’ ġestjoni indipendenti mill-kumpanniji parent u ż-żewġ kumpanniji parent kellhom jiftiehmu dwar orjentazzjoni komuni għall-kwistjonijiet kollha. Barra minn hekk, iż-żewġ kumpanniji parent kienu informati bl-istess mod dwar l-attivitajiet tal-impriża konġunta u setgħu, abbażi tar-rapport li kienu kkomunikati lilhom, jeżerċitaw l-influwenza tagħhom fil-korpi tal-impriża konġunta. Din is-sitwazzjoni ta’ fatt isservi ta’ bażi għall-preżunzjoni li ż-żewġ kumpanniji parent kienu effettivament eżerċitaw influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ Shell & Dea Oil.

96

Ir-rikorrenti jirrispondu għal dan billi jsostnu li t-tmexxija ta’ Shell & Dea Oil kienet, sa mill-bidu nett, “kompletament integrata fl-istrutturi deċiżjonali u ġerarkiċi tal-grupp Shell”. Fir-rigward tar-regoli proċedurali għall-ġestjoni operattiva, minn dawn effettivament jirriżulta li, fid-dawl ta’ eventwali teħid ta’ kontroll esklużiv ulterjuri minn Shell, armonizzazzjoni bejn l-attivitajiet tal-impriża konġunta u dik tal-grupp Shell kienet prevista sa mill-bidu nett. Madankollu, skont il-Kummissjoni, din kienet biss integrazzjoni organizzattiva antiċipata fil-grupp Shell mingħajr kontestazzjoni tat-tmexxija konġunta tal-impriża konġunta. Għaldaqstant, Shell kellha tagħti appoġġ lill-impriża konġunta bħala msieħba fil-kooperazzjoni u bħala konsulent. Madankollu r-regoli proċedurali kienu jippreċiżaw li din il-funzjoni kienet bla ħsara għas-setgħa ta’ tmexxija ta’ RWE.

97

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-affermazzjoni tar-rikorrenti, li tgħid li d-direttur tal-bejgħ tal-impriża konġunta ma kienx jagħti rendikont lill-membri tal-eżekuttiv u tat-tmexxija tagħha iżda biss lill-amministratur ta’ Shell responsabbli għax-xema’ fl-Ewropa, ma hija ssostanzjata permezz ta’ ebda prova. L-allegazzjoni tar-rikorrenti tikkonċerna biss, f’kull każ, l-istruttura tal-attivitajiet ta’ għoti ta’ rapport, li forsi kienet organizzata b’mod li d-dħul mill-bejgħ kien miġbur u pproċessat fi ħdan Shell — li għad kellha attivitajiet “xema’” tagħha stess filwaqt li l-attivitajiet “xema’” preċedenti ta’ RWE kienu kkonċentrati fl-impriża konġunta. F’kull każ, id-direttur tal-bejgħ kien membru tal-bord tad-diretturi jew, f’kull każ, fil-kapaċità tiegħu ta’ “membru tal-eżekuttiv u tat-tmexxija tal-ewwel livell”, huwa kien obbligat jikkoopera mal-bord tad-diretturi u jipprovdih b’informazzjoni. Skont il-Kummissjoni, il-bord tad-diretturi kien għaldaqstant direttament informat mill-ġestjonarju jew permezz tal-attivitajiet ta’ għoti ta’ rapport ta’ Shell, fatt li barra minn hekk kien neċessarju peress li, skont il-punt 13.4 tal-ftehim ta’ impriża konġunta, dan tal-aħħar kellu, min-naħa tiegħu, jagħti rendikont lill-kumitat tal-impriża konġunta.

98

Il-Kummissjoni żżid li l-adattament tas-sistemi ta’ kontabbiltà lanqas ma jawtorizza li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ setgħa ta’ tmexxija esklużiva tal-grupp Shell. RWE Dea kellha aċċess għall-informazzjoni relatata mal-kontijiet ta’ Shell & Dea Oil. Id-dokument intitolat “Komunikazzjoni qasira dwar il-proġett FCP” jikkonferma barra minn hekk li din kienet organizzazzjoni unitarja tal-impriża konġunta, adattata għall-“proċessi kummerċjali ta’ Shell”, u mhux trasferiment ta’ kompetenzi deċiżjonali lil Shell. Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, dan id-dokument jindika li kellu “jingħata rendikont liż-żewġ soċji”.

Fuq il-kontroll konġunt u l-eżerċizzju konġunt ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali tal-impriża konġunta

99

Ir-rikorrenti jikkontestaw li għoti ta’ prova relatata mal-kontroll konġunt huwa biżżejjed sabiex jiġi stabbilit l-eżerċizzju konġunt ta’ influwenza determinanti miż-żewġ kumpanniji parent fuq l-aġir kummerċjali tal-impriża konġunta. Il-Kummissjoni tisħaq li l-eżerċizzju ta’ tali influwenza jista’ jiġi preżunt fil-każ fejn il-kumpanniji parent iżommu 100 % tal-kapital tal-impriża konġunta f’ishma ugwali jew fil-każ fejn teżisti setgħa ta’ tmexxija konġunta. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li s-setgħa ta’ tmexxija konġunta tista’ tiġi pprovata abbażi ta’ elementi li jinsabu fil-ftehim ta’ impriża konġunta.

100

L-ewwel nett, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 139/2004 “[k]ontroll għandu jkun permezz ta’ drittijiet, kuntratti, jew permezz ta’ kull mezz ieħor li, separatament jew flimkien, fil-kuntest tal-fatti u tal-liġijiet involuti, jikkonferixxu l-possibbiltà li tkun eżerċitata influwenza deċiżiva fuq l-impriża”.

101

Skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma tistax, sabiex timputa l-aġir antikompetittiv ta’ kumpannija lil oħra skont l-Artikolu 81 KE, tibbaża ruħha fuq is-sempliċi kapaċità ta’ influwenza determinanti, kif ikkunsidrata fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 waqt l-istabbiliment tal-kontroll, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi vverifikat jekk din l-influwenza ġietx effettivament eżerċitata (sentenza General Technic-Otis et vs Il‑Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, punt 69).

102

Għall-kuntrarju, hija għandha, bħala prinċipju, turi tali influwenza determinanti abbażi ta’ numru ta’ fatti (ara s-sentenza Avebe vs Il‑Kummissjoni, punt 76 iktar ’il fuq, punt 136, u l-ġurisprudenza ċċitata). Dawn il-fatti jinkludu l-kumulu ta’ pożizzjonijiet, mill-istess persuni fiżiċi, fit-tmexxija tal-kumpannija parent u f’dik tas-sussidjarja jew tal-impriża konġunta tagħha (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2011, Fuji Electric vs Il‑Kummissjoni, T-132/07, Ġabra p. II-4091, punt 184; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punti 119 u 120), jew il-fatt li dawn il-kumpanniji kienu obbligati jsegwu d-direttivi maħruġa mill-bord tad-diretturi uniku tagħhom mingħajr ma setgħu jadottaw aġir indipendenti fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza HFB et vs Il‑Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, punt 527).

103

F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq tali dimostrazzjoni diretta tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti minn RWE u minn Shell fuq l-aġir kummerċjali ta’ Shell & Dea Oil.

104

Fil-fatt, il-konstatazzjoni, fil-premessa 510 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li, “matul il-perijodu intermedju, Shell u RWE eżerċitaw kontroll [b’mod] konġunt fuq l-impriża konġunta” [traduzzjoni mhux uffiċjali], kienet ibbażata fuq id-deċiżjoni li tawtorizza l-konċentrazzjoni, hekk kif jirriżulta min-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 666 tad-deċiżjoni kkontestata. Sussegwentement, fil-premessa 549 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li, “f’dan il-każ, is-setgha ta’ tmexxija konġunta ta’ Shell u ta’ RWE fi ħdan il-bord tad-diretturi tal-impriża konġunta [kienet] ġiet ippruvata (ara l-premessa 510) abbażi tal-ftehim ta’ impriża konġunta” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Bl-istess mod, fil-premessa 549 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat il-modalitajiet ta’ teħid ta’ deċiżjoni fi ħdan il-korpi l-oħra tal-impriża konġunta b’mod astratt, jiġifieri biss abbażi tal-ftehim tal-impriża konġunta. Huwa fuq din il-bażi li l-Kummissjoni kkonkludiet, fl-aħħar ta’ din il-premessa, li, matul il-perijodu ta’ impriża konġunta, Shell u RWE eżerċitaw kontroll konġunt fuq l-impriża konġunta u rreferiet espressament, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 680 tad-deċiżjoni kkontestata, għad-deċiżjoni li tawtorizza l-konċentrazzjoni.

105

Minn dan jirriżulta li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm eżerċizzju konġunt ta’ influwenza determinanti minn Shell u minn RWE fuq l-aġir kummerċjali ta’ Shell & Dea Oil fuq il-bażi biss ta’ analiżi astratta tal-ftehim ta’ impriża konġunta, iffirmat qabel il-bidu tal-funzjonament ta’ Shell & Dea Oil, l-istess bħal analiżi magħmula skont ir-regoli li jirregolaw l-awtorizzazzjoni tal-konċentrazzjonijiet.

106

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali hija għaldaqstant mitluba teżamina sa fejn tali analiżi astratta u prospettiva, imwettqa fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet fejn l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tippreċedi l-bidu tal-funzjonament tal-impriża konġunta, tista’ sservi wkoll sabiex tingħata prova tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali tal-impriża konġunta f’deċiżjoni li timputa lill-kumpanniji parent ir-responsabbiltà għal ksur tal-Artikolu 81 KE mwettaq fil-passat minn din l-impriża konġunta.

107

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, anki jekk is-setgħa jew il-possibbiltà li jiġu ddeterminati d-deċiżjonijiet kummerċjali tal-impriża konġunta taqa’ biss, fiha nnifisha, taħt is-sempliċi kapaċità ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali tagħha u, għaldaqstant, taħt il-kunċett ta’ “kontroll” fis-sens tar-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni u l-qorti tal-Unjoni jistgħu jippreżumu li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u l-istipulazzjonijiet tal-ftehimiet relatati mal-funzjonament ta’ din l-impriża, b’mod partikolari dawk tal-kuntratt li jistabbilixxi l-impriża konġunta u tal-ftehim bejn l-azzjonisti fuq il-voti, ġew implementati u osservati. F’dan il-każ, l-eżami tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali tal-impriża konġunta jista’ jikkonsisti f’analiżi astratta tad-dokumenti ffirmati qabel il-bidu tal-funzjonament tagħha, bħall-analiżi li tikkonċerna l-kontroll. B’mod partikolari, meta dawn id-dispożizzjonijiet u dawn l-istipulazzjonijiet jipprevedu li l-voti ta’ kull kumpannija parent kienu neċessarji għall-adozzjoni ta’ riżoluzzjoni fi ħdan korp tal-impriża konġunta, il-Kummissjoni u l-qorti tal-Unjoni jistgħu jistabbilixxu, fl-assenza ta’ prova kuntrarja, li dawn ir-riżoluzzjonijiet ġew iddeterminati b’mod konġunt mill-kumpanniji parent (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Avebe vs Il‑Kummissjoni, punt 76 iktar ’il fuq, punti 137 sa 139; Fuji Electric vs Il‑Kummissjoni, punt 102 iktar ’il fuq, punti 186 sa 193; u General Technic-Otis vs Il‑Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, punti 112 u 113).

108

Madankollu, peress li l-eżami dwar l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti huwa retrospettiv u jista’ għaldaqstant ikun ibbażat fuq elementi konkreti, kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-partijiet ikkonċernati jistgħu jipproduċu l-prova li d-deċiżjonijiet kummerċjali tal-impriża konġunta ġew iddeterminati skont modalitajiet differenti minn dawk li kienu jirriżultaw mill-eżami astratt biss tal-ftehimiet relatati mal-funzjonament tal-impriża konġunta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Fuji Electric vs Il-Kummissjoni, punt 102 iktar ’il fuq, punti 194 u 195, u General Technic-Otis et vs Il‑Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, punti 115 sa 117). B’mod partikolari, il-Kummissjoni jew il-partijiet ikkonċernati jistgħu jipproduċu l-prova li, minkejja s-setgħa ta’ kumpannija parent waħda li tadotta d-deċiżjonijiet inkwistjoni permezz tar-rappreżentanti tagħha fil-korpi tal-impriża konġunta, dawn ittieħdu, fil-fatt, minn diversi jew mill-kumpanniji parent kollha b’mod unanimu.

Fuq il-fondatezza tal-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-imputazzjoni lil RWE u lil Shell tar-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn Shell & Dea Oil

109

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet indikati fil-punti 99 sa 108 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni stabbilixxietx b’mod biżżejjed, fid-deċiżjoni kkontestata, elementi li jippermettu li tiġi imputata lir-rikorrenti r-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn Shell & Dea Oil.

110

Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat il-konstatazzjoni tagħha dwar ir-responsabbiltà in solidum tar-rikorrenti u tal-grupp Shell għall-ksur imwettaq minn Shell & Dea Oil fuq żewġ elementi: l-ewwel nett, l-eżistenza ta’ setgħa ta’ tmexxija konġunta, li hija stabbilixxiet abbażi tal-eżami tal-ftehim ta’ impriża konġunta, filwaqt li rreferiet għad-deċiżjoni li tawtorizza l-konċentrazzjoni, li fil-kuntest tagħha Shell u RWE kienu l-ewwel nett kisbu l-kontroll konġunt ta’ Shell & Dea Oil, sussegwentement, mal-iskadenza ta’ perijodu intermedju, Shell kienet kisbet il-kontroll uniku tal-impriża konġunta; it-tieni nett, il-fatt li ż-żewġ kumpanniji parent kienu jżommu flimkien u b’mod ugwali l-kapital kollu tal-impriża konġunta.

