10.9.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 241/21


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-5 ta’ Awwissu 2008

li twaqqaf Struttura Konsultattiva ta’ Kumitati Xjentifiċi u esperti fil-qasam tas-sigurtà tal-konsumatur, is-saħħa pubblika u l-ambjent u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2004/210/KE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/721/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 152 u 153 tiegħu,

Billi:

(1)

Tliet Kumitati Xjentifiċi ġew stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/210/KE (1), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/263/KE (2) il-Kumitat Xjentifiku dwar il-Prodotti ta’ Konsum (SCCP), il-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji għas-Saħħa u għall-Ambjent (SCHER), il-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji Emerġenti għas-Saħħa u dawk Identifikati Reċentement (SCENIHR).

(2)

Ċerti dmirijiet tax-SCHER ġew ittrasferiti lill-Aġenzija Ewropea dwar il-Kimika (ECHA) stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), u għalhekk l-oqsma ta’ kompetenza ta’ dan il-Kumitat għandhom jiġu riveduti.

(3)

L-esperjenza bit-tħaddim tat-tliet Kumitati Xjentifiċi turi l-ħtieġa li jiddaħħal tibdil u titjib fl-istruttura u l-proċeduri ta’ ħidma tal-Kumitati.

(4)

Il-mandat tal-membri tat-tliet Kumitati Xjentifiċi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/210/KE ġie estiż bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/708/KE (4) u jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2008. Il-Membri ta’ dawn il-kumitati jibqgħu fil-kariga sakemm jinbidlu jew il-kariga tagħhom tiġġedded.

(5)

Għalhekk, u f’isem iċ-ċarezza, jeħtieġ li tinbidel id-Deċiżjoni 2004/210/KE b’Deċiżjoni ġdida.

(6)

Parir tajjeb u xjentifiku f’waqtu huwa rekwiżit essenzjali għall-proposti, id-deċiżjonijiet u l-politika tal-Kummissjoni marbuta mas-sigurtà tal-konsumatur, is-saħħa pubblika u l-ambjent. Struttura konsultattiva flessibbli hi meħtieġa f’dan ir-rigward, biex jiġi żgurat aċċess aħjar għall-għarfien xjentifiku speċjalizzat f’medda wiesgħa ta’ oqsma.

(7)

Il-parir xjentifiku dwar ħwejjeġ li għandhom x’jaqsmu mas-sigurtà tal-konsumatur, is-saħħa pubblika u l-ambjent għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji ta’ eċċellenza, indipendenza u imparzjalità, u trasparenza, kif żviluppati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Il-ġbir u l-użu ta’ għarfien espert mill-Kummissjoni: prinċipji u linjigwida. Titjib tal-għarfien għal strateġiji politiċi aħjar” (5), u jrid jiġi organizzat b’konformità mal-prinċipji tal-aqwa prassi tal-istima tar-riskju.

(8)

Hu essenzjali li l-Kumitati Xjentifiċi jagħmlu l-aħjar użu mill-għarfien espert xjentifiku fl-UE u lilhinn minnha kif jista’ jkun meħtieġ għal mistoqsija speċifika. Għal dan l-għan għandu jitwaqqaf grupp ta’ Konsulenti Xjentifiċi biex ikopri kif xieraq l-oqsma ta’ kompetenza tal-Kumitati.

(9)

Ir-reorganizzazzjoni tal-istruttura konsultattiva trid tipprovdi aktar flessibbiltà biex tkun tista’ tagħti pariri lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt oqsma stabbiliti ta’ kompetenza kif ukoll dwar riskji emerġenti għas-saħħa u oħrajn li ġew identifikati dan l-aħħar u kwistjonijiet li mhumiex fil-kompetenza ta’ istituzzjonijiet oħra ta’ stima ta’ riskju tal-Komunità, u trid tkun kapaċi tipprovdi pariri f’qasir żmien meta jkun meħtieġ, tiżgura trasparenza sħiħa u livell għoli