13.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 264/75


Il-Ħamis 24 ta’ Mejju 2012
L-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għal ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali

P7_TA(2012)0225

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Mejju 2012 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali (2011/2285(INI))

2013/C 264 E/12

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 157 TFUE,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) (1);

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2010 bl-isem “Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015” (COM(2010)0491),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-5 ta’ Marzu 2010 bl-isem “Impenn Imsaħħaħ għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel: Karta f’Isem il-Mara” (COM(2010)0078),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta’ Mejju 2010 bl-isem “Id-Differenza fil-Pagi bejn in-Nisa u l-Irġiel fl-Ewropa minn Perspettiva Legali”,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta’ Frar 2009 min-netwerk Ewropew ta’ esperti legali fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi bl-isem “It-Traspożizzjoni tad-Direttiva riformulata 2006/54/KE”,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Lulju 2007 li ġġib l-isem “Niġġieldu kontra l-inugwaljanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel” (COM(2007)0424),

wara li kkunsidra r-rapport tan-netwerk ta' esperti legali tal-Kummissjoni fl-oqsma tax-xogħol, l-affarijiet soċjali u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa ta' Frar 2007 li jġib l-isem “Aspetti Legali tad-Differenza fil-Pagi bejn in-Nisa u l-Irġiel”,

wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-ugwaljanza bejn is-sessi (2011 - 2020) adottat mill-Kunsill fis-7 ta’ Marzu 2011,

wara li kkunsidra l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bbażata fuq l-Artikolu 157 tat-TFUE,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Għajxien u tax-Xogħol tal-5 ta’ Marzu 2010, li jġib l-isem “Addressing the gender pay gap: Government and social partner actions”,

wara li kkunsidra l-Qafas ta’ Azzjonijiet dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi tas-Sħab Soċjali Ewropej tal-1 ta’ Marzu 2005, ir-rapporti ta’ segwitu tiegħu tal-2006, l-2007 u l-2008 u r-rapport ta’ evalwazzjoni finali tal-2009,

wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-1994 tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO) dwar Xogħol Part Time (2), li teżiġi li l-pajjiżi jinkorporaw fil-kuntratti tal-akkwisti pubbliċi tagħhom klawżola dwar ix-xogħol li tinkludi l-kwistjoni ta' pagi indaqs,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni 100 tal-ILO, “Remunerazzjoni Indaqs”,

wara li kkunsidra l-webinar Global Compact tal-ILO u n-NU ta’ Marzu 2011: “Ħlas Ugwali għal Xogħol ta’ Valur Ugwali: Kif ser naslu?”,

wara li kkunsidra l-Artikolu 11(1)(d) tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Għamla ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU permezz tar-Riżoluzzjoni 34/180 tat-18 ta' Diċembru 1979,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Novembru 2008 dwar l-Applikazzjoni tal-prinċipju ta' ħlas indaqs għall-irġiel u n-nisa (3),

wara li kkunsidra s-segwitu tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Frar 2009 għar-riżoluzzjoni tat-18 ta’ Novembru 2008,

wara li kkunsidra l-proposta tat-8 ta’ Marzu 2010 minn 10 tal-Membri tiegħu għat-tfassil ta’ rapport ta’ inizjattiva leġiżlattiva dwar “Pagi Ugwali għal Xogħol Ugwali” skont l-Artikolu 42 tar-Regoli ta' Proċedura,

wara li kkunsidra l-Artikoli 42 u 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7–0160/2012),

A.

billi skont l-aħħar ċifri proviżorji u mhux kompluti fl-Unjoni, il-paga medja tan-nisa fl-Unjoni hija 16,4 % inqas minn tal-irġiel, u d-differenza fil-pagi bejn is-sessi tvarja bejn 4,4 % u 27,6 % fl-Istati Membri, u billi – minkejja l-korp ta' leġiżlazzjoni sinifikanti fis-seħħ għal kważi 40 sena u l-azzjonijiet meħuda u r-riżorsi li ntefqu fit-tentattiv sabiex titnaqqas id-differenza (4) – il-livell ta’ progress kien baxx ħafna (id-disparità fil-livell tal-Unjoni kienet 17,7 % fl-2006, 17,6 % fl-2007, 17,4 % fl-2008, 16,9 % fl-2009 u 16,4 % fl-2010) u f’xi Stati Membri d-differenza kompliet tikber; filwaqt li d-differenza tal-pagi bejn is-sessi tista’ tkun ogħla milli indikat peress li d-dejta ta’ tliet Stati Membri għadha nieqsa;

B.

billi l-kawżi tad-differenza konsistentement kbira fil-pagi bejn is-sessi huma kumplessi, multipli u ħafna drabi interrelatati, u jmorru lil hinn ħafna mill-kwistjoni unika ta’ pagi ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali; billi dawn il-kawżi jinkludu diskriminazzjoni diretta u indiretta, kif ukoll fatturi soċjali u ekonomiċi bħal swieq tax-xogħol segregati ħafna kemm orizzontalment kif ukoll vertikalment, sottovalutazzjoni tax-xogħol tan-nisa, inugwaljanza fl-ibbilanċjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, u tradizzjonijiet u sterjotipi, anke fl-għażla ta’ toroq edukattivi, fil-gwida għall-istudju, fl-aċċess għas-snajja u l-professjonijiet u konsegwentement għall-karrieri professjonali, b’mod partikolari għall-bniet u għan-nisa, li jwassluhom għal professjonijiet tipikament femminili li jitħallsu inqas; billi, skont analiżi minn esperti, id-diskriminazzjoni diretta u indiretta hija responsabbli għal madwar nofs id-differenza;

C.