111

L-ewwel nett, fir-rigward tal-osservazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li s-“setgħa ta’ tmexxija konġunta” taqa’ taħt is-sempliċi possibbiltà ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti, jiġifieri kontroll fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 139/2004, pjuttost milli taħt l-eżerċizzju effettiv ta’ dan il-kontroll, huwa biżżejjed li jitfakkar li t-tmexxija konġunta f’dawn il-fatti tista’ tiġi dedotta mis-setgħa ta’ tmexxija konġunta kif tirriżulta mill-ftehimiet li jirregolaw il-funzjonament tal-impriża konġunta, fl-assenza ta’ prova kuntrarja (ara l-punti 107 u 108 iktar ’il fuq).

112

It-tieni nett, fir-rigward tan-natura tat-tmexxija konġunta, fis-sentenza tagħha Avebe vs Il‑Kummissjoni, punt 76 iktar ’il fuq (punti 136 sa 138), il-Qorti Ġenerali qieset bħala rilevanti l-indizji li jagħtu prova tal-fatt li l-membri tal-korpi tal-impriża konġunta maħtura minn kull waħda mill-kumpanniji parent, li jirrappreżentaw l-interessi kummerċjali tagħhom, kellhom jaħdmu f’kollaborazzjoni stretta waqt id-definizzjoni u l-implementazzjoni tal-politika kummerċjali tal-impriża konġunta u l-indizju li d-deċiżjonijiet adottati minnhom kellhom neċessarjament jirriflettu konkordanza tar-ridiet ta’ kull waħda mill-kumpanniji parent miżmuma bħala responsabbli mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, hija rrilevat ukoll elementi li juru l-kuntatti regolari relatati mal-politika kummerċjali tal-impriża konġunta bejn il-kumpanniji parent u l-membri tal-korpi tal-impriża konġunta maħtura minn kull waħda minnhom. Il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx biss it-teħid tad-deċiżjonijiet strateġiċi fi ħdan l-impriża konġunta, iżda wkoll il-ġestjoni tal-affarijiet ta’ kuljum u indikat li ż-żewġ diretturi maħtura miż-żewġ kumpanniji parent kellhom jaħdmu f’kollaborazzjoni stretta wkoll f’dan ir-rigward (sentenza Avebe vs Il‑Kummissjoni, punt 76 iktar ’il fuq, punti 136 sa 138).

113

Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha General Technic-Otis et vs Il‑Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, punti 112 u 118), il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-impriża konġunta kienet miżmuma 75 % minn Otis Belgique, filwaqt li l-25 % li jifdal kienu miżmuma minn General Technic, u li, skont l-istatuti ta’ assoċjazzjoni tal-impriża konġunta, kull soċju kien irrappreżentat fil-bord tad-diretturi tal-impriża konġunta bi proporzjoni mal-parteċipazzjoni tiegħu fil-kapital. Peress li d-deċiżjonijiet tal-bord tad-diretturi kellhom jittieħdu b’maġġoranza ta’ 80 % mill-voti, Otis kienet, matul il-perijodu ta’ ksur kollu u permezz tar-rappreżentanti tagħha fil-bord tad-diretturi, neċessarjament tat il-kunsens tagħha fir-rigward tad-deċiżjonijiet kollha msemmija.

114

It-tielet nett, f’dan il-każ, għalkemm huwa veru li RWE kellha setgħa ta’ veto fil-kumitat ta’ impriża konġunta u fl-assemblea tas-soċji, din ma kinitx tikkonċerna d-deċiżjonijiet kollha relatati mat-tmexxija tal-impriża konġunta. Għall-kuntrarju, il-vot deċiżiv tal-president tal-bord tad-diretturi, maħtur minn Shell, ifisser li l-membri maħtura minnha setgħu jadottaw id-deċiżjonijiet fi ħdan il-bord tad-diretturi minkejja l-oġġezzjoni eventwali tal-membri maħtura minn RWE. Għaldaqstant, ma setax jiġi stabbilit, abbażi tal-istipulazzjonijiet biss tal-ftehim ta’ impriża konġunta msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, li ż-żewġ kumpanniji parent kienu ġġestixxew l-impriża konġunta b’kollaborazzjoni stretta u li l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tal-bord tad-diretturi tal-impriża konġunta kienet neċessarjament tirrifletti r-rieda ta’ kull waħda mill-kumpanniji parent miżmuma bħala responsabbli.

115

Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma ressqet ebda fatt konkret, bħal, b’mod partikolari, il-minuti tal-laqgħat tal-bord tad-diretturi, sabiex turi li l-impriża konġunta kienet ġiet iġġestita b’kollaborazzjoni stretta miż-żewġ kumpanniji parent u li d-deċiżjonijiet meħuda fi ħdan dan il-bord kienu jirriflettu r-rieda ta’ kull waħda mill-kumpanniji parent miżmuma bħala responsabbli.

116

Għaldaqstant, l-indizji li abbażi tagħhom il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet it-tmexxija konġunta fis-sentenzi Avebe vs Il‑Kummissjoni, punt 76 iktar ’il fuq, u General Technic-Otis et vs Il‑Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, ma humiex preżenti f’dan il-każ.

117

It-tielet nett, il-Kummissjoni madankollu ssostni li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ entità ekonomika, huwa biżżejjed li l-influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpanniji parent testendi għall-politika kummerċjali tas-sussidjarja fis-sens wiesa’, u b’mod partikolari għal deċiżjonijiet strateġiċi.

118

L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-bord tad-diretturi kellu rwol importanti fid-definizzjoni tal-politika kummerċjali ta’ Shell & Dea Oil. Skont il-punt 13.2 tal-ftehim ta’ impriża konġunta, dan il-bord kien l-uniku responsabbli għat-tmexxija tal-attivitajiet tal-impriża konġunta u kellu s-setgħa u l-awtorità jimplementa l-għanijiet tal-impriża konġunta, bla ħsara għall-kompetenzi strateġiċi rriżervati lill-kumitat ta’ impriża konġunta. Skont il-punt 12.3 ta’ dan il-ftehim, dawn il-kompetenzi rriżervati kienu limitati, essenzjalment, għall-adozzjoni tal-baġit u tal-pjan kummerċjali, għad-deċiżjonijiet relatati mal-investimenti u mal-kuntratti ma’ terzi ta’ valur ikbar minn ċertu ammont, għall-ħatra tal-membri tal-bord tad-diretturi, kif ukoll għar-ristrutturazzjoni.

119

It-tieni nett, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 112 u 113 iktar ’il fuq jirriżulta li l-influwenza tal-kumpanniji parent fuq it-tmexxija operattiva tal-impriża konġunta, eżerċitata permezz tal-membri tal-bord tad-diretturi tagħha maħtura minnhom, hija kompletament rilevanti għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ unità ekonomika bejnhom u bejn l-imsemmija impriża konġunta.

120

It-tielet nett, huwa veru li l-kwistjoni tat-tmexxija operattiva tista’ tkun irrilevanti fil-każ ta’ sussidjarja miżmuma 100 % minn kumpannija parent waħda, peress li d-dimostrazzjoni tal-awtonomija operattiva tas-sussidjarja ma tistax fiha nnifisha tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 49 iktar ’il fuq).

121

Madankollu, fil-każ ta’ azzjonist wieħed, id-deċiżjonijiet kollha — inklużi dawk relatati mat-tmexxija operattiva tas-sussidjarja — huma meħuda minn ġestjonarji li huma maħtura u nnominati jew direttament, jew indirettament (mill-korpi li l-membri tagħhom inħatru mill-kumpannija parent) mill-unika kumpannija parent. Bl-istess mod, fl-assenza ta’ azzjonist ieħor, l-uniċi interessi kummerċjali li jirriżultaw fi ħdan is-sussidjarja huma bħala prinċipju dawk tal-azzjonist uniku. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ tippreżumi l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti anki fil-każijiet fejn it-tmexxija operattiva hija mwettqa mill-ġestjonarji tas-sussidjarja b’mod awtonomu.

122

Fil-każ tal-impriżi konġunti, hemm numru ta’ azzjonisti involuti u d-deċiżjonijiet tal-korpi tal-impriża konġunta huma meħuda mill-membri li jirrappreżentaw l-interessi kummerċjali tad-diversi kumpanniji parent, li jistgħu jikkoinċidu, iżda li jistgħu wkoll ikubu diverġenti. Għaldaqstant tibqa’ rilevanti l-kwistjoni dwar jekk il-kumpannija parent eżerċitatx influwenza reali fuq it-tmexxija operattiva tal-impriża konġunta, b’mod partikolari permezz tal-membri tal-eżekuttiv u tat-tmexxija li nħatru minnha.

123

Ir-raba’ nett, għandu jitfakkar li r-rikorrenti kienu diġà ressqu fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet elementi rilevanti dwar l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tmexxija konġunta. Huma kienu sostnew li l-politika kummerċjali u tariffarja tal-impriża konġunta, jiġifieri, essenzjalment, it-tmexxija operattiva, kienet taqa’ taħt id-deċiżjonijiet u taħt il-kontroll ta’ Shell biss u li t-tmexxija tal-impriża konġunta kienet ġiet integrata fl-istruttura ta’ Shell. Madankollu, l-uniċi argumenti mressqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tikkonfuta dawn l-elementi kienu bbażati fuq is-setgħat ta’ veto li RWE kellha fil-kumitat ta’ impriża konġunta u fl-assemblea tas-soċji. Issa, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 118 iktar ’il fuq, it-tmexxija operattiva tal-impriża konġunta ma kinitx taqa’ taħt il-kompetenza ta’ dawn il-korpi. Għall-kuntrarju, it-teħid tad-deċiżjonijiet li huma rilevanti mil-lat tal-evalwazzjoni tat-tmexxija konġunta kien essenzjalment jaqa’ taħt il-bord tad-diretturi.

124

Għaldaqstant, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx it-tmexxija konġunta tal-impriża konġunta.

125

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, lil hinn mit-tmexxija konġunta, il-Kummissjoni ma invokat ebda indizju bbażat fuq ir-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi, li juri l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti minn RWE fuq l-aġir kummerċjali tal-impriża konġunta.

126

Il-fatt li RWE u Shell flimkien kienu jżommu 100 % tal-kapital ta’ Shell & Dea Oil ma jistax jirrendi l-fatti ta’ din il-kawża simili għal dawk tal-kawża li tat lok għas-sentenza Avebe vs Il‑Kummissjoni punt 76 iktar ’il fuq, peress li, f’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kienet ikkonkludiet li kien hemm tmexxija konġunta tal-impriża konġunta u kienet ibbażat il-konklużjoni tagħha dwar l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq indizji rilevanti oħra, li ma humiex preżenti f’dan il-każ.

127

Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni pprovdiet lista relatata mal-kumulu tal-pożizzjonijiet f’Dea Mineraloel, f’Shell & Dea Oil u fir-rikorrenti, li turi li tliet membri mill-bord tad-diretturi ta’ RWE Dea kienu, bejn it-2 ta’ Jannar u t-30 ta’ Ġunju 2002, simultanjament membri tal-kumitat ta’ sorveljanza ta’ Shell & Dea Oil. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, qabel ma saru membri tal-kumitat ta’ sorveljanza ta’ Shell & Dea Oil, dawn l-istess persuni kienu membri tal-bord tad-diretturi ta’ Dea Mineraloel. Madankollu, matul il-perijodu ta’ impriża konġunta, ebda verifika ma setgħet issir bejn il-membri tal-bord tad-diretturi jew tal-kumitat ta’ impriża konġunta, minn naħa, u l-membri tal-korpi tar-rikorrenti, min-naħa l-oħra.

128

Anki jekk jitqies li l-kumulu tal-pożizzjonijiet irrilevat mill-Kummissjoni f’dan il-każ jista’ jaffettwa l-evalwazzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, dan l-element ma jistax isostni l-konklużjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward. Fil-fatt, il-motivazzjoni għandha, bħala prinċipju, tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin tad-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju. L-assenza ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi rregolarizzata bil-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf bil-motivi tad-deċiżjoni matul il-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Novembru 1981 Michel vs Il‑Parlament, 195/80, Ġabra p. 2861, punt 22, u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 149).

129

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li l-elementi miġbura mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma humiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li r-rikorrenti u Shell flimkien kienu jiddeterminaw il-linja ta’ azzjoni ta’ Shell & Dea Oil fis-suq, b’mod li l-Kummissjoni ma setgħetx validament tikkonkludi li kien hemm unità ekonomika komposta mir-rikorrenti u minn Shell & Dea Oil. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81 KE meta hija kkonstatat, abbażi tal-elementi miġbura fid-deċiżjoni kkontestata, ir-responsabbiltà in solidum tar-rikorrenti għall-ksur imwettaq minn Shell & Dea Oil.

130

Għaldaqstant, hemm lok li t-tieni parti tal-ewwel motiv tiġi milqugħa u hemm lok li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju matul il-perijodu ta’ bejn it-2 ta’ Jannar u t-30 ta’ Ġunju 2002. Il-konsegwenzi tal-illegalità kkonstatata fuq l-ammont tal-multa ser jiġu eżaminati fil-punti 260 et seq iktar ’il quddiem.

2. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-assenza ta ’ applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 fir-rigward tar-rikorrenti.

