7.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 155/33


Rikors ippreżentat fis-7 ta' Mejju 2007 — ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-150/07)

(2007/C 155/61)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: ThyssenKrupp AG (Duisburg u Essen, il-Ġermanja) (rappreżentanti: M. Klusmann u S. Thomas, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata, safejn tirrigwarda r-rikorrenti;

sussidjarjament, tnaqqas b'mod xieraq l-ammont tal-multa imposta in solidum mid-deċiżjoni kkontestata fuq ir-rikorrenti;

tordna li l-konvenuta tbati l-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkontesta d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 512 finali tal-21 ta' Frar 2007, fil-każ COMP/E-1/38.823 — PO/Elevators and Escalators. Bid-deċiżjoni kkontestata ġew imposti multi fuq ir-rikorrenti u fuq impriżi oħra minħabba li pparteċipaw f'akkordji fis-settur ta' l-installar u tal-manutenzjoni tal-lifts u l-iskali mobbli fil-Belġju, fil-Ġermanja, fil-Lussemburgu u fl-Olanda. Skond il-Kummissjoni, l-impriżi kkonċernati kisru l-Artikolu 81 KE.

In sostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin:

inkompetenza tal-Kummissjoni minħabba n-nuqqas ta' rilevanza transnazzjonali tal-ksur lokali li bih hi akkużata r-rikorrenti;

ksur tal-prinċipju ne bis in idem, inkwantu l-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra d-deċiżjoni ta' amnestija adottata favur ir-rikorrenti mill-awtoritajiet nazzjonali li jissorveljaw l-akkordji fil-Belġju, fil-Lussemburgu u fl-Olanda qabel ma nbdew il-proċeduri;

nuqqas tal-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà in solidum tar-rikorrenti mal-kumpanniji sussidjarji tagħha, billi hija ma pparteċipatx hi stess fil-ksur, il-kumpanniji sussidjarji tagħha joperaw, ġuridikament u ekonomikament, b'mod indipendenti, kif ukoll minħabba n-nuqqas ta' ġustifikazzjoni oġġettiva sabiex ir-responsabbiltà tiġi estiża lir-rikorrenti;

nuqqas ta' proporzionalità ta' l-ammonti bażiċi użati għall-ikkalkolar tal-multi meta mqabbla mal-kwoti tas-suq effettivament milquta;

Nuqqas ta' proporzionalità tal-multiplikatur ta' dissważjoni, billi dan huwa ferm differenti mit-trattament mogħti lil impriżi oħra ta' daqs simili f'każijiet analogi u li ġew deċiżi fl-istess żmien;

nuqqas ta' ġustifikazzjoni għall-ammont addizzjonali minħabba reċidività fir-rigward ta' l-ikkalkular tal-multa, minħabba żball ta' dritt fl-imputazzjoni ta' multi preċedenti;

ksur ta' l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (1), inkwantu, rigward il-limitu massimu tal-multa ta' 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta' l-impriża, kellha ssir referenza biss għad-dħul mill-bejgħ tal-kumpanniji sussidjarji kkonċernati;

applikazzjoni żbaljata ta' l-avviż dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f'multi (2), inkwantu ma tteħidx biżżejjed in kunsiderazzjoni l-valur miżjud tal-kollaborazzjoni tar-rikorrenti.


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (GU L 1, p. 1).

(2)  Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f'multi f'każijiet ta' kartell (GU 2002, C 45, p. 3).