billi sikwit id-differenzi fil-pagi huma relatati ma’ wirt kulturali u ma’ fatturi legali u ekonomiċi preżenti fis-soċjetà ta’ llum;

D.

billi bħala medja n-nisa kellhom jaħdmu sat-2 ta’ Marzu 2012 sabiex jaqilgħu daqs il-medja tal-qligħ tal-irġiel fis-sena sal-31 ta' Diċembru 2011;

E.

billi l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' pagi ugwali għal xogħol ugwali u għal xogħol tal-istess valur hija kruċjali sabiex tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi; billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ikunu mistiedna jikkompilaw u regolarment joħorġu statistika li turi mhux biss il-medja tar-rata tal-paga f’siegħa, iżda wkoll l-ammonti ta’ pagi li l-irġiel u n-nisa jirċievu għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali;

F.

billi d-Direttiva 2006/54/KE kkontribwiet għat-titjib tas-sitwazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol iżda ma bidlitx b’mod profond il-leġiżlazzjoni dwar it-tnaqqis tad-differenza fil-pagi bejn is-sessi; billi studji preliminari minn esperti juru li sar ftit jew ma sar l-ebda tibdil fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri u ma ttieħdu l-ebda sanzjonijiet kontra dawk li jħaddmu; billi l-kumplessità tal-kwistjoni ma tirrkjedix biss it-titjib tal-leġiżlazzjoni iżda wkoll strateġija madwar l-Ewropa sabiex tiġi indirizzata d-differenza fil-pagi bejn is-sessi, li, min-naħa tagħha, teħtieġ tmexxija soda min-naħa tal-Unjoni fil-koordinazzjoni ta’ politiki, il-promozzjoni tal-prattiki tajba u l-involviment ta’ atturi varji;

G.

billi t-tendenzi juru li s-salarji qegħdin iżjed ta’ spiss jiġu nnegozjati b’mod individwali, li jirriżulta f’nuqqas ta’ informazzjoni u trasparenza dwar is-sistema ta’ ħlas individwalizzat li twassal għal iżjed disparitajiet fil-pagi fost dawk li jħaddmu f’livelli simili, u jista’ jirriżulta fit-twessigħ tad-differenza fil-ħlas bejn is-sessi; billi sistema iżjed deċentralizzata u individwalizzata sabiex jiġu stabbiliti l-pagi għandha għalhekk tiġi vvalutata bħala żvilupp li pjuttost iqajjem tħassib, waqt li l-ħarsien tad-data ma jistax jiġi użat bħala skuża leġittima sabiex ma tiġix ippubblikata informazzjoni statistika dwar is-salarji;

H.

billi, fl-Istati Membri kollha, l-istudenti nisa jiksbu rata ta’ suċċess edukattiv ogħla mill-istudenti rġiel u jirrappreżentaw daqs 59 % tal-gradwati universitarji kollha; billi, madankollu, minħabba t-tradizzjonijiet u l-isterjotipi fl-edukazzjoni huma minoranza tal-gradwati universitarji f’oqsma bħall-matematika u l-inġinerija tal-kompjuter;

I.

billi l-ħiliet u l-kompetenzi tan-nisa ħafna drabi huma sottovalutati, bħalma huma sottovalutati l-professjonijiet u x-xogħlijiet li fihom jippredominaw in-nisa, minkejja li dan mhux neċessarjament ġustifikat permezz ta’ xi kriterju oġġettiv; billi t-twessigħ tal-prospetti tal-karriera u l-bidliet fix-xejriet edukattivi tan-nisa jista' jkollhom influwenza pożittiva fuq l-indirizzar tad-differenza fil-pagi bejn is-sessi;

J.

billi n-nisa jiġu impjegati iżjed ta' spiss f’xogħol part-time, u billi d-differenza fil-pagi bejn is-sessi tammonta għal kważa d-doppju fost il-ħaddiema part-time milli fost il-ħaddiema full-time;

K.

billi, skont analiżi minn esperti, id-differenza fil-pagi bejn is-sessi tibda tidher wara li l-mara tmur lura lejn is-suq tax-xogħol mil-liv tal-maternità tagħha, tiżdied minħabba interruzzjonijiet ripetuti fil-karriera minħabba fatturi esterni, bħal waqfien mix-xogħol biex tieħu ħsieb tfal jew membri dipendenti tal-familja, u aktarx li tkompli tikber bl-età u l-livell edukattiv; billi l-karrieri anqas rapidi, iqsar u/jew interrotti tan-nisa joħolqu wkoll differenza tas-sessi fil-kontribuzzjonijiet għas-sistemi tas-sigurtà soċjali u b’hekk iżidu r-riskju li n-nisa jispiċċaw foqra f'età anzjana;

L.

billi l-istatistika disponibbli tindika li l-kwalifiki u l-esperjenza li jiksbu n-nisa jirriżultaw f’kumpens finanzjarju anqas minn dawk li jiksbu l-irġiel; billi, barra mill-kunċett ta’ pagi ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali, li m’għandux ikun ippreġudikat minn approċċ sterjotipiku għad-differenza bejn is-sessi, jeħtieġ li jitwarrbu rwoli tradizzjonali fis-soċjetà, li s’issa influwenzaw b’mod sinifikattiv l-għażla ta’ edukazzjoni u l-karriera; billi huwa possibbli u neċessarju li jiġu eliminati l-perċezzjonijiet soċjali tas-sessi mill-qasam edukattiv; billi bl-istess mod il-liv tal-maternità jew tal-ġenituri m’għandux iwassal għal diskriminazzjoni kontra n-nisa fis-suq tax-xogħol;;

M.

billi min iħaddem f’industriji u impjiegi femminizzati jħallas pagi inqas bħala medja, u billi dawn l-industriji u l-impjiegi normalment ikollhom inqas rappreżentanza u saħħa tan-negozjar kollettiv;