131

Ir-rikorrenti sussidjarjament isostnu li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, sa fejn hija ma eżentatx lir-rikorrenti mill-multa imposta, u lanqas ma naqqset l-ammont tagħha, fid-dawl tat-talba għal kooperazzjoni mressqa minn Shell Deutschland Schmierstoff f’isem, b’mod partikolari, Shell Deutschland Oil. Il-multa imposta fuq ir-rikorrenti kellha għaldaqstant “tiġi annullata jew, għall-inqas, titnaqqas b’mod sinjifikattiv”, skont il-formulazzjoni ta’ din il-komunikazzjoni u skont l-intenzjoni ta’ Shell, esposta fit-talba tagħha għal kooperazzjoni.

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-assenza ta ’ estensjoni tal-benefiċċju tat-talba għal kooperazzjoni ta ’ Shell fir-rigward tar-rikorrenti.

Fuq id-deċiżjoni kkontestata

132

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat kif ġej:

“[...]

(732)

Shell [kienet] l-ewwel impriża li pproduċiet provi dwar il-ksur li huwa s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni. Il-provi prodotti ppermettew lill-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li tordna verifiki fir-rigward tal-ksur allegat f’dan is-settur [...]

(736)

Shell għaldaqstant tibbenefika mill-immunità minn multi, skont il-[paragrafu] 8 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Minn dan jirriżulta li l-multa ta’ Shell hija mnaqqsa b’100 %. Dan it-tnaqqis japplika wkoll għar-responsabbiltà in solidum ta’ Shell f’dak li jikkonċerna l-aġir ta’ Shell Deutschland Oil GmbH/Shell & Dea Oil. RWE hija għaldaqstant responsabbli waħeda għall-parti tal-multa li tirriżulta mill-aġir tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

133

Fir-rigward tal-inapplikabbiltà tat-talba għal kooperazzjoni ta’ Shell Deutschland Schmierstoff fir-rigward tar-rikorrenti, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, qieset dan li ġej:

“[…]

(524)

Shell targumenta li, matul il-perijodu li matulu Dea Mineraloel kienet tifforma parti mill-impriża RWE (jiġifieri minn wara l-bidu tal-ksur, it-3 ta’ Settembru 1992, sat-30 ta’ Ġunju 2002), RWE għandha wkoll tibbenefika mill-immunità kundizzjonali ta’ Shell.

(525)

Shell tiddikjara barra minn hekk li hija ma tistax u lanqas ma kellha tinżamm responsabbli in solidum ma’ RWE għall-perijodu ta’ bejn it-2 ta’ Jannar u t-30 ta’ Jannar 2002 jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li timponi multa fuq RWE. F’dan il-każ, ir-responsabbiltajiet ta’ Shell u ta’ RWE għandhom jitqiesu b’mod distint […]

(527)

[I]l-Kummissjoni ma hijiex f’pożizzjoni li taċċetta dikjarazzjoni ġenerali bħala motiv għall-[inklużjoni] ta’ RWE fost il-benefiċjarji tal-immunità kundizzjonali ta’ Shell. L-Artikolu 81 [KE] jikkonċerna l-aġir antikompetittiv fis-suq matul perijodu speċifiku, filwaqt li l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 tikkonċerna t-talbiet għal kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva. Fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, il-Kummissjoni għandha konsegwentement tevalwa mil-liema impriża kienet tifforma parti l-parti li qiegħda tressaq it-talba fil-mument tat-tressiq ta’ din it-talba. Fil-mument tat-talba għal immunità ta’ Shell, Shell u RWE ma kinux jifformaw parti mill-istess impriża. Shell hija għaldaqstant l-unika impriża li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u tinsab għaldaqstant f’pożizzjoni li tibbenefika mill-immunità.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq l-assenza ta’ estensjoni tal-immunità minn multa mogħtija lil Shell f’dak li jirrigwarda l-ksur imwettaq minn Dea Mineraloel

134

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma estendietx l-effett tat-talba għal kooperazzjoni mressqa minn Shell f’dak li jirrigwarda l-ksur imwettaq minn Dea Mineraloel bejn l-1992 u 2 ta’ Jannar 2002, meta din tal-aħħar kienet miżmuma 100 % minnhom. Huma jenfasizzaw li Dea Mineraloel hija l-kumpannija li Shell Deutschland Oil issuċċediet wara l-akkwist tagħha minn Shell. Barra minn hekk, il-kumpannija li ressqet it-talba għal kooperazzjoni, Shell Deutschland Schmierstoff, hija s-sussidjarja ta’ Shell Deutschland Oil.

135

Skont ir-rikorrenti, waqt l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, l-impriża, benefiċjarja mill-immunità minn multa, kellha tittieħed inkunsiderazzjoni hekk kif hija kienet teżisti fil-mument li fih twettaq il-ksur, b’mod li l-Kummissjoni kisret din il-komunikazzjoni meta hija rrifjutat li testendi fir-rigward tagħhom il-benefiċċju tat-talba għal kooperazzjoni mressqa minn Shell Deutschland Schmierstoff. Dan jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, li jgħid li, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa imposta fuq l-impriżi għall-ksur tal-Artikolu 81 KE, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-gravità u t-tul tiegħu. Skont ir-rikorrenti, peress li l-gravità u t-tul tal-ksur jirreferu għall-istat tal-impriża kif din kienet teżisti waqt il-parteċipazzjoni fil-ksur, hemm lok li l-istess definizzjoni tal-impriża tintuża waqt l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

136

L-ewwel nett, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, il-possibbiltà li l-kumpannija parent tiġi ssanzjonata għall-aġir ta’ sussidjarja ma hijiex rilevanti fir-rigward tal-legalità ta’ deċiżjoni indirizzata lill-unika sussidjarja li pparteċipat fil-ksur. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha l-għażla li tissanzjona jew lis-sussidjarja li pparteċipat fil-ksur, jew lill-kumpannija parent li kienet tikkontrollaha matul il-perijodu tal-parteċipazzjoni fil-ksur. Hija għandha din l-għażla wkoll fil-każ ta’ suċċessjoni ekonomika fil-kontroll tas-sussidjarja, b’mod li hija tista’ timputa l-aġir tas-sussidjarja lil dik li qabel kienet il-kumpannija parent għall-perijodu preċedenti għat-trasferiment u lill-kumpannija parent il-ġdida għall-bqija (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni, T-259/02 sa T-264/02 u T-271/02, Ġabra p. II-5169, punti 331 u 332, u l-ġurisprudenza ċċitata).

137

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni hija ġġustifikata teżamina u tistabbilixxi separatament ir-responsabbiltà ta’ dik li kienet il-kumpannija parent u ta’ dik li hija l-kumpannija parent il-ġdida tas-sussidjarja li kienet direttament implikata fil-ksur.

138

Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta hija stabbilixxiet separatament ir-responsabbiltà ta’ RWE għall-ksur imwettaq minn Dea Mineraloel (bejn l-1992 u t-2 ta’ Jannar 2002) u r-responsabbiltà ta’ Shell għall-ksur imwettaq mill-kumpanniji li ssuċċedew lil Dea Mineraloel, jiġifieri minn Shell Deutschland Oil u s-sussidjarja ta’ din tal-aħħar, Shell Deutschland Schmierstoff (mit-30 ta’ Ġunju 2002).

139

It-tieni nett, hemm lok li jiġi eżaminat l-għan tal-programm ta’ klemenza tal-Kummissjoni.

140

F’dan ir-rigward, diġà ġie deċiż li t-tnaqqis tal-ammont tal-multi fil-każ ta’ kooperazzjoni tal-impriżi li jipparteċipaw fi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni kien ibbażat fuq il-kunsiderazzjoni li tgħid li tali kooperazzjoni tiffaċilita l-kompitu tal-Kummissjoni intiż sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur u, jekk ikun il-każ, ittemmu (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 102 iktar ’il fuq, punt 399, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il‑Kummissjoni, T-69/04, Ġabra p. II-2567, punt 225).

141

Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 tipprovdi kif ġej fil-paragrafi 3 u 4:

“Il-Kummissjoni hija konxja li ċerti impriżi involuti [fil-]ftehim illegali huma lesti li jtemmu l-partiċipazzjoni tagħhom u jinformawha bl-eżistenza ta’ ftehim bħal dan, imma huma ddisswaduti milli jagħmlu dan mill-multi għoljin li huma potenzalment esposti għalihom. [...] Il-Kummissjoni kkunsidrat li huwa fl-interess [tal-Unjoni] li jingħata trattament favorevoli lil impriżi li jikkooperaw magħha. L-interessi tal-konsumatur u ċ-ċittadini biex jiġi żgurat li kartelli sigrieti jiġu mikxufa u kkastigati huma akbar mill-interess li jiġu mmultati dawk l-impriżi li jippermettu lill-Kummissjoni biex tiskopri u tipprojbixxi dawn il-prattiċi.”

142

Għaldaqstant mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jirriżulta li l-kolpevolezza u r-responsabbiltà tal-impriżi fil-ksur ma humiex ikkontestati permezz tal-applikazzjoni ta’ dan l-avviż u li biss il-konsegwenzi pekunjarji ta’ din ir-responsabbiltà huma mneħħija jew imnaqqsa sabiex dawn jiġu mħeġġa jikxfu l-akkordji sigrieta.

143

Minn dan jirriżulta li uniku għan tal-programm ta’ klemenza huwa li tiġi ffaċilitata l-iskoperta ta’ dawn il-prattiki, fl-interess tal-konsumaturi u taċ-ċittadini Ewropej, billi l-parteċipanti jitħeġġew jikxfuhom. Għaldaqstant, il-benefiċċji li jistgħu jinkisbu mill-impriżi li jipparteċipaw f’dawn il-prattiki ma jistgħux jaqbżu l-livell li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-effettività totali tal-programm ta’ klemenza.

144

It-tielet nett, skont il-paragrafu 8 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, il-Kummissjoni teżenta lil impriża minn kull multa li kieku hija kien ikollha tħallas, minn naħa, meta l-impriża hija l-ewwel waħda li tipproduċi provi li jippermettulha tadotta deċiżjoni li tordna verifiki dwar akkordju allegat jew, min-naħa l-oħra, meta l-impriża hija l-ewwel waħda li tipproduċilha provi li jippermettulha tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE fil-kuntest ta’ akkordju allegat.

145

Għaldaqstant, kuntrarjament għall-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, li jirreferi għat-tul tal-ksur u, għaldaqstant, għad-diversi kompożizzjonijiet tal-impriża li tinkludi lill-kumpannija direttament responsabbli jew l-attività mwettqa matul il-perijodu tal-ksur kollu, il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 tiffoka fuq il-mument tat-tressiq tat-talba għal kooperazzjoni, b’mod li l-kunċett ta’ “impriża” jirreferi, bħala prinċipju, għall-entità ekonomika kif teżisti fil-mument tat-tressiq ta’ din it-talba.

146

Din l-interpretazzjoni hija barra minn hekk konformi mal-għan tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, li huwa li tiġi ffaċilitata l-iskoperta tal-akkordji billi l-parteċipanti jitħeġġew jikxfuhom. Fil-fatt, fid-dawl tal-possibbiltà li r-responsabbiltà ta’ kumpannija li tipparteċipa direttament fl-akkordju tiġi imputata lill-kumpanniji l-oħra li magħhom hija tifforma entità ekonomika waħda, huwa neċessarju, sabiex jinżamm l-inċentiv li tiġi rrilevata informazzjoni li timplika wkoll ir-responsabbiltà ta’ din il-kumpannija, li jiġi permess li l-kumpanniji kollha li jifformaw parti mill-impriża fil-mument tat-tressiq tat-talba għal klemenza jiġu eżentati mis-sanzjonijiet li jkunu imposti fl-assenza ta’ din it-talba.

147

Għall-kuntrarju, l-estensjoni tal-portata tal-benefiċċju tat-talba għal kooperazzjoni fir-rigward tal-impriżi, li minnhom tifforma parti l-kumpannija direttament implikata fil-ksur jew fl-attività mwettqa, ma tinfluwenzax, f’ċirkustanzi normali, is-sitwazzjoni ġuridika tal-kumpanniji li jifformaw impriża mal-kumpannija li tressaq it-talba fil-mument tat-tressiq. Għaldaqstant, tali estensjoni ma tistax, bħala prinċipju, isservi sabiex jintlaħaq l-uniku għan tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, li huwa li l-impriżi jitħeġġew jikxfu l-akkordji sigrieta fl-interess tal-konsumatur tal-Unjoni.

148

Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma kisritx il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 billi qieset, fil-premessa 527 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-perimetru tal-impriża li lilha kellha tingħata l-immunità minn multa kellu jiġi ddefinit abbażi tal-fatti kif kienu jeżistu fil-mument tat-tressiq tat-talba għal kooperazzjoni.

149

Ir-raba’ nett, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrenti jsostnu biss li huma kellhom jibbenefikaw mill-immunità minn multa miksuba minn Shell minħabba l-informazzjoni li Shell Deutschland Schmierstoff, kumpannija li kienet tifforma parti mill-grupp Shell fil-mument tat-tressiq tat-talba għal kooperazzjoni, kienet ipprovdiet lill-Kummissjoni.

150

Hemm lok li jiġi kkunsidrat li, f’dak li jikkonċerna l-perijodu preċedenti għat-2 ta’ Jannar 2002, l-estensjoni tal-benefiċċju tal-immunità minn multa fir-rigward tar-rikorrenti ma setgħetx iżżid l-effettività tal-applikazzjoni tal-programm ta’ klemenza tal-Kummissjoni u, permezz ta’ dan, tibbenefika lill-konsumaturi Ewropej. Fil-fatt, ir-responsabbiltà tar-rikorrenti ġiet stabbilita separatament minn dik ta’ Shell. Għaldaqstant, il-multa imposta fuqhom ma setgħet tikkawża ebda żvantaġġ pekunjarju lil Shell u għaldaqstant tiskoraġġixxiha milli tissottometti l-informazzjoni kollha li hija kienet xtaqet taqsam mal-Kummissjoni sabiex tikseb immunità minn multa abbażi tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

151

Barra minn hekk, hekk kif il-Kummissjoni ġustament tirrileva, il-fatt li l-kumpannija l-parent il-ġdida ta’ sussidjarja li tiskopri ksur permezz ta’ investigazzjonijiet interni u li sussegwentement tiddeċiedi li tikkoopera mal-Kummissjoni tiġi kkumpensata billi tingħatalha immunità minn multa filwaqt li l-proprjetarju preċedenti tal-impriża li ma għamilx dawn l-isforzi u li ma kkontribwixxiex għall-iskoperta tal-ksur ma jingħatax il-benefiċċju ta’ din il-miżura, ma huwiex inekwitabbli.

152

Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-Kummissjoni applikat il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 b’mod konformi mal-għan tagħha.

153

Il-ħames nett, fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni et, C-550/07 P, Ġabra p. I-8301, punti 54 u 55).

154

F’dan il-każ, hemm differenza kbira bejn is-sitwazzjoni tar-rikorrenti u dik tal-kumpanniji li jifformaw parti mill-grupp Shell li bbenefikaw mill-immunità minn multa mogħtija wara t-talba għal kooperazzjoni ta’ Shell Deutschland Schmierstoff, jiġifieri li dawn tal-aħħar, kuntrarjament għar-rikorrenti, kienu jifformaw impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE ma’ Shell Deutschland Schmierstoff fil-mument tat-tressiq ta’ din it-talba. Din id-differenza hija rilevanti mil-lat tal-estensjoni tal-benefiċċju tal-immunità minn multa, hekk kif jirriżulta mill-analiżi li tinsab fil-punti 145 sa 148 iktar ’il fuq.

155

Għaldaqstant, il-Kummissjoni ttrattat is-sitwazzjonijiet differenti b’mod differenti, b’mod li hija ma kisritx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

156

Minn dan li jippreċedi jirriżulta li hemm lok li tiġi kkonfermata l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li r-rikorrenti ma setgħux jibbenefikaw mill-immunità minn multa mogħtija lil Shell f’dak li jikkonċerna l-ksur imwettaq minn Dea Mineraloel.

Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq l-assenza ta’ estensjoni tal-immunità minn multa mogħtija lil Shell f’dak li jikkonċerna l-ksur imwettaq minn Shell & Dea Oil

157

Permezz tat-tieni lment tagħhom, ir-rikorrenti jikkritikaw l-assenza ta’ estensjoni tal-immunità minn multa miksuba mill-grupp Shell f’dak li jikkonċerna l-multa li ġiet imposta fuqhom minħabba l-ksur imwettaq minn Shell & Dea Oil, l-impriża konġunta miżmuma konġuntament minn Shell u RWE matul il-perijodu ta’ bejn it-2 ta’ Jannar u t-30 ta’ Ġunju 2002.

158

F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jitfakkar li, wara l-analiżi tat-tieni parti tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li d-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi annullata inkwantu l-Kummissjoni kienet ikkundannat lir-rikorrenti għall-ksur imwettaq minn Shell & Dea Oil. Għaldaqstant, ma huwiex iktar neċessarju li dan l-ilment jiġi eżaminat.

159

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li l-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ estensjoni tal-immunità minn multa mogħtija lil Shell għall-ksur imwettaq minn Dea Mineraloel jiġi miċħud u hemm lok li ma tittieħidx deċiżjoni fuq l-assenza ta’ estensjoni tal-immunità minn multa mogħtija lil Shell għall-ksur imwettaq minn Shell & Dea Oil.

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq id-dritt tar-rikorrenti għal eżenzjoni totali jew għal tnaqqis sinjifikattiv fir-rigward tal-ammont tal-multa abbażi tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002

160

Ir-rikorrenti jsostnu li huma kien imisshom ibbenefikaw minn immunità minn multa jew minn tnaqqis sinjifikattiv tal-ammont tagħha abbażi tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Fil-fatt, l-informazzjoni pprovduta minn Shell kienet irriżultat minn impjegati preċedenti ta’ Dea Mineraloel u ta’ Shell & Dea Oil, li saru Shell Deutschland Oil, kumpannija parent ta’ Shell Deutschland Schmierstoff.

161

F’kull każ, ir-rikorrenti kienu wkoll ipproduċew provi importanti waqt il-proċedura amministrattiva u l-unika raġuni li għaliha huma ma setgħux jipproduċuhom qabel kienet li l-Kummissjoni kienet informathom tard ħafna dwar il-fatt li l-investigazzjoni kienet ukoll inbdiet kontrihom.

162

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali sabiex tevalwa jekk l-informazzjoni jew id-dokumenti pprovduti b’mod volontarju mill-impriżi ffaċilitawx il-kompitu tagħha u sabiex tevalwa jekk hemmx lok li l-impriżi jingħataw immunità jew tnaqqis fir-rigward tal-ammont tal-multa fis-sens tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 102 iktar ’il fuq, punt 394, u tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, C-125/07 P, C-133/07 P, C-135/07 P u C-137/07 P, Ġabra p. I-8681, punt 248). Xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti Ġenerali ma tistax tibbaża ruħha fuq din il-marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tirrinunzja milli teżerċita stħarriġ fil-fond kemm ta’ dritt kif ukoll ta’ fatt fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 62).

163

Sussegwentement, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 140 iktar ’il fuq, it-tnaqqis tal-ammont tal-multi, fil-każ ta’ kooperazzjoni tal-impriżi li jipparteċipaw fi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, huwa bbażat fuq il-kunsiderazzjoni li abbażi tagħha tali kooperazzjoni tiffaċilita l-kompitu tal-Kummissjoni intiż sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur u, skont il-każ, ittemmu.

164

Barra minn hekk, hekk kif ġie kkunsidrat fil-punt 143 iktar ’il fuq, l-uniku għan tal-programm ta’ klemenza huwa li tiġi ffaċilitata l-iskoperta tal-akkordji sigrieta, fl-interess tal-konsumaturi u taċ-ċittadini Ewropej, billi l-parteċipanti jitħeġġew jikxfuhom. Għaldaqstant, il-benefiċċji li jistgħu jinkisbu mill-impriżi li jipparteċipaw f’dawn il-prattiki ma jistgħux jaqbżu l-livell li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-effettività totali tal-programm ta’ klemenza.

165

Fl-aħħar nett, hemm lok li jitfakkar li, kuntrarjament għall-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, li jirreferi għat-tul tal-ksur u, għaldaqstant, għad-diversi kompożizzjonijiet tal-impriża li tinkludi lill-kumpannija direttament responsabbli jew l-attività mwettqa matul il-perijodu tal-ksur kollu, il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 tiffoka fuq il-mument tat-tressiq tat-talba għal kooperazzjoni, b’mod li l-kunċett ta’ “impriża” użat jirreferi, bħala prinċipju, għall-entità ekonomika kif teżisti fil-mument tat-tressiq ta’ din it-talba.

166

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-fatt li l-informazzjoni li tippermetti lil Shell tibbenefika mill-programm ta’ klemenza ġiet ipprovduta mill-impjegati li, qabel l-akkwist ta’ Dea Mineraloel minn Shell, kienu impjegati mill-grupp RWE, ma huwiex rilevanti fl-evalwazzjoni tal-eliġibbiltà tar-rikorrenti għall-benefiċċju ta’ immunità jew ta’ tnaqqis fir-rigward tal-ammont tal-multa.

167

Fil-fatt, ir-rikorrenti ma jinvokaw ebda dispożizzjoni legali li tobbliga lill-Kummissjoni tiddispensahom mill-ħlas tal-multa minħabba l-fatt li l-impjegati li kkontribwixxew għall-iskoperta tal-akkordju, jew tal-attività suġġetta għall-kartell tal-kumpannija li ressqet it-talba għal kooperazzjoni, kienu, matul perijodu preċedenti, jifformaw parti minn kumpannija miżmuma minnhom.

168

Min-naħa l-oħra, mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, li tiffoka fuq il-mument tat-tressiq tat-talba għal kooperazzjoni, jirriżulta li r-rivelazzjonijiet tal-impjegati tal-kumpannija li ressqet it-talba għal kooperazzjoni jistgħu jibbenefikaw biss lill-impriża proprjetarja ta’ din il-kumpannija fil-mument tat-tressiq tat-talba għal kooperazzjoni. Tali interpretazzjoni biss tiżgura li l-portata tal-immunità jew tat-tnaqqis fir-rigward tal-ammont tal-multa mogħtija bis-saħħa tal-programm ta’ klemenza ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tagħha, li huwa li l-parteċipanti fl-akkordji sigrieta jitħeġġew jikxfuhom.

169

Għaldaqstant, hemm lok li l-ewwel ilment tar-rikorrenti jiġi miċħud.

170

It-tieni nett, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni kien imissha tathom tnaqqis sinjifikattiv tal-ammont tal-multa minħabba provi li huma kienu pproduċew matul il-proċedura amministrattiva.

171

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li r-rikorrenti jsemmu biss il-konfutazzjoni ta’ argument ta’ MOL imsemmi fil-premessa 222 tad-deċiżjoni kkontestata, li fir-rigward tiegħu huma kienu pproduċew provi addizzjonali. Issa, hekk kif il-Kummissjoni tirrileva, il-parteċipazzjoni ta’ MOL fl-akkordju ġiet ikkonstatata abbażi ta’ provi abbundanti. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ssottomettew din l-informazzjoni b’risposta għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni f’mument fejn diġà mill-inqas tliet impriżi oħra kienu volontarjament ipproduċew provi u informazzjoni dwar il-funzjonament tal-akkordju. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball jew illegalità meta hija rrifjutat li tagħti lir-rikorrenti immunità minn multa jew tnaqqis tal-ammont tagħha abbażi tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

172

F’kull każ, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali tqis li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi tal-kawża, l-elementi mressqa mir-rikorrenti ma jiġġustifikawx tali tnaqqis.

173

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li t-tieni parti tat-tieni motiv tiġi miċħuda.

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti

174

Fil-kuntest tat-tielet parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li l-possibbiltajiet tagħhom li jressqu talba għal kooperazzjoni kienu mnaqqsa sa mill-bidu nett, peress li l-attività affettwata mill-ksur inkwistjoni ġiet ittrasferita lil Shell. Il-fatt li l-Kummissjoni ma informathomx dwar l-investigazzjoni mmexxija kontrihom ukoll qabel ma ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-ilmenti, ċaħħadhom mill-possibbiltà li jressqu talba għal kooperazzjoni fil-ħin. B’dan il-mod, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

175

Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li l-impriża kkonċernata tkun tqiegħdet, matul il-proċedura amministrattiva, f’pożizzjoni li tispjega sew il-fehma tagħha fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll fuq id-dokumenti kkunsidrati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ ksur tat-Trattat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 10, u tas-6 ta’ April 1995, BPB Industries u British Gypsum vs Il‑Kummissjoni, C-310/93 P, Ġabra p. I-865, punt 21).

176

L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jirrifletti dan il-prinċipju, sa fejn huwa jipprevedi li għandha tintbagħat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, lill-partijiet, li b’mod ċar għandha tinformahom bl-elementi essenzjali kollha li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuqhom f’dan l-istadju tal-proċedura (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 67), sabiex tippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu b’mod effettiv dwar l-aġir li l-Kummissjoni qiegħda takkużahom bih u sabiex huma jkunu jistgħu jsostnu b’mod utli d-difiża tagħhom qabel ma din tadotta deċiżjoni definittiva. Dan ir-rekwiżit huwa osservat meta l-imsemmija deċiżjoni ma takkużax lill-persuni kkonċernati b’istanzi ta’ ksur differenti minn dawk imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u tieħu inkunsiderazzjoni biss fatti li fuqhom il-persuni kkonċernati kellhom l-okkażjoni jispjegaw ruħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il‑Kummissjoni, T-213/00, Ġabra p. II-913, punt 109, u l-ġurisprudenza ċċitata).

177

F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jallegawx li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata lilhom ma kinitx tinkludi l-elementi kollha kkonstatati kontrihom fid-deċiżjoni kkontestata. Huma jillimitaw ruħhom isostnu li l-assenza ta’ twissija, min-naħa tal-Kummissjoni, dwar il-ftuħ tal-proċedura amministrattiva, qegħdithom f’sitwazzjoni żvantaġġuża meta mqabbla mal-impriżi li kienu s-suġġett ta’ verifiki mill-Kummissjoni.

178

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, sakemm id-destinatarju ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tqiegħed f’pożizzjoni li jispjega b’mod effettiv il-fehma tiegħu matul il-proċedura kontradittorja amministrattiva dwar ir-realtà u dwar ir-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni, din tal-aħħar ma kinitx bħala prinċipju marbuta tindirizza miżura ta’ investigazzjoni lil dan id-destinatarju qabel ma tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (sentenza Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 122).

179

Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux b’mod validu jinvokaw ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom.

180

Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata permezz tal-invokazzjoni, mir-rikorrenti, tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-3 ta’ Settembru 2004, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-1/38.069 – Pajpijiet tar-ram għall-plumbing). Għandu jitfakkar li deċiżjonijiet li jirrigwardaw kawżi oħra jistgħu jkunu biss ta’ natura indikattiva meta l-informazzjoni ċirkustanzjali tal-kawżi ma tkunx identika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il‑Kummissjoni, C-167/04 P, Ġabra p. I-8935, punti 201 u 205, u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il‑Kummissjoni, C-76/06 P, Ġabra p. I-4405, punt 60).