N.

billi, skont il-leġiżlazzjoni u l-każistika Ewropea, dawk li jħaddmu għandhom japplikaw l-istess kriterji ta' valutazzjoni għall-persunal kollu, l-arranġamenti ta' remunerazzjoni għandhom ikunu jiftiehmu u trasparenti, u l-kriterji applikati għandhom jikkunsidraw in-natura u t-tip ta' xogħol u għandhom ikunu ħielsa minn elementi dikriminatorji;

O.

billi d-differenza fil-pagi hija aktar qawwija fost in-nisa bi żvantaġġi multipli, bħal nisa b’diżabbiltà, nisa minn minoranzi u nisa bla kwalifiki;

P.

billi l-għadd ta’ klejms dwar diskriminazzjoni fil-forma ta’ differenza fil-pagi bejn is-sessi li jaslu għand il-qrati kompetenti huwa żgħir (5); billi jeżistu ħafna spjegazzjonijiet għal din l-iskarsezza, inkluż nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-pagi, l-ambitu problematiku tat-tqabbil, in-nuqqas ta’ riżorsi personali tar-rikorrent;

Q.

billi l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi jista’ jkollu rwol fundamentali fil-monitoraġġ tal-iżvilupp tad-differenza fil-pagi bejn is-sessi, l-analiżi tal-kawżi tagħha u l-valutazzjoni tal-impatt tal-leġiżlazzjoni;

R.

billi l-Parlament talab ripetutament lill-Kummissjoni biex tieħu inizjattivi, inkluża r-reviżjoni ta’ leġiżlazzjoni eżistenti, sabiex tindirizza d-differenza fil-pagi bejn is-sessi, u biex jiġi eradikat ir-riskju tal-faqar fost il-pensjonanti, li huwa akbar fost in-nisa bħala effett dirett tad-differenza fil-pagi bejn is-sessi;

1.

Jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi d-Direttiva 2006/54/KE sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Frar 2013, skont l-Artikolu 32 tagħha, u tipproponi emendi għaliha fuq il-bażi tal-Artikolu 157 TFUE, wara rakkomandazzjonijiet dettaljati stabbiliti fl-anness ta’ din ir-riżoluzzjoni, mill-inqas għal dak li jirrigwarda l-aspetti li ġejjin tal-kwistjoni dwar id-differenza fil-pagi bejn is-sessi:

definizzjonijiet,

analiżi tas-sitwazzjoni u t-trasparenza tar-riżultati,

evalwazzjoni tax-xogħol u l-klassifikazzjoni tal-impjieg,

korpi għall-ugwaljanza u rimedju legali,

id-djalogu soċjali,

prevenzjoni tad-diskriminazzjoni

integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi,

sanzjonijiet,

is-simplifikazzjoni ta' regolazzjoni tal-Unjoni u tal-politika tal-Unjoni;

2.

Jikkonferma li r-rakkomandazzjonijiet jirrispettaw il-prinċipji fundamentali u l-prinċipju ta’ sussisdjarjetà;

3.

Iqis li l-proposti mitluba mhuma se jkollhom l-ebda implikazzjoni finanzjarja;

4.

Jirrikonoxxi li jeżistu bosta kawżi li jkabbru d-differenza fil-pagi u għalhekk, li approċċ b’ħafna livelli u aspetti jeħtieġ tmexxija soda mill-Unjoni Ewropea għall-koordinazzjoni tal-politiki, il-promozzjoni tal-prattiki tajba u l-involviment ta’ diversi atturi bħas-sħab soċjali u l-NGOs Ewropej, bl-għan li tinħoloq strateġija madwar l-Ewropa kollha sabiex tindirizza d-differenza fil-pagi bejn is-sessi;

5.

Jitlob lill-Istati Membri jimplimentaw u jinfurzaw id-Direttiva 2006/54/KE riformulata b’mod konsistenti u jħeġġu lis-settur privat u lis-settur pubbliku jieħdu parti iżjed attiva fit-tnaqqis tad-differenza fil-pagi bejn is-sessi; l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom iħeġġu lis-sħab soċjali, inklużi dawk li jħaddmu, biex iwettqu skemi għall-evalwazzjoni ta’ impjiegi mingħajr preġudizzji relatati mas-sessi, biex jimplimentaw sistemi ta’ klassifikazzjoni tal-impjiegi, u biex irawwmu l-kunċett ta’ xogħol imsejjes fuq paga indaqs;

6.

Jitlob lill-Istati Membri jkunu huma stess eżemplari fil-ġlieda kontra l-inugwaljanzi fil-pagi għan-nisa f’karigi governattivi, istituzzjonijiet u kumpaniji pubbliċi b’mod ġenerali;

7.

Jinnota li negozjati u diskussjonijiet kollettivi għandhom rwol importanti fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kontra n-nisa, u mhux lanqas f'dak li jirrigwarda l-aċċess għax-xogħol, pagi, kundizzjonijiet tax-xogħol, avvanz fil-karrieri u taħriġ vokazzjonali;

8.

Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni “Ġurnata Ewropea għal Pagi Indaqs” li twaqqfet għall-ewwel darba fil-5 ta' Marzu 2011 u li ġiet organizzata għat-tieni darba fit-2 ta’ Marzu 2012;

9.

Jinnota li inugwaljanzi fil-pagi minħabba xi fattur ieħor bħal razza, etniċità, orjentazzjoni sesswali u reliġjon ma tridx tkun tollerata;

10.

Jilqa' l-inizjattiva tal-Kunsill taħt il-Presidenza Belġjana fl-2010 dwar l-evalwazzjoni u l-aġġornament tal-grupp ta' indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi;

11.

Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tħeġġeġ koordinazzjoni eqreb fost l-Istati Membri rigward ir-riċerka, l-analiżi u l-isfruttament bis-sħiħ tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki;

12.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri, bl-involviment tas-sħab soċjali kull meta jkun possibbli, biex jiskambjaw l-aħjar prattiki u jżidu l-kooperazzjoni fl-iżvilupp ta’ ideat ġodda għall-indirizzar tad-differenzi fil-pagi bejn is-sessi;

13.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jopponu l-inugwaljanzi fil-pagi bejn is-sessi fil-politiki tal-Unjoni u l-programmi nazzjonali relevanti kollha, b'mod partikulari dawk maħsuba għall-ġlieda kontra l-faqar;

14.

Jissuġġerixxi li l-Istati Membri jistgħu jkunu jixtiequ jaħtru Difensur tal-Pagi Indaqs sabiex iwettaq monitoraġġ tas-sitwazzjoni fi Stati Membri individwali u jirrapporta lura lill-parlamenti nazzjonali tagħhom u lill-Parlament Ewropew dwar il-progress li jkun qiegħed isir;

15.

Jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi d-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal-15 ta' Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (6), bl-għan li tiġi eliminata d-differenza fil-pagi bejn is-sessi;

16.

Iħeġġeġ lis-sħab soċjali jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom għall-ħolqien ta’ struttura ta' pagi iżjed ugwali bejn is-sessi; sabiex jipprovdu taħriġ dwar il-ħiliet fin-negozjar, inkluż in-negozjar ta’ pagi; sabiex jippromwovu l-kuxjenza dwar pagi ugwali fl-ewwel istanza, bil-ħsieb li jaħdmu lejn awditi obbligatorji tal-pagi; u sabiex issaħħu l-pożizzjonijiet tan-nisa fl-istruttura tas-sħubija soċjali, b’mod partikolari f’pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet;

17.

Jistieden lill-Istati Membri jipprevedu l-possibilità ta’ rimedju kollettiv kontra ksur tal-prinċipju ta’ pagi indaqs, bħala mezz biex l-individwi u/jew korpi rappreżentattivi biex iressqu każ f’isem kwerelanti li jagħtu l-kunsens fi proċedimenti tal-qorti u biex l-NGOs u t-trejdunjins jingħataw rikonoxximent legali biex jirrappreżentaw vittmi ta’ diskriminazzjoni anke fi proċedimenti amministrattivi; jistieden lill-Kummissjoni teżamina, fil-kuntest tal-proposta imminenti tagħha għal strument orizzontali dwar rimedju kollettiv, l-inklużjoni ta’ rimedju kollettiv kontra ksur tal-prinċipju ta’ pagi indaqs;

18.

Jenfasizza li għad żgħir ħafna ta’ klejms ta’ diskriminazzjoni fil-pagi bejn is-sessi waslu sal-qrati kompetenti (regolari jew amministrattivi); iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għaldaqstant, biex ikomplu l-kampanji ta’ qawmien ta’ kuxjenza, anke billi jipprovdu informazzjoni adegwata dwar l-oneru tal-provi, minħabba li dan għandu rwol importanti fl-iżgurar tal-prinċipju ta’ trattament indaqs;

19.

Huwa tal-fehma li jeħtieġ li l-proċeduri u l-mekkaniżmi għad-difiża tal-prinċipju tal-paga ugwali għal xogħol ta' valur ugwali u biex jipprojbixxu kull forma ta' diskriminazzjoni bbażata fuq is-sessi, jitjiebu u jiġu semplifikati;

20.

Jitlob lill-Istati Membri u lill-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u ‘l dawk ta' min iħaddem biex flimkien jiżviluppaw strumenti oġġettivi ta' valutazzjoni ta' impjiegi sabiex jitnaqqsu d-differenzi fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa;

21.

Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jiddeterminaw l-objettivi, l-istrateġiji u l-limiti taż-żmien biex jitnaqqsu d-differenzi fil-pagi bejn is-sessi u biex il-ħlas għall-istess xogħol u għal xogħol tal-istess valur ikun indaqs;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tippromwovi aktar riċerka dwar strateġiji ta' flessigurtà sabiex tevalwa l-impatt tagħhom fuq id-differenzi fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa u tiddetermina kif dawk l-istrateġiji jistgħu jgħinu l-indirizzar tad-diskriminazzjoni bejn is-sessi;

23.

Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-6 ta' Diċembru 2010 li stiednu lill-Istati Membri jwettqu miżuri b’ambitu wiesa' biex jegħlbu l-kawżi ta' din l-inugwaljanza fil-pagi;

24.

Isostni li ż-żieda fl-impjiegi tan-nisa, speċjalment fil-pożizzjonijiet ta' livell għoli, tista' tgħin biex titnaqqas id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel; jirrimarka dwar il-ħtieġa li n-nisa jkollhom irwol aktar attiv fit-teħid tad-deċiżjonijiet fis-settur ekonomiku, bl-użu tal-influwenza tagħhom biex jittieħdu deċiżjonijiet li jqisu perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi; jiġbed l-attenzjoni għall-istudji li kkonkludew li teżisti korrelazzjoni qawwija bejn preżenza akbar femminili fil-pożizzjonijiet ta' tmexxija fil-kumpaniji u profitti akbar tal-kumpaniji minn assi, bejgħ u mill-kapital investit;

25.

Ifakkar lill-Istati Membri bl-impenji tagħhom rigward rieżami tal-effett li l-politiki fiskali u ta' impjieg għandhom fuq id-differenza fil-pagi;

26.