181

Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma jistgħux validament jinvokaw il-fatt li t-trasferiment lil Shell tal-attività suġġetta għall-kartell kien irrenda l-kooperazzjoni tagħhom mal-Kummissjoni iktar diffiċli.

182

Hekk kif il-Kummissjoni ġustament tirrileva, xejn fil-fatt ma impedixxa lir-rikorrenti milli jressqu talba għal kooperazzjoni matul il-perijodu li matulu Dea Mineraloel kienet tifforma entità ekonomika magħhom.

183

Bl-istess mod, hemm lok li jitfakkar li l-għan tal-programm ta’ klemenza ma huwiex li jagħti lill-impriżi li jipparteċipaw fl-akkordji sigrieta, imwissija dwar il-ftuħ tal-proċedura mill-Kummissjoni, il-possibbiltà li jevitaw il-konsegwenzi pekunjarji tar-responsabbiltà tagħhom, iżda li jiffaċilita l-iskoperta ta’ tali prattiki, fl-interess tal-konsumaturi u taċ-ċittadini Ewropej, billi l-parteċipanti jitħeġġew jikxfuhom. Għaldaqstant, il-benefiċċji li jistgħu jinkisbu mill-impriżi li jipparteċipaw f’tali prattiki ma jistax jaqbeż il-livell ta’ dak li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-effettività totali tal-programm ta’ klemenza.

184

Issa, ebda interess tal-konsumaturi Ewropej ma jeħtieġ li l-Kummissjoni tagħti immunità minn multa jew tnaqqis tal-ammont tagħha lil numru ikbar ta’ impriżi minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-effettività totali tal-programm ta’ klemenza, billi tali immunità jew tnaqqis jingħataw lil impriżi oħra għajr dawk li kienu l-ewwel li jipproduċu provi li jippermettu lill-Kummissjoni tordna verifiki jew tikkonstata ksur.

185

Għaldaqstant, hemm lok li t-tielet parti tat-tieni motiv tiġi miċħuda, u, għalhekk, li t-tieni motiv jiġi miċħud kollu kemm hu.

3. Fuq it-tielet motiv, relatat mad-determinazzjoni tad-dħul mill-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti

186

Skont ir-rikorrenti, meta ffissat id-dħul mill-bejgħ li għandu jittieħed bħala bażi għall-kalkolu tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003 peress li ma osservatx il-prinċipji essenzjali tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità. Huma essenzjalment isostnu li l-Kummissjoni ħadet bħala bażi l-medja tad-dħul mill-bejgħ magħmul fis-swieq suġġetti għall-kartell matul is-snin 1999 sa 2001, li hija kkalkolat abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn Shell, u mhux abbażi ta’ dik prodotta minnhom. Fl-aħħar nett, huma jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha f’dan ir-rigward.

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-kalkolu tal-valur tal-bejgħ tar-rikorrenti

187

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha fir-rigward tal-kalkolu tal-valur tal-bejgħ tagħhom. Min-naħa, mid-deċiżjoni kkontestata ma tirriżultax ir-raġuni li għaliha hija għażlet l-aħħar tliet snin ta’ parteċipazzjoni fil-ksur bħala perijodu ta’ referenza. Min-naħa l-oħra, hija ma timmotivax biżżejjed it-teħid inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni pprovduta minn Shell f’dak li jikkonċerna l-valur tal-bejgħ tar-rikorrenti.

188

L-ewwel nett f’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-motivazzjoni meħtieġa fl-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu r-raġunijiet wara l-miżura meħuda u l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il‑Kummissjoni, C-17/99, Ġabra p. I-2481, u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 146).

189

Għaldaqstant, l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni individwali huwa intiż, minbarra sabiex jippermettu stħarriġ ġudizzjarju, sabiex jagħti lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex issir taf jekk id-deċiżjoni hijiex eventwalment ivvizzjata bi żball li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il‑Kummissjoni, C-199/99 P, Ġabra p. I-11177, punt 145, u Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 102 iktar ’il fuq, punt 462).

190

Il-motivazzjoni għandha, bħala prinċipju, tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess żmien tad-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju. L-assenza ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi rregolarizzata bil-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf il-motivi tad-deċiżjoni matul il-proċedura quddiem l-istanzi tal-Unjoni (sentenzi Michel vs Il‑Parlament, punt 128 iktar ’il fuq, punt 22; Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 102 iktar ’il fuq, punt 463, u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 149).

191

Hija ġurisprudenza stabbilita li r-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew kull persuna oħra kkonċernata direttament u individwalment mill-att jistgħu jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 253 għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tiegħu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63, u tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C-413/06 P, Ġabra p. I-4951, punti 166 u 178).

192

Meta, bħal fil-każ ineżami, deċiżjoni skont ir-regoli tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni tirrigwarda numru ta’ destinatarji u tirrigwarda l‑imputabbiltà tal-ksur, din għandha tinkludi motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward ta’ kull wieħed mid-destinatarji tagħha, b’mod partikolari ta’ dawk fosthom li, skont din id-deċiżjoni, għandhom jirrispondu għal din l-akkuża ta’ ksur. Għalhekk, fir-rigward ta’ kumpannija parent miżmuma responsabbli għall-aġir tas-sussidjarja tagħha li jikkostitwixxi ksur, tali deċiżjoni għandha, bħala prinċipju, tinkludi sunt iddettaljat tal-motivi tali li tiġi ġġustifikata l-imputabbiltà tal-ksur lil din il‑kumpannija (ara s-sentenza Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 152, u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-għażla tal-medja tal-valur tal-bejgħ tal-aħħar tliet snin ta’ parteċipazzjoni fil-ksur.

193

L-ewwel nett, ir-rikorrenti jfakkru li, skont il-linji gwida tal-2006, il-perijodu ta’ referenza għad-determinazzjoni tad-dħul mill-bejgħ rilevanti huwa l-aħħar sena ta’ parteċipazzjoni fil-ksur. Skont il-premessi 629 u 631 tad-deċiżjoni kkontestata, din is-sena kienet ikkorrispondiet għas-sena 2001 għall-grupp RWE. Id-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tippermettilhom jifhmu r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni għażlet bħala metodu ġenerali t-teħid inkunsiderazzjoni tal-medja tal-valur tal-bejgħ magħmul matul tliet snin, minflok dak miksub matul sena waħda biss.

194

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, b’mod konformi mal-punt 13 tal-linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni, fil-premessa 629 tad-deċiżjoni kkontestata indikat li, sabiex tiddetermina l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, hija normalment tibbaża ruħha fuq il-valur tal-bejgħ magħmul mill-impriża fis-suq suġġett għall-kartell matul l-aħħar sena kompleta tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur.

195

Fil-premessi 632 u 633 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni invokat l-argumenti ta’ ExxonMobil u ta’ MOL ibbażati fuq il-fatt li t-tkabbir tal-Unjoni, u b’mod partikolari dak tal-2004, kellu impatt kbir fuq il-valur tal-bejgħ ta’ diversi parteċipanti. Hemm lok li jingħad ukoll li anki r-rikorrenti indikaw f’dan ir-rigward fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li, fl-opinjoni tagħhom, biss il-valur tal-bejgħ ta’ Dea Mineraloel miksub fil-ħmistax-il Stat Membru li kienu jikkostitwixxu l-Unjoni qabel l-1 ta’ Mejju 2004 kellu jittieħed inkunsiderazzjoni. Fil-premessa 634 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni wieġbet kif ġej għal dawn l-argumenti:

“[I]l-Kummissjoni tirrikonoxxi li s-sena 2004 tirrappreżenta, minħabba t-tkabbir tal-Unjoni Ewropea f’Mejju, sena eċċezzjonali. [Hija] tiqs li huwa xieraq li l-valur tal-bejgħ magħmul matul is-sena 2004 ma jintużax bħala bażi ta’ kalkolu unika tal-multa, iżda li jintuża l-valur tal-bejgħ tal-aħħar tliet snin ta’ parteċipazzjoni tal-entità fil-ksur.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

196

Għaldaqstant, ir-raġuni li għaliha l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-medja tal-valur tal-bejgħ miksub matul il-perijodu tal-aħħar tliet snin tal-parteċipazzjoni fil-ksur, minflok dak miksub matul l-aħħar sena kompleta ta’ parteċipazzjoni, tirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni kkontestata.

197

It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Kummissjoni ma mmotivatx l-għażla tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ magħmul minnhom matul il-perijodu ta’ bejn l-1999 u l-2001, minflok dak miksub matul is-sena 2001 biss. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-argument tar-rikorrenti, li jgħid li s-sena 2001-2002 kienet sena eċċezzjonali u li jgħid li, għall-kuntrarju, kien neċessarju li hija tibbaża ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ magħmul matul it-tul kollu tal-ksur minn Dea Mineraloel, jiġifieri matul is-snin1992-1993 sa 2000-2001 (premessa 639 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, il-Kummissjoni b’ebda mod ma spjegat għaliex, minflok li tagħżel dan il-perijodu ta’ referenza, hija bbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ medju tas-snin 1999 sa 2001.

198

F’dan ir-rigward, hemm lok li titfakkar il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 191 iktar ’il fuq, li abbażi tagħha l-motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew kull persuna oħra kkonċernata direttament u individwalment mill-att jistgħu jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tiegħu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat.

199

Barra minn hekk, l-ewwel nett, hemm lok li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni hija obbligata tiddefinixxi l-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod li d-dħul mill-bejgħ miksub ikun kemm jista’ jkun paragunabbli (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Fiskeby Board vs Il‑Kummissjoni, T-319/94, Ġabra p. II-1331, punt 42). It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sistematikament użat il-valur tal-bejgħ magħmul matul l-aħħar tliet snin tal-parteċipazzjoni fl-akkordju għal kull waħda mill-impriżi akkużati, b’mod konformi mal-metodu li hija stabbilixxiet fil-premessa 634 tad-deċiżjoni kkontestata.

200

Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata, kif interpretata fit-totalità tagħha u fil-kuntest tagħha, fid-dawl tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat, kienet tippermetti li jinftiehmu r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-perijodu ta’ bejn l-1999 u l-2001, minflok is-sena 2001 biss, bħala perijodu ta’ referenza li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tar-rikorrenti. Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ

201

Ir-rikorrenti jallegaw li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tippermettilhom jivverifikaw l-eżattezza tad-determinazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-valur tal-bejgħ tagħhom għall-perijodu ta’ bejn l-1999 u l-2001.

202

Huma ma kinux f’pożizzjoni li jivverifikaw, abbażi tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, jekk il-Kummissjoni kinitx korrettament iddeterminat id-dħul mill-bejgħ medju għall-perijodu ta’ bejn l-1999 u l-2001. Apparentement, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-indikazzjonijiet ta’ Shell, minħabba l-pożizzjoni tagħha li tgħid li RWE ma setgħetx tipprovdi dħul mill-bejgħ għas-sena 2001 maqsum abbażi tax-xema’ tal-paraffin u tax-xema’ ratba. Skont il-premessa 628 tad-deċiżjoni kkontestata, iċ-ċifri pprovduti mill-grupp Shell kienu kkorrispondew għaċ-ċifri tal-bejgħ totali indikati mir-rikorrenti. Madankollu, ir-rikorrenti ma kinux f’pożizzjoni li jivverifikaw din l-affermazzjoni, peress li d-dħul mill-bejgħ pprovdut minn Shell ma kienx aċċessibbli għalihom matul il-proċedura amministrattiva. F’kull każ, skont l-informazzjoni tagħhom, l-attività “xema’ tal-paraffin” ta’ dik li kienet Dea Mineraloel laħqet, bħala medja, matul is-snin 1998-1999 sa 2000-2001, dħul mill-bejgħ li jammonta għal madwar EUR 18.2-il miljun. Din iċ-ċifra hija madwar EUR 280 000 inqas minn dik ikkalkolata mill-Kummissjoni.

203

Għandu jitfakkar li, skont il-premessa 59 tad-deċiżjoni kkontestata:

“[I]l-valur medju annwali tal-bejgħ tax-xema’ tal-paraffin fiż-ŻEE [tal-grupp RWE] kien, skont Shell, ta’ EUR 13 785 353 fis-snin [ta’ bejn] l-1999 u l-2001. Il-valur medju annwali tal-bejgħ tax-xema’ ratba fiż-ŻEE kien, skont Shell, ta’ EUR 4 670 083 fis-snin [ta’ bejn] l-1999 u l-2001.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

204

Skont il-premessa 628 tad-deċiżjoni kkontestata:

“[I]l-Kummissjoni użat iċ-ċifri pprovduti mill-impriżi għall-finijiet tal-kalkolu. Peress li RWE ma kinitx f’pożizzjoni li tikkomunika l-valur tal-bejgħ fir-rigward ta’ kull prodott għall-2001, il-Kummissjoni użat, f’dan ir-rigward, l-informazzjoni kkomunikata minn Shell, li tidher li taqbel maċ-ċifri tal-bejgħ totali li RWE setgħet tipprovdi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

205

F’dan ir-rigward, diġà ġie deċiż li, f’dak li jikkonċerna l-iffissar tal-multi għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, il-Kummissjoni tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta hija tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha tikkalkola l-gravità u t-tul tal-ksur imwettaq, mingħajr ma hija meħtieġa tipprovdi fiha spjegazzjoni iktar iddettaljata jew li tindika ċ-ċifri relatati mal-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il‑Kummissjoni, C-279/98 P, Ġabra p. I-9693, punti 38 sa 47, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T-191/98, T-212/98 sa T-214/98, Ġabra p. II-3275, punt 1532). L-indikazzjoni ta’ ċifri relatati mal-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-multi, utli kemm hija utli, ma hijiex indispensabbli sabiex ikun issodisfat l-obbligu ta’ motivazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Salzgitter vs Il‑Kummissjoni, C-182/99 P, Ġabra p. I-10761, punt 75, u sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2008, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, T-68/04, Ġabra p. II-2511, punt31).

206

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fir-risposta tagħhom tal-31 ta’ Jannar 2009 għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti affermaw li huma ma setgħux jipproduċu ċifri għas-sena 2001‑2002. Issa, fl-assenza ta’ dawn iċ-ċifri, il-valur tal-bejgħ għas-sena kalendarja 2001, meħud sistematikament inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, ma setax jiġi ddeterminat. Bl-istess mod, ir-rikorrenti affermaw fl-istess risposta li huma ma setgħux jipproduċu ċifri separati għax-xema’ tal-paraffin u għax-xema’ ratba għas-snin preċedenti. Issa, tali ċifri separati kienu neċessarji għall-kalkolu tal-ammont tal-multa, fid-dawl tal-fatt li l-koeffiċjent ikkunsidrat fir-rigward tal-gravità tal-ksur kien differenti għal dawn iż-żewġ gruppi ta’ prodotti, jiġifieri 18 % għax-xema’ tal-paraffin u 15 % għax-xema’ ratba.

207

Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li, fir-risposta tagħhom tal-5 ta’ Marzu 2008 għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti indikaw li huma kienu kkuntattjaw lil Shell sabiex isiru jafu dwar iċ-ċifri tal-bejgħ ta’ din tal-aħħar li kienu disponibbli u li huma kienu jafu li Shell kienet diġà pprovdiet lill-Kummissjoni ċ-ċifri tal-bejgħ għas-sena 2001‑2001. Huma rreferew għaċ-ċifri ta’ Shell prodotti fir-rigward ta’ din is-sena, filwaqt li ammettew l-assenza ta’ tali ċifri affidabbli u disponibbli fir-rigward tal-grupp RWE.

208

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi rrilevat li, matul il-korrispondenza preċedenti għar-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti ma kkontestawx l-użu, mill-Kummissjoni, taċ-ċifri relatati mal-bejgħ ipprovduti minn Shell, iżda, għall-kuntrarju, huma inkoraġġixxew lill-Kummissjoni tużahom fir-rigward tas-sena 2001‑2002.

209

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata, kif interpretata fit-totalità tagħha u fil-kuntest tagħha, b’mod partikolari fid-dawl tal-korrispondenza skambjata bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni u fid-dawl tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat, kienet tippermetti li jinftiehmu r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni kienet użat iċ-ċifri pprovduti minn Shell.

210

F’dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti li jgħid li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tippermetti li jinftiehem il-metodu li Shell kienet segwiet meta qasmet id-dħul mill-bejgħ bejn ix-xema’ tal-paraffin u x-xema’ ratba, hemm lok li jiġi nnotat li l-Kummissjoni ssodisfat l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta hija indikat, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li kienu ppermettewlha tevalwa l-gravità u t-tul tal-ksur imwettaq, mingħajr ma hija meħtieġa tipprovdi fiha spjegazzjoni iktar iddettaljata jew li tindika ċ-ċifri relatati mal-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-multa (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 205 iktar ’il fuq).

211

Barra minn hekk, il-Kummissjoni setgħet validament tippreżumi, abbażi tal-indikazzjonijiet mogħtija mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva, li ċ-ċifri pprovduti minn Shell ma kinux ser jiġu kkontestati minnhom, fid-dawl tal-indikazzjoni ta’ kuntatti bejn iż-żewġ gruppi u fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti kienu wkoll irreferew għaċ-ċifri pprovduti minn Shell. Issa, fid-dawl tal-assenza ta’ obbligu ġenerali li jiġu speċifikati l-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha rilevanti u fid-dawl tal-fatt li l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi b’mod partikolari fuq il-kuntest tal-adozzjoni tal-att ikkontestat, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata ma tinkludix fid-deċiżjoni kkontestata analiżi ddettaljata relatata maċ-ċifri pprovduti minn Shell, fid-dawl b’mod partikolari tal-indikazzjonijiet, mir-rikorrenti, relatati mal-kuntatt li sar ma’ Shell f’dan ir-rigward u fid-dawl tar-riferiment minnhom għal parti mill-informazzjoni miżmuma minn Shell.

212

Barra minn hekk, b’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti affermaw li, fil-25 ta’ Jannar 2008, Shell kienet effettivament qiegħdet għad-dispożizzjoni tagħhom informazzjoni relatata mad-dħul mill-bejgħ, li kienet toriġina mill-istess bank tad-data bħal dak li kienet irriżultat minnu l-informazzjoni kkomunikata minn Shell lill-Kummissjoni. Is-sempliċi fatt li l-informazzjoni miksuba mingħand Shell ma kinitx tirreferi għas-snin kalendarji, iżda għas-snin li jibdew mill-bidu tax-xahar ta’ Lulju sal-aħħar tax-xahar ta’ Ġunju ta’ kull sena, ma setax iwaqqaf lir-rikorrenti milli jifhmu l-metodu ta’ kalkolu tal-Kummissjoni, peress li d-deċiżjoni kkontestata kienet tippreċiża li l-valur tal-bejgħ kien ġie kkalkolat abbażi tal-informazzjoni relatata mas-snin kalendarji. Għaldaqstant, ir-rikorrenti setgħu jifhmu, abbażi tad-deċiżjoni kkontestata u tal-kuntest tal-adozzjoni tagħha li l-Kummissjoni kienet aġġustat l-informazzjoni relatata mas-snin finanzjarji għall-metodu tagħha li jikkonsisti f’li jittieħdu inkunsiderazzjoni s-snin kalendarji.

213

Għaldaqstant, hemm lok li l-ewwel parti tat-tielet motiv tiġi miċħuda.

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta ’ proporzjonalità u tar-Regolament Nru 1/2003 fl-iffissar tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti

Fuq l-għażla tal-perijodu ta’ referenza (snin kalendarji 1999 sa 2001)

214

Ir-rikorrenti jsostnu li l-ammont tal-multa imposta fuqhom huwa sproporzjonat meta mqabbel mal-gravità tal-ksur, peress li l-valur tal-bejgħ tagħhom kien ħafna ikbar matul il-perijodu ta’ referenza magħżul mill-Kummissjoni (1999 sa 2001) milli matul il-perijodu preċedenti (1992 sa 1998) u l-perijodu sussegwenti (2002 sa 2004). L-ammont tal-multa kkalkolat abbażi tal-valur tal-bejgħ hekk iffissat ma jirriflettix il-gravità tal-ksur imwettaq minnhom, peress li l-valur tal-bejgħ miksub matul il-perijodu ta’ referenza ma jirrappreżentax il-perijodu kollu tal-ksur. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 u l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

215

Skont ir-rikorrenti, sabiex tirrifletti aħjar il-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni l-medja tal-valur tal-bejgħ magħmul fis-swieq suġġetti għall-kartell matul il-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur. Kieku l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ magħmul bħala medja matul is-snin 1992-1993 sa 2000-2001, hija kienet, ceteris paribus, tasal għal multa ta’ ammont ta’ EUR 30.95 miljun, minflok ta’ EUR 37 440 000 li hija imponietilhom.

216

Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jirrikjedi li l-atti tal-istituzzjonijiet ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u meħtieġ għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u dan bil-kundizzjoni li, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u bil-kundizzjoni li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet intiżi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C-331/88, Ġabra p. I-4023, punt 13, u tal-5 ta’ Mejju 1998, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kummissjoni, C-180/96, Ġabra p. I-2265, punt 96; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, T‑30/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 223).

217

Fil-kuntest tal-proċeduri mibdija mill-Kummissjoni sabiex tissanzjona l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju timplika li l-multi ma għandhomx ikunu sproporzjonati fir-rigward tal-għanijiet li jridu jintlaħqu, jiġifieri fir-rigward tal-osservanza ta’ dawn ir-regoli, u li l-ammont tal-multa imposta fuq l-impriża minħabba ksur fil-qasam tal-kompetizzjoni għandu jkun proporzjonat mal-ksur, evalwat fit-totalità tiegħu, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-gravità u t-tul tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, punt 216 iktar ’il fuq, punti 223 u 224, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika li l-Kummissjoni għandha tiffissa l-ammont tal-multa proporzjonalment mal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u li f’dan ir-rigward hija għandha tapplika dawn l-elementi b’mod koerenti u oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, T-43/02, Ġabra p. II-3435, punti 226 sa 228, u tat-28 ta’ April 2010, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il‑Kummissjoni, T-446/05, Ġabra p. II-1255, punt 171).

218

Barra minn hekk, fir-rigward tal-għażla tal-perijodu ta’ referenza, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni hija meħtieġa tagħżel metodu ta’ kalkolu li jippermettilha tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs u s-saħħa ekonomika ta’ kull impriża kkonċernata kif ukoll il-portata tal-ksur imwettaq minn kull waħda minnhom, skont it-realtà ekonomika kif kienet tirriżulta fiż-żmien tat-twettiq tal-ksur. Barra minn hekk, il-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għandu jiġi ddefinit b’mod li d-dħul mill-bejgħ jew il-partijiet mis-suq miksuba jkunu wkoll kemm jista’ jkun paragunabbli. Minn dan jirriżulta li s-sena ta’ referenza ma għandhiex neċessarjament tkun l-aħħar sena kompleta li matulha l-ksur ikun baqa’ għaddej (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il‑Kummissjoni, T-11/06, Ġabra p. II-6681, punt 177; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2010, Trioplast Wittenheim vs Il‑Kummissjoni, T‑26/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 81 u 82, u l-ġurisprudenza ċċitata).

219

Minn dan jirriżulta li impriża speċifika ma tistax teħtieġ li l-Kummissjoni tibbaża ruħha, fir-rigward tagħha, fuq perijodu differenti minn dak ġeneralment ikkunsidrat ħlief fil-każ fejn hija turi li d-dħul mill-bejgħ li hija għamlet matul dan l-aħħar perijodu ma jikkostitwixxix, għal raġunijiet speċifiċi għaliha, indikazzjoni tad-daqs u tas-saħħa ekonomika reali tagħha, u lanqas indikazzjoni tal-portata tal-ksur li hija wettqet (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Fiskeby Board vs Il‑Kummissjoni, punt 199 iktar ’il fuq, punt 42, u tat-30 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, T‑175/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 142).

220

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, billi kkunsidrat il-medja tal-aħħar tliet snin ta’ parteċipazzjoni ta’ kull impriża implikata fil-ksur, il-Kummissjoni għażlet perijodu ta’ referenza li globalment kien jissodisfa r-rekwiżit, stabbilit mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 216 iktar ’il fuq, li jiġi ddefinit il-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod li ċ-ċifri miksuba jkunu kemm jista’ jkun paragunabbli.

221

It-tieni nett, ir-rikorrenti ma wrewx li d-dħul mill-bejgħ li huma kienu għamlu matul dan l-aħħar perijodu ma kienx jikkostitwixxi, għal raġunijiet speċifiċi għalihom, indikazzjoni tad-daqs u tas-saħħa ekonomika reali tagħha jew indikazzjoni tal-portata tal-ksur li huma kienu wettqu.

222

Fil-fatt, għalkemm huwa veru li l-medja tal-valur rilevanti tal-bejgħ tas-snin ta’ bejn l-1999 u l-2001 kienet ogħla miċ-ċifri annwali tas-snin ta’ parteċipazzjoni preċedenti, mill-punt 130 tar-rikors jirriżulta li dan kien essenzjalment dovut għall-fatt li d-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti ġġenerat fis-swieq suġġetti għall-kartell kien żdied b’mod kontinwu matul il-perijodu ta’ parteċipazzjoni fil-ksur. Issa, tali żieda tista’ tkun il-korollarju tipiku ta’ akkordju li wieħed mill-għanijiet prinċipali tiegħu huwa li jiżdiedu l-prezzijiet tal-prodotti kkonċernati. Bl-istess mod, tali żieda tista’ wkoll, għall-inqas parzjalment, tirriżulta minn fatturi ġenerali bħall-inflazzjoni jew il-fatt li l-prezz tal-materji primi tal-prodotti inkwistjoni wkoll kellu tendenza jiżdied fis-suq dinji, li huwa dak li kien il-każ f’dan il-każ, peress li, skont l-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni, il-prezz taż-żejt mhux maħdum kien żdied b’mod kunsiderevoli bejn l-1992 u l-2001.

223

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jsemmu ebda ċirkustanza eċċezzjonali li kienet ikkawżat iż-żieda tal-valur tal-bejgħ tagħhom għall-perijodu ta’ bejn l-1992 u 2001. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi osservat li din iż-żieda hija tendenza u turi korrelazzjoni kbira mal-prezz taż-żejt mhux maħdum.

224

Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma jistgħux b’mod validu jibbażaw ruħhom fuq il-fatt li l-medja annwali tal-valur tal-bejgħ tagħhom magħmul magħtul il-perijodu ta’ referenza kienet ogħla minn dik għall-perijodu ta’ bejn l-2002 u l-2004. Fil-fatt, matul dan l-aħħar perijodu, bl-eċċezzjoni tal-ewwel nofs tal-2002, il-kumpannija direttament implikata fil-ksur ma kinitx iktar miżmuma mir-rikorrenti. Għaldaqstant, il-fatt li l-valur tal-bejgħ ta’ Shell Deutschland Oil naqas meta mqabbel ma’ dak ta’ Dea Mineraloel ma kienx relatat mal-politika kummerċjali tar-rikorrenti, b’mod li dan ma jistax jiġi invokat favur tagħhom.