Jipproponi li l-Parlament għandu joffri premju “In-nisa u n-Negozju fl-Ewropa’ li jkun jista' jingħata lil dawk li jħaddmu (impriżi, istituzzjonijiet u awtoritajiet) li jkunu fuq quddiem fil-promozzjoni tan-nisa, li jappoġġjaw lin-nisa f’pożizzjonijiet għolja u li jipprattikaw paga indaqs;

27.

Jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu miżuri favur il-promozzjoni tal-iżvilupp professjonali u tal-karrieri f'kundizzjonijiet ta' ugwaljanza reali bejn in-nisa u l-irġiel; jirrimarka li dan il-prinċipju jifforma parti mill-kunċett tar-responsabilità soċjali tal-impriżi, li hija promossa fuq livell internazzjonali u nazzjonali u jeħtieġ li jkun żviluppat fl-Istati Membri kollha;

28.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet dettaljati mehmużin magħha lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.

(2)  http://www.ilo.org/ilolex/cgi-lex/pdconv.pl?host=status01&textbase=iloeng&document=178&chapter=1&query=%23status%3D01&highlight=on&querytype=bool&context=0

(3)  ĠU C 16 E, 22.1.2010, p. 21.

(4)  L-iżvilupp sostenibbli fl-Unjoni Ewropea: Rapport ta’ monitoraġġ 2011 tal-istrateġija tal-iżvilupp sostenibbli tal-UE, Eurostat, 2011.

(5)  Dokument ta’ sfond li jakkumpanja l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem: “Strateġija għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel 2010-2015” SEC(2010)1080, p. 36.

(6)  ĠU L 14, 20.1.1998, p. 9.


Il-Ħamis 24 ta’ Mejju 2012
ANNESS

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI: RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI RIGWARD IL-KONTENTUT TAL-PROSPOSTA MRESSQA

Rakkomandazzjoni 1:     DEFINIZZJONIJIET

Id-Direttiva 2006/54/KE tagħti definizzjoni ta' pagi ugwali billi tikkopja d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 75/117/KEE tal-Kunsill ta' l-10 ta' Frar 1975 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa (1). Biex ikun hemm kategoriji aktar preċiżi bħala għodda biex tiġi trattata d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa (gender pay gap - GPG) huwa importanti li tingħata definizzjoni aktar preċiża tal-kunċetti differenti, bħal pereżempju:

GPG, li d-definizzjoni tagħha m’għandhiex tkopri biss il-paga grossa fis-siegħa, waqt li jrid ikun hemm distinzjoni bejn il-GPG mhux aġġustata u dik “netta”;

Diskriminazzjoni diretta u indiretta fil-pagi;

Rimunerazzjoni, li d-definizzjoni tagħha għandha tkopri kull paga netta u salarju nett kif ukoll kull dritt finanzjarju marbut max-xogħol u kull benefiċċju in natura;

Differenza fil-pensjonijiet (f’pilastri differenti tas-sistemi ta’ pensjoni, pereżempju fis-sistemi ta’ rtirar mhux iffinanzjati u fl-iskemi tal-pensjoni ta’ kumpanija, bħala kontinwazzjoni tad-differenzi fil-pagi wara li wieħed jirtira);

Xogħol trattat bħala “ugwali” (f’kategoriji individwali ta’ xogħlijiet);

Xogħol tal-istess valur, sabiex ikunu msemmija fatturi rilevanti;

Min iħaddem, biex ikun żgurat li r-responsabilità għall-pagi tal-ħaddiema u kwalunkwe inugwaljanza possibbli tkun definita b’mod ċar;

Professjonijiet u ftehimiet kollettivi – għandu jkun iċċarat aktar li impjiegi relatati ma’ ftehimiet kollettivi differenti u professjonijiet differenti jistgħu jitqabblu fil-qorti, sakemm l-impjiegi jkunu komparabbli bħala xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali.

Rakkomandazzjoni 2:     ANALIŻI TAS-SITWAZZJONI U T-TRASPARENZA TAR-RIŻULTATI

2.1.

In-nuqqas ta' informazzjoni u għarfien fost l-impjegati u min iħaddem dwar l-eżistenza ta’ differenzi possibbli fil-pagi fil-kumpanija tagħhom kif ukoll in-nuqqas ta’ għarfien tagħhom idgħajjef l-implimentazzjoni tal-prinċipju mħaddan fit-Trattat u fil-leġiżlazzjoni eżistenti.

2.2.

Billi jirrikonoxxi li hemm nuqqas ta' data statistika preċiża, komparabbli u koerenti, inkluż dwar id-differenza fil-ħlas part-time bejn is-sessi (GPG) u fil-pensjonijiet, u r-rati eżistenti tal-pagi aktar baxxi għan-nisa, speċjalment fi professjonijiet fejn tradizzjonalment hemm predominanza ta' nisa, l-Istati Membri għandhom jagħtu kunsiderazzjoni sħiħa għad-differenza fil-pagi bejn is-sessi fil-politiki soċjali tagħhom u jittrattawha bħala problema serja.

2.3.

Huwa għalhekk essenzjali li awditi regolari tal-pagi, kif ukoll il-pubblikazzjoni tar-riżultati tagħhom, filwaqt li titqies il-protezzjoni tad-data personali, isiru obbligatorji fi ħdan il-kumpaniji (pereżempju kumpaniji li jħaddmu tal-anqas 30 impjegat u fejn kull sess hu rappreżentat b’mill-inqas 10 % tal-impjegati). Dan ir-rekwiżit jista’ japplika wkoll għal tagħrif dwar remunerazzjoni addizzjonali mal-pagi. Din l-informazzjoni għandha tkun aċċessibbli għall-impjegati, it-trejdjunjins u l-awtoritajiet adegwati (pereżempju spezzjonijiet tax-xogħol, korpi għall-ugwaljanza).

2.4.