225

Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma wrewx li l-valur tal-bejgħ li huma għamlu matul il-perijodu ta’ referenza ma kienx jikkostitwixxi, għal raġunijiet speċifiċi għalihom, indikazzjoni tad-daqs u tas-saħħa ekonomika reali tagħhom jew indikazzjoni tal-portata tal-ksur li huma kienu wettqu.

226

Peress li l-għażla tal-perijodu ta’ referenza mill-Kummissjoni kienet tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza, l-argumenti tar-rikorrenti relatati mal-possibbiltà li terġa’ tiġi stabbilita l-informazzjoni relatata mas-sena 1993‑1994 għandhom jiġu miċħuda bħala irrilevanti.

227

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u lanqas il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi ħadet bħala bażi ta’ kalkolu l-valur annwali medju tal-bejgħ tar-rikorrenti għall-perijodu ta’ bejn l-1999 u l-2001.

228

F’kull każ, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali tqis li l-għażla tal-perijodu ta’ referenza fir-rigward tar-rikorrenti hija ġġustifikata miċ-ċirkustanzi kollha ta’ fatt u ta’ liġi tal-kawża.

Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċifri pprovduti minn Shell

229

Permezz tat-tieni lment tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq iċ-ċifri relatati mal-valur tal-bejgħ ipprovduti minn Shell u mhux fuq dawk li huma kienu pproduċew.

230

L-ewwel nett, hemm lok li jitfakkar li, skont il-punti 15 u 16 tal-linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni għandha tuża, bil-għan li tiddetermina l-valur tal-bejgħ ta’ impriża, l-aħjar informazzjoni disponibbli ta’ din l-impriża. Meta l-informazzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni minn impriża ma tkunx kompleta jew affidabbli, il-Kummissjoni tista’ tiddetermina l-valur tal-bejgħ ta’ din l-impriża abbażi ta’ informazzjoni parzjali li hija kisbet jew abbażi ta’ kull informazzjoni kollha li hija tqis bħala rilevanti jew adatta.

231

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ripetutament indikaw waqt il-proċedura amministrattiva li huma ma kinux f’pożizzjoni li jipproduċu informazzjoni għas-sena 2001-2002. Issa, l-ewwel nofs ta’ din is-sena kienet tikkonċerna s-sena kalendarja 2001, li kienet tifforma parti mill-perijodu ta’ referenza meħud inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni (snin kalendarji 1999 sa 2001).

232

Sussegwentement, ir-rikorrent ripetutament indikaw, b’risposta għat-talbiet għal informazzjoni tal-Kummissjoni, li huma ma kinux f’pożizzjoni li jipproduċu dħul mill-bejgħ separat abbażi tal-gruppi ta’ prodotti. Issa, peress li l-koeffiċjenti ta’ gravità użati mill-Kummissjoni kienu differenti għax-xema’ tal-paraffin u għax-xema’ ratba, id-dħul mill-bejgħ separat kien indispensabbli għall-kalkolu tal-ammont tal-multi (ara l-punt 206 iktar ’il fuq).

233

Għaldaqstant, l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti ma kinitx kompleta, b’mod li l-Kummissjoni kellha tuża informazzjoni oħra sabiex tkun tista’ tikkalkola l-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta fuqhom.

234

It-tieni nett, mir-risposta ta’ Shell tal-31 ta’ Jannar 2008 għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni jirriżulta li l-informazzjoni prodotta minn Shell kienet koerenti u kompleta u suffiċjenti fiha nnifisha għall-kalkolu tal-Kummissjoni.

235

It-tielet nett, għandu jitfakkar (ara l-punti 207 u 208 iktar ’il fuq) li r-rikorrenti indikaw fir-risposta tagħhom tal-5 ta’ Marzu 2008 għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni li huma kienu kkuntattjaw lil Shell sabiex isiru jafu dwar iċ-ċifri tal-bejgħ disponibbli għaliha u li huma kienu jafu li Shell kienet diġà pprovdiet lill-Kummissjoni ċifri tal-bejgħ għas-sena 2001‑2002. Huma rreferew għaċ-ċifri ta’ Shell prodotti fir-rigward ta’ din is-sena, filwaqt li ammettew l-assenza ta’ tali ċifri affidabbli u disponibbli fir-rigward tal-grupp RWE.

236

Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ma jsostnux espliċitament li l-valur tal-bejgħ ikkunsidrat mill-Kummissjoni għas-snin kalendarji ta’ bejn l-1999 u l-2001 f’dak li jikkonċerna x-xema’ tal-paraffin u x-xema’ ratba huwa żbaljat. Huma jillimitaw ruħhom jindikaw li l-attività “xema’ tal-paraffin” ta’ dik li kienet Dea Mineraloel laħqet bħala medja, matul is-snin 1998-1999 sa 2000-2001, dħul mill-bejgħ li jammonta għal madwar EUR 18.2-il miljun u li din iċ-ċifra hija madwar EUR 280 000 inqas minn dik ikkalkolata mill-Kummissjoni. Issa, dan l-argument ma jistax juri żball imwettaq mill-Kummissjoni, peress li l-informazzjoni kkomunikata mir-rikorrenti kienet tikkonċerna s-snin 1998‑1999 sa 2000‑2001, u mhux is-snin kalendarji sistematikament meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, miċ-ċifri kkomunikati mir-rikorrenti fil-punt 130 tar-rikors jirriżulta li l-valur tal-bejgħ għax-xema’ tal-paraffin matul is-sena 1998‑1999 kien ta’ EUR 16 304 000, filwaqt li, għas-sena 1999‑2000, din iċ-ċifra kienet ta’ EUR 19 543 000. Matul is-sena 2000‑2001, il-valur tal-bejgħ għax-xema’ tal-paraffin kien ta’ EUR 18 677 000. Huwa għaldaqstant plawżibbli li d-differenza ta’ EUR 280 000 kienet dovuta għall-fatt li l-perijodu magħżul mir-rikorrenti kien jinkludi t-tieni nofs tas-sena 1998, meta l-valur tal-bejgħ kien iżgħar minn dak miksub matul it-tieni nofs tas-sena 2001, li madankollu ma kienx inkluż fil-kalkolu tar-rikorrenti.

237

Il-ħames nett, ir-rikorrenti ma jistgħux validament jakkużaw lill-Kummissjoni li ma kkompletatx l-informazzjoni pprovduta minn Shell permezz tal-informazzjoni parzjali tagħhom u permezz tal-istimi tagħhom. Fil-fatt, meta l-Kummissjoni jkollha informazzjoni kompleta, koerenti u affidabbli, minn sors li r-rikorrenti stess jirreferu għalih f’dak li jikkonċerna parti mill-informazzjoni, hija ma tistax tkun marbuta li tgħaqqadha mal-informazzjoni ta’ sors ieħor li ġiet ikkalkolata abbażi ta’ metodu differenti u li għaldaqstant il-kompatibbiltà tagħha ma hijiex ċerta.

238

Għaldaqstant, l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċifri relatati mal-valur tal-bejgħ ipprovdut minn Shell għandu jiġi miċħud.

239

Għaldaqstant, hemm lok li t-tieni parti tat-tielet motiv tiġi miċħuda.

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta ’ ugwaljanza fit-trattament u tal-linji gwida tal-2006

240

Ir-rikorrenti jsostnu li, fid-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa li ġiet imposta fuqhom, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ medju tas-snin 1999 sa 2001, filwaqt li, għal Shell, ittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ medju tas-snin 2002 sa 2004 (għax-xema’ tal-paraffin) u 2001 sa 2003 (għax-xema’ ratba). Din id-differenza fil-kalkolu kellha bħala konsegwenza ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għal żewġ raġunijiet.

241

Min-naħa, ir-rikorrenti jfakkru li huma nżammew responsabbli għall-ksur imwettaq minn Dea Mineraloel u minn Shell & Dea Oil matul il-perijodu ta’ bejn it-3 ta’ Settembru 1992 u t-30 ta’ Ġunju 2002. Shell kienet inżammet responsabbli għal dan il-ksur matul l-istess perijodu u, barra minn hekk, ukoll għall-ksur imwettaq mill-kumpanniji li ssuċċedew lil Shell & Dea Oil, għal perijodu totali ta’ bejn it-3 ta’ Settembru 1992 u s-17 ta’ Marzu 2005. Madankollu, minħabba d-differenza fil-perijodu ta’ referenza, l-ammont bażiku tal-multa kkalkolat għal Shell kien iżgħar minn dak stabbilit għal RWE, anki jekk il-perijodu ta’ parteċipazzjoni fl-akkordju kien itwal bi kważi tliet snin fil-każ ta’ Shell. Tali ffissar tal-ammont bażiku tal-multa huwa “diskriminatorju”.

242

Min-naħa l-oħra, l-inugwaljanza fit-trattament tar-rikorrenti u ta’ Shell matul il-perijodu tal-impenn reċiproku tagħhom fir-rigward ta’ Shell & Dea Oil, jiġifieri matul il-perijodu ta’ bejn it-2 ta’ Jannar u t-30 ta’ Ġunju 2002, hija wkoll manifesta. L-ammont bażiku tal-multa li, prorata temporis, ġiet applikata fir-rigward tar-rikorrenti għal dan il-perijodu jammonta għal EUR 1.6 miljun. Għal Shell, dan l-ammont huwa inqas minn EUR 1.2 miljun, filwaqt li hija ġiet imposta multa minħabba l-istess ksur imwettaq minn Shell & Dea Oil, in solidum, hekk kif jirriżulta mill-premessa 530 tad-deċiżjoni kkontestata.

243

Skont ir-rikorrenti, kieku l-Kummissjoni kienet — bħal fir-rigward ta’ Shell — iddeterminat l-ammont bażiku tal-multa fir-rigward tagħhom billi bbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ medju tas-snin 2002 sa 2003 għax-xema’ tal-paraffin u fuq dak tas-snin 2001 sa 2003 għax-xema’ ratba, hija kienet tasal għal ammont ta’ madwar EUR 24.93 miljun u, ceteris paribus, għal multa ta’ ammont ta’ EUR 29.92 miljun. Dan kważi jikkorrispondi għall-ammont tal-multa li jirriżulta mill-kalkolu magħmul abbażi tad-dħul mill-bejgħ medju tas-snin 1992‑1993 sa 2000‑2001. Għaldaqstant, biss id-determinazzjoni tad-dħul mill-bejgħ rilevanti abbażi tad-dħul mill-bejgħ medju tas-snin ta’ operazzjoni 1992‑1993 sa 2000‑2001 hija konformi mal-linji gwida tal-2006 u mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

244

L-ewwel nett, f’dak li jikkonċerna l-ilment ġenerali tar-rikorrenti bbażat fuq l-applikazzjoni ta’ perijodu ta’ referenza minflok ta’ kalkolu tal-ammont bażiku mwettaq abbażi tal-valuri tal-bejgħ relatati ma’ kull waħda mis-snin tal-ksur, hemm lok li jsir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 216 sa 225 iktar ’il fuq. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata tiddetermina l-valur tal-bejgħ abbażi ta’ perijodu ta’ referenza li jirrendi ċ-ċifri relatati mal-impriżi kollha kkonċernati kemm jista’ jkun paragunabbli, sakemm impriża ma turix li l-valur tal-bejgħ li hija għamlet matul il-perijodu ta’ referenza ma jikkostitwixxix, għal raġunijiet speċifiċi għaliha, indikazzjoni tad-daqs u tas-saħħa ekonomika reali tagħha jew indikazzjoni tal-portata tal-ksur li hija wettqet. Issa, ir-rikorrenti ma wrewx li dan kien il-każ f’dan il-każ.

245

It-tieni nett, ma hemmx lok li jiġi eżaminat il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-perijodu ta’ eżistenza tal-impriża konġunta Shell & Dea Oil, peress li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma indikatx biżżejjed elementi sabiex tiġi imputata lir-rikorrenti r-responsabbiltà għall-aġir tagħha (ara l-punt 130 iktar ’il fuq).

246

It-tielet nett, għandu jiġi eżaminat l-ilment tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-fatt li, għalkemm l-ammont bażiku tal-multa kkalkolat għal Shell kien ibbażat fuq l-istess ksur imwettaq mill-istess kumpannija bħal fil-każ tagħhom u għalkemm it-tul tal-parteċipazzjoni fil-ksur ta’ Shell kien itwal minn dak tar-rikorrenti, l-ammont bażiku tal-multa kkalkolat fir-rigward tagħha kien iżgħar (EUR 30 miljun) minn dak ikkalkolat għar-rikorrenti (EUR 31.2 miljun).

247

Għandu jitfakkar li l-fatt li l-ammont bażiku tal-multa stabbilit fir-rigward tar-rikorrenti kien ikbar minn dak stabbilit għal Shell huwa dovut għas-sempliċi fatt li l-perijodu ta’ referenza kien differenti. Il-valur medju annwali tal-bejgħ ta’ Shell Deutschland Oil matul il-perijodu ta’ bejn l-2002 u l-2004 għax-xema’ tal-paraffin u matul il-perijodu ta’ bejn l-2001 u l-2003 għax-xema’ ratba kien iżgħar minn dak ta’ Dea Mineraloel matul il-perijodu ta’ bejn l-1999 u l-2001.

248

Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-iffissar tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni għandha tosserva l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jgħid li huwa pprojbit li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, T-236/01, T-239/01, T-244/01 sa T-246/01, T-251/01 u T-252/01, Ġabra p. II-1181, punt 219).

249

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li l-użu ta’ sena ta’ referenza komuni għall-impriżi kollha li pparteċipaw fl-istess ksur kien jiżgura li kull impriża tiġi ttrattata bl-istess mod bħall-oħrajn, inkwantu s-sanzjonijiet jiġu ddeterminati b’mod uniformi u, min-naħa l-oħra, li l-għażla tas-sena ta’ referenza li tagħmel parti mill-perijodu ta’ ksur kienet tippermetti li tiġi evalwata l-portata tal-ksur mwettaq abbażi tar-realtà ekonomika kif kienet tirriżulta matul dan il-perijodu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Aristrain vs Il‑Kummissjoni, C-196/99 P, Ġabra p. I-11005, punt 129).

250

Madankollu, minn dan ma jirriżultax li l-għażla ta’ perijodu ta’ referenza komuni tikkostitwixxi l-uniku mezz sabiex is-sanzjonijiet jiġu ddeterminati b’mod konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tista’ legalment tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, għal impriża partikolari, is-sena ta’ referenza komuni tkun barra mill-perijodu ta’ ksur stabbilit fir-rigward tagħha u ma tikkostitwixxix għalhekk indikazzjoni utli tal-piż individwali tagħha fil-mument tal-ksur u, minħabba f’hekk, tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tagħha relatat ma’ sena differenti mis-sena ta’ referenza komuni, bil-kundizzjoni li l-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa fir-rigward tad-diversi membri tal-akkordju jibqa’ koerenti u oġġettivament iġġustifikat.

251

Issa, f’dan il-każ, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-medja annwali tal-valur tal-bejgħ tal-aħħar tliet snin ta’ parteċipazzjoni fil-ksur, il-Kummissjoni applikat b’mod oġġettiv kriterju uniformi fir-rigward tal-membri kollha tal-akkordju, preċiżament bil-għan li tiġi osservata l-ugwaljanza fit-trattament tal-parteċipanti.

252

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li t-tnaqqis tal-valur tal-bejgħ li kellu bħala riżultat li l-ammont bażiku tal-multa stabbilit għal Shell kien inqas minn dak stabbilit għal RWE seħħ matul il-perijodu ta’ bejn l-2002 u l-2004. Fir-rigward tal-ewwel sitt xhur ta’ dan il-perijodu, l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq Shell & Dea Oil minn RWE ma ġiex stabbilit. Fir-rigward tas-sentejn u d-disa’ xhur li kien jifdal, mill-1 ta’ Lulju 2002 sas-17 ta’ Marzu 2005, huwa paċifiku li Shell Deutschland Oil u Shell Deutschland Schmierstoff kienu joperaw b’mod kompletament indipendenti meta mqabbla ma’ RWE. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament qieset li r-rikorrenti ma kellhomx jibbenefikaw mill-fatt li l-kontribuzzjoni ta’ Shell fir-rigward tal-akkordju kienet tilfet l-importanza ekonomika tagħha lejn l-aħħar, meta r-rikorrenti ma kinux ipparteċipaw iktar fih, fuq kollox fid-dawl tal-fatt li, matul il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur, il-valur tal-bejgħ tar-rikorrenti fis-swieq suġġetti għall-kartell kellu tendenza ta’ żieda kontinwa.

253

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li l-fatt li l-ammont bażiku tal-multa kkalkolat għar-rikorrenti huwa ikbar minn dak ikkalkolat għall-grupp Shell huwa dovut biss għall-fatt li l-valur tal-bejgħ magħmul fis-swieq suġġetti għall-kartell naqas b’mod sinjifikattiv wara l-akkwist ta’ Dea Mineraloel minn Shell. Għaldaqstant peress li r-rikorrenti kienu f’sitwazzjoni differenti minn dik ta’ Shell f’dak li jikkonċerna aspett rilevanti mil-lat tal-iffissar tal-ammont tal-multa, l-ilment tagħhom ibbażat fuq nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi miċħud.

254

F’kull każ, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali tqis li l-ammont bażiku stabbilit mill-Kummissjoni jirrifletti korrettament il-gravità u t-tul tal-ksur imwettaq minn Dea Mineraloel, fir-rigward taċ-ċirkustanzi kollha ta’ fatt u ta’ liġi tal-kawża.

255

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li t-tielet parti tat-tielet motiv tiġi miċħuda wkoll u, għalhekk, li t-tielet motiv jiġi miċħud kollu kemm hu.

4. Fuq l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa u fuq id-determinazzjoni tal-ammont finali tal-multa

256

Għandu jitfakkar li l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni huwa kkompletat bil-ġurisdizzjoni sħiħa, li hija rrikonoxxuta lill-qorti tal-Unjoni fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, b’mod konformi mal-Artikolu 229 KE. Din il-ġurisdizzjoni tagħti s-setgħa lill-qorti, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, sabiex tħassar, tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa jew tal-pagamenti ta’ penalità imposti. Għaldaqstant l-istħarriġ previst mit-Trattati jimplika, skont ir-rekwiżiti tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li l-qorti tal-Unjoni teżerċita stħarriġ kemm legali kif ukoll fattwali u li hija għandha s-setgħa tevalwa l-provi, tannulla d-deċiżjoni kkontestata, u temenda l-ammont tal-multi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, C-3/06 P, Ġabra p. I-1331, punti 60 sa 62, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Ottubru 2003, General Motors Nederland u Opel Nederland vs Il‑Kummissjoni, T-368/00, Ġabra p. II-4491, punt 181).

257

Għaldaqstant hija l-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li għandha tevalwa, fid-data li fiha hija tadotta d-deċiżjoni tagħha, jekk ġietx imposta fuq ir-rikorrenti multa li l-ammont tagħha jirrifletti korrettament il-gravità u t-tul tal-ksur inkwistjoni, b’mod li dawn il-multi jkunu ta’ natura proporzjonata fir-rigward tal-kriterji previsti fl-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, Aristrain vs Il‑Kummissjoni, T-156/94, Ġabra p. II-645, punti 584 sa 586, u tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il‑Kummissjoni, T-220/00, Ġabra p. II-2473, punt 93).

258

Madankollu għandu jiġi enfasizzat li l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u għandu jitfakkar li l-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni hija kontradittorja (sentenza Chalkor vs Il‑Kummissjoni, punt 162 iktar ’il fuq, punt 64).

259

F’dan il-każ, sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, fir-rigward tal-gravità tal-ksur, 18 % tal-valur annwali tal-bejgħ tax-xema’ tal-paraffin u 15 % tal-valur annwali tal-bejgħ tax-xema’ ratba. L-ammonti hekk miksuba ġew immultiplikati, minħabba t-tul tal-ksur, b’koeffiċjent ta’ 10 għax-xema’ tal-paraffin u ta’ 5 għax-xema’ ratba. Bħala total, inkluż il-“ħlas supplimentari” [traduzzjoni mhux uffiċjali] applikat minħabba l-gravità tal-ksur, li r-rata tiegħu kienet ukoll ta’ 18 % tal-valur tal-bejgħ tax-xema’ tal-paraffin u ta’ 15 % tal-valur tax-xema’ ratba, il-Kummissjoni użat il-multiplikaturi ta’ 11 għax-xema’ tal-paraffin u ta’ 6 għax-xema’ ratba.

260

Hemm lok li jitfakkar li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur ma ġietx stabbilita f’dak li jikkonċerna l-perijodu ta’ bejn it-2 ta’ Jannar u t-30 ta’ Ġunju 2002 u li hemm lok li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata fir-rigward ta’ dan il-perijodu f’dak li jikkonċerna lir-rikorrenti (ara l-punt 130 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, wara t-tnaqqis ta’ dan il-perijodu mit-tul ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur, hemm lok li l-multiplikaturi użati mill-Kummissjoni jitnaqqsu minn 11 għal 10.5 għax-xema’ tal-paraffin u minn 6 għal 5.5, f’dak li jikkonċerna x-xema’ ratba.

261

Il-koeffiċjent hekk iffissat huwa bla ħsara għar-riżultat ta’ analiżi ġdida li l-Kummissjoni eventwalment tagħmel wara din is-sentenza fir-rigward tal-imputabbiltà lir-rikorrenti tal-ksur imwettaq minn Shell & Dea Oil.

262

Barra minn hekk, fir-rigward tal-parti tal-multa imposta għall-perijodu ta’ bejn it-3 ta’ Settembru 1992 u t-2 ta’ Jannar 2002, il-Qorti Ġenerali tqis, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti huwa xieraq, fid-dawl tal-gravità u tat-tul tal-ksur imwettaq.

263

Fid-dawl li dak li ntqal, l-ammont tal-multa huwa ffissat għal EUR 35 888 562.

Fuq l-ispejjeż

264

Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ taqsam l‑ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jekk il-partijiet jitilfu fuq waħda jew iktar mit-talbiet rispettivi tagħhom.

265

F’dan il-każ, it-tieni parti tal-ewwel motiv tar-rikorrenti biss ġiet milqugħa mill-Qorti Ġenerali. Konsegwentement, l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom tnaqqset b’4.1 %. Għaldaqstant, issir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-kawża jekk jiġi deċiż li r-rikorrenti għandhom ibatu erba’ partijiet minn ħames partijiet tal-ispejjeż tagħhom u erba’ partijiet minn ħames partijiet ta’ dawk tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tbati parti waħda minn ħames partijiet tal-ispejjeż tagħha u parti waħda minn ħames partijiet tal-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 5476, tal-1 ta’ Ottubru 2008, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.181 – Xema’ tax-xemgħa), huwa annullat sa fejn il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat fih li RWE AG u RWE Dea AG kienu pparteċipaw fil-ksur wara t-2 ta’ Jannar 2002.

 

2)

L-ammont tal-multa imposta fuq RWE u fuq RWE Dea huwa ffissat għal EUR 35 888 562.

 

3)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

4)

Il-Kummissjoni għandha tbati parti waħda minn ħames partijiet tal-ispejjeż tagħha u parti waħda minn ħames partijiet tal-ispejjeż sostnuti minn RWE u RWE Dea. RWE u RWE Dea għandhom ibatu erba’ partijiet minn ħames partijiet tal-ispejjeż tagħhom u erba’ partijiet minn ħames partijiet ta’ dawk tal-Kummissjoni.

 

Czúcz

Labucka

Gratsias

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Lulju 2014.

Firem

Werrej

 

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

 

1. Il-proċedura amministrattiva u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

 

2. L-istruttura tal-grupp RWE u tal-impriża konġunta Shell & Dea Oil

 

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

 

Id-dritt

 

1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-konstatazzjoni allegatament żbaljata ta’ unitŕ ekonomika bejn ir-rikorrenti u Dea Mineraloel jew Shell & Dea Oil

 

Osservazzjonijiet preliminari

 

Fuq l-ewwel parti, li tirrigwarda l-imputazzjoni lir-rikorrenti tar-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn Dea Mineraloel (perijodu preċedenti għat-2 ta’ Jannar 2002)

 

Fuq id-deċiżjoni kkontestata

 

Fuq il-preżunzjoni ta’ eżistenza ta’ unitŕ ekonomika bejn is-sussidjarja u l-unika kumpannija parent tagħha

 

Fuq l-argumenti tar-rikorrenti relatati mal-konfutazzjoni tal-preżunzjoni

 

– Fuq l-awtonomija operattiva ta’ Dea Mineraloel

 

– Fuq l-assenza ta’ influwenza fuq l-attivitajiet li jikkonċernaw ix-xema’ tal-paraffin u fuq il-perċentwali żgħira ta’ bejgħ ta’ dawn il-prodotti fid-dħul mill-bejgħ ta’ Dea Mineraloel

 

Fuq l-allegata responsabbiltà mingħajr ħtija tar-rikorrenti

 

Fuq it-tieni parti, li tikkonċerna l-imputazzjoni lir-rikorrenti tar-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn Shell & Dea Oil (perijodu mit-2 ta’ Jannar sat-30 ta’ Ġunju 2002)

 

Fuq il-kontroll konġunt u l-eżerċizzju konġunt ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali tal-impriża konġunta

 

Fuq il-fondatezza tal-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-imputazzjoni lil RWE u lil Shell tar-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn Shell & Dea Oil

 

2. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 fir-rigward tar-rikorrenti.

 

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ estensjoni tal-benefiċċju tat-talba għal kooperazzjoni ta’ Shell fir-rigward tar-rikorrenti.

 

Fuq id-deċiżjoni kkontestata

 

Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq l-assenza ta’ estensjoni tal-immunitŕ minn multa mogħtija lil Shell f’dak li jirrigwarda l-ksur imwettaq minn Dea Mineraloel

 

Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq l-assenza ta’ estensjoni tal-immunitŕ minn multa mogħtija lil Shell f’dak li jikkonċerna l-ksur imwettaq minn Shell & Dea Oil

 

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq id-dritt tar-rikorrenti għal eżenzjoni totali jew għal tnaqqis sinjifikattiv fir-rigward tal-ammont tal-multa abbażi tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002

 

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti

 

3. Fuq it-tielet motiv, relatat mad-determinazzjoni tad-dħul mill-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti

 

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-kalkolu tal-valur tal-bejgħ tar-rikorrenti

 

Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-għażla tal-medja tal-valur tal-bejgħ tal-aħħar tliet snin ta’ parteċipazzjoni fil-ksur.

 

Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ

 

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ u tar-Regolament Nru 1/2003 fl-iffissar tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti

 

Fuq l-għażla tal-perijodu ta’ referenza (snin kalendarji 1999 sa 2001)

 

Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċifri pprovduti minn Shell

 

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-linji gwida tal-2006

 

4. Fuq l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa u fuq id-determinazzjoni tal-ammont finali tal-multa

 

Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.