Min iħaddem għandu jipprovdi lill-impjegati u lir-rappreżentanti tagħhom riżultati taħt forma ta' statistika dwar il-pagi, kategorizzata skont is-sess iżda filwaqt li tkun ikkunsidrata l-protezzjoni tad-dejta personali. Din l-informazzjoni għandha tinġabar fil-livelli settorjali u nazzjonali f'kull Stat Membru.

2.5.

Għandu jkun hemm rekwiżit fuq min iħaddem sabiex jadotta politika ta’ trasparenza rigward il-kompożizzjoni u l-istrutturi tas-salarji, inkluż ħlas żejjed, bonusijiet u vantaġġi oħra li jagħmlu parti mir-remunerazzjoni.

2.6.

Meta l-istatistika dwar il-pagi turi differenzi ta’ gruppi jew individwali fil-pagi fuq bażi ta’ sess, min iħaddem huwa obbligat li janalizza aktar dawn id-differenzi u jirreaġixxi biex jeliminahom.

Rakkomandazzjoni 3:     EVALWAZZJONI TAX-XOGĦOL U KLASSIFIKAZZJONI TAL-IMPJIEGI

3.1.

Il-kunċett tal-valur tax-xogħol irid ikun ibbażat fuq kwalifiki, ħiliet interpersonali u responsabbiltà li jenfasizzaw il-kwalità tax-xogħol, bl-għan li jiġu promossi l-opportunitajiet indaqs bejn in-nisa u l-irġiel. Dan il-kunċett m'għandux ikun karatterizzat minn approċċ sterjotipiku li jisfavorixxi n-nisa, billi pereżempju jenfasizza s-saħħa fiżika aktar mill-ħiliet interpersonali u għandu jiżgura li xogħol li jinvolvi responsabbiltà minn persuni ma jitqiesx li għandu valur aktar baxx minn xogħol b’responsabbiltà minn riżorsi materjali jew finanzjarji. Għalhekk, in-nisa trid tingħatalhom informazzjoni, għajnuna u/jew taħriġ fin-negozjar tal-pagi, il-klassifikazzjoni tax-xogħol u l-livelli ta' pagi. Irid ikun hemm il-possibilità li setturi u kumpaniji jintalbu jeżaminaw jekk is-sistemi ta' klassifikazzjoni tal-impjiegi tagħhom jirriflettux id-dimensjoni tas-sessi differenti kif meħtieġ, u sabiex jagħmlu l-korrezzjonijiet meħtieġa.

3.2.

L-inizjattiva tal-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex idaħħlu klassifikazzjoni ta' impjiegi li taqbel mal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn l-irgiel u n-nisa, u li tippermetti kemm lil min iħaddem u kemm lill-ħaddiema jidentifikaw diskriminazzjoni fil-pagi li jista' jkun hemm fuq il-bażi ta' definizzjoni ta’ skala ta' pagi preġudikata. Għandu jibqa' importanti r-rispett tal-liġijiet u tradizzjonijiet nazzjonali rigward is-sistema ta’ relazzjonijiet industrijali. Elementi bħal dawn ta' evalwazzjoni u klassifikazzjoni tax-xogħol għandhom ikunu wkoll trasparenti u jkunu għad-dispożizzjoni ta' kull min hu kkonċernat u tal-ispettorati tax-xogħol u ta' korpi għall-ugwaljanza.

3.3.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu evalwazzjoni bir-reqqa ffukata fuq il-professjonijiet iddominati minn nisa,

3.4.

Evalwazzjoni newtrali tax-xogħol dwar id-diffferenza bejn is-sessi għandha tkun ibbażata fuq sistemi ġodda ta' klassifikazzjoni u organizzazzjoni ta' persunal u ta' xogħol u fuq esperjenza professjonali u prodottività li tkun fuq kollox evalwata f'termini kwalitattivi, bħal edukazzjoni u kwalifiki oħra, rekwiżiti mentali u fiżiċi, responsabbiltà għal riżorsi umani u materjali, biex tintuża bħala sors ta' data u grids ta' evalwazzjoni li jiddeterminaw il-pagi, b'kunsiderazzjoni xierqa għall-prinċipju tal-komparabilità.

Rakkomandazzjoni 4:     KORPI GĦALL-UGWALJANZA U RIMEDJU LEGALI

Il-korpi ta' promozzjoni tal-ugwaljanza u ta' monitoraġġ għandhom ikollhom rwol akbar fit-tnaqqis tal-GPG. Il-korpi għandu jkollhom is-setgħa li jimmonitorjaw, jirrappurtaw, u fejn ikun possibbli jinfurzaw b’mod aktar effikaċi u independent l-leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi waqt li għandhom jiġu ffinanzjati b’mod adegwat. L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/54/KE għandu jigi rivedut sabiex iseddaq il-mandat tal-korpi billi:

jagħtu appoġġ u pariri lill-vittmi ta' diskriminazzjoni fil-pagi;

jipprovdu stħarriġ indipendenti rigward id-differenza fil-pagi;

jippubblikaw rapporti indipendenti u jagħtu rakkomandazzjonijiet dwar kwalunkwe kwistjoni relatata ma’ diskriminazzjoni fil-pagi;

ikollhom setgħat legali sabiex jibdew l-investigazzjoni tagħhom stess;

ikollhom setgħat legali sabiex jimponu sanzjonijiet f’każijiet ta’ ksur tal-prinċipju ta’ pagi ugwali għal xogħol ugwali u/jew jiftħu kawżi fil-qrati dwar diskriminazzjoni fil-pagi;

jipprovdu taħriġ speċjali għas-sħab soċjali u għall-avukati, l-imħallfin u l-ombudsmen ibbażat fuq ġabra ta’ strumenti analitiċi u miżuri mmirati sabiex jintużaw jew fit-tfassil ta’ kuntratti jew sabiex jiġi vverifikat jekk ir-regoli u l-politiki li jindirizzaw id-differenza fil-pagi humiex qegħdin jiġu implimentati, kif ukoll billi jipprovdu korsijiet ta’ taħriġ u materjali ta’ taħriġ dwar evalwazzjoni mhux diskriminatorja tal-impjiegi għal min iħaddem;

Rakkomandazzjoni 5:     DJALOGU SOĊJALI

Jeħtieġ aktar skrutinju ta' ftehimiet kollettivi u skali ta' pagi applikabbli tagħhom u skemi ta' evalwazzjoni tax-xogħol, l-aktar rigward it-trattament ta' ħaddiema part-time u ta' ħaddiema b'arraġamenti atipiċi ta' xogħol oħrajn jew pagamenti addizzjonali/bonusijiet inklużi ħlasijiet in natura. Skrutinju bħal dan għandu jkopri mhux biss kundizzjonijiet ta' xogħol primarji, imma wkoll kundizjonijiet ta' xogħol sekondarji u skemi ta' sigurtà soċjali rigward xogħol (regoli għal-liv, skemi tal-pensjoni, karozzi tal-kumpaniji, arranġamenti għall-kura tat-tfal, ħin tax-xogħol flessibbli, bonusijiet eċċ.). L-Istati Membri, filwaqt li jirrispettaw il-liġi nazzjonali, il-ftehimiet kollettivi jew il-prattiki, għandhom jinkoraġġixxu lis-sħab soċjali biex jintroduċu klassifikazzjonijiet tal-impjiegi newtrali fir-rigward tal-ġeneru, hekk li kemm min iħaddem u kemm l-impjegati jkunu jistgħu jidentifikaw diskriminazzjonijiet fil-pagi li jista' jkun hemm li jkunu bbażati fuq definizzjoni ta' skala ta' paga preġudikata.

Il-ġestjoni tista' wkoll ikollha rwol importanti mhux biss rigward l-ekwità tal-ħlas, iżda wkoll f'termini ta' ħolqien ta' klima għall-appoġġ ta' kondiviżjoni ugwali tar-responsabbiltajiet tal-kura u l-avvanz tal-karriera kemm għall-impjegati rġiel kif ukoll għal dawk nisa.

Is-sħab soċjali għandhom jingħataw is-setgħa li jinkludu fl-aġenda kwistjonijiet dwar pagi indaqs, mhux biss fi ħdan is-setturi tagħhom stess, iżda wkoll li jagħżlu li jkun hemm bilanċ intersettorjali (2).

Il-Kummissjoni għandha tfassal ktieb ta’ gwida għad-djalogu soċjali fil-kumpaniji u l-Istati membri li jkun operattiv, prattiku u faċli biex jintuża. Dan għandu jinkludi linji gwida u kriterji biex ikun deċiż il-valur tax-xogħol u għat-tqabbil tal-impjiegi. Għandha tinkludi wkoll suġġerimenti għal metodi ta’ evalwazzjoni tal-impjieg possibbli.

Rakkomandazzjoni 6:     PREVENZJONI TAD-DISKRIMINAZZJONI

Għandu jkun hemm referenza speċifika għad-diskriminazzjoni fil-pagi fl-Artikolu 26 (dwar il-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni) tad-Direttiva 2006/54/KE, bil-għan li jiġi żgurat li l-Istati Membri, bl-involviment tas-sħab soċjali u organizzazzjonijiet favur opportunitajiet indaqs, jaddottaw:

miżuri speċifiċi rigward taħriġ u klassifikazzjoni ta' impjiegi, immirati lejn sistemi ta' taħriġ vokazzjonali u mfassla biex jneħħu u jipprevjenu d-diskriminazzjoni fit-taħriġ u l-klassifikazzjoni u fil-valutazzjoni ekonomika tal-ħiliet,

politiki speċifiċi sabiex ikun possibbli li tintlaħaq armonija bejn ix-xogħol u l-ħajja personali, li tkopri l-kura tat-tfal u ta’ persuni dipendenti oħra u servizzi oħra ta’ kura ta’ kwalità bi prezzijiet raġonevoli, organizzazzjoni u sigħat tax-xogħol flessibbli, u liv tal-maternità, tal-paternità, tal-ġenituri u tal-familja,

azzjonijiet konkreti (skont l-Artikolu 157(4) tat-TFUE) biex jirmedjaw id-differenzi fil-pagi u s-segregazzjoni minħabba differenza tas-sessi, li jiddaħħlu fis-seħħ mis-sħab soċjali u organizzazzjonijiet favur opportunitajiet indaqs fil-livelli varji, kemm kuntrattwali u kemm settorjali, bħalma huma: il-promozzjoni ta' ftehimiet rigward pagi biex jikkumbattu l-GPG, investigazzjonijiet rigward pagi ndaqs għal xogħol ugwali, l-iffissar ta' objettivi kwalitattivi u kwantitattivi u benchmarking u l-appoġġ tal-iskambji tal-aħjar prattika,

klawsola f'kuntratti pubbliċi li tesiġi rispett għall-ugwaljanza bejn is-sessi u għall-pagi ndaqs għal xogħol ugwali.

Rakkomandazzjoni 7:     INTEGRAZZJONI TAL-ĠENERU

L-integrazzjoni tal-ġeneru għandu jisseddaq bl-inklużjoni fl-Artikolu 29 tad-Direttiva 2006/54/KE ta' linji gwida preċiżi għall-Istati Membri rigward il-prinċipju tal-pagi ndaqs u biex jitnaqqsu d-differerenza fil-pagi. Il-Kummissjoni għandha tarma ruħha biex tipprovdi għajnuna lill-Istati Membri u lil min hu involut fir-rigward ta' miżuri prattiċi biex titnaqqas id-differenza fil-pagi bejn is-sessi permezz ta' dan li ġej:

jitfasslu skemi ta' rappurtar bl-iskop li jevalwaw id-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa,

jinħoloq bank ta' data li jiġbor l-informazzjoni dwar bidliet fis-sistemi ta' klassifikazzjoni u organizzazzjoni tal-ħaddiema,

jinġabru u jitqassmu r-riżultati ta' esperimenti dwar ir-riforma tal-organizzazzjoni tax-xogħol,

jixterdu informazzjoni u linji gwida rigward mezzi prattiċi, b'mod partikulari għall-SMEs (pereżempju dwar l-għodda LOGIB-D ibbażata fuq l-IT) biex jitnaqqsu d-differenzi fil-pagi, inklużi ftehimiet kollettivi nazzjonali u settorjali,

l-iżvilupp, f'kooperazzjoni mas-sħab soċjali u mal-assoċjazzjonijiet, ta' ċertifikat ta' kwalità għall-ugwaljanza fil-pagi Ewropew li l-istituzzjonijiet, impriżi u awtoritajiet ikunu jistgħu jużaw biex jirreklamaw il-konformità tagħhom ma' kriterji speċifiċi li jikkonċernaw l-ugwaljanza fil-pagi, bħal, pereżempju, it-trasparenza tal-pagi,

it-tfassil ta’ linji gwida speċifiċi għall-monitoraġġ tad-differenzi fil-pagi fil-qafas ta’ ftehimiet kollettivi, li għandu jkun disponibbli fuq sit tal-Internet tradott f’numru ta’ lingwi u aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha.

Rakkomandazzjoni 8:     SANZJONIJIET

8.1.

Għal raġunijiet differenti, il-leġiżlazzjoni f'dan il-qasam jidher biċ-ċar li hija anqas effikaċi u, jekk wieħed iżomm f'moħħu li l-problema kollha ma tistax tissolva bil-leġiżlazzjoni biss, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom isaħħu l-leġiżlazzjoni preżenti b'għamliet xierqa ta' sanzjonijiet effikaċi, proporzjonati u dissważivi.

8.2.

Huwa importanti li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-ksur tal-prinċipju ta' pagi ugwali għal xogħol ugwali jkun suġġett għal sanzjonijiet xierqa skont id-dispożizzjoni legali fis-seħħ.

8.3.

Minkejja l-leġiżlazzjoni eżistenti, l-ispezzjonijiet u l-azzjoni punittiva huma spiss inadegwati b’mod serju ħafna safejn ikun ikkonċernat il-prinċipju tal-pagi ugwali. Dawn il-kwistjoniiet jeħtieġ li jiġu trattati bħala prijorità, u l-aġenziji u l-korpi responsabbli għalihom għandhom ikunu pprovduti bir-riżorsi tekniċi u finanzjarji meħtieġa.

8.4.

Qed jiġi mfakkar li skont id-Direttiva 2006/54/KE, l-Istati Membri diġà huma obbligati jipprovdu kumpens jew riparazzjoni (Artikolu 18), kif ukoll pieni (Artikolu 25). Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet mhumiex biżżejjed biex jevitaw ksur tal-prinċipju ta' paga ugwali. Għal din ir-raġuni huwa propost li jsir studju dwar il-fattibiltà, l-effikaċja u l-impatt tat-tnedija ta' sanzjonijiet possibbli, bħalma huma:

penali, li jridu jinkludu l-ħlas ta' kumpens lill-vittma;

multi amministrattivi (pereżempju fil-każ ta' nuqqas ta' notifika jew ta' komunikazzjoni mandatorja jew nuqqas ta' disponibilità ta' analiżi u evalwazzjoni ta' statistiċi ta' pagi mqassma skont il-ġeneru (skont ir-Rakkomandazzjoni 2)) mitlubin mill-ispettorati tax-xogħol jew mill-korpi ta' ugwaljanza kompetenti;

skwalifika minn benefiċċji pubbliċi, sussidji (inkluż finanzjament tal-UE mmanniġġjat mill-Istati Membri) u proċeduri ta' akkwist pubbliku, kif diġà stipulat fid-Direttivi 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta' l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (3) u d-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (4);

l-iżvelar tal-identità min ma jikkonformax, li għandha ssir magħrufa pubblikament.

Rakkomandazzjoni 9:     SIMPLIFIKAZZJONI TA' REGOLAZZJONI TAL-UE U TAL-POLITIKA TAL-UE

9.1.

Qasam fejn hi meħtieġa azzjoni urġenti jirrigwarda l-fatt li hemm penalizzazzjoni fil-pagi marbuta ma' xogħol part time. Dan jeħtieġ evalwazzjoni u possibilment reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, li jippreskrivi trattament ugwali bejn min jaħdem full time u min jaħdem part time, kif ukoll azzjonijiet aktar immirati u aktar effettivi fi ftehimiet kollettivi.

9.2.

Objettiv konkret biex jitnaqqsu d-differenzi fil-pagi għandu jiddaħħal b'urġenza fil-Linji Gwida dwar l-Impjiegi, inkluż fir-rigward ta' aċċess għal taħriġ vokazzjonali u r-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-kompetenzi tan-nisa.


(1)  ĠU L 45, 19.2.1975, p. 19.

(2)  Fondazzjoni Ewropea għal Titjib fil-Kondizzjonijiet ta’ l-Għajxien u x-Xogħol: Nindirizzaw id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa: Azzjonijiet tal-gvern u tas-sħab soċjali, 5 ta’ Marzu 2010, p. 30.

(3)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1

(4)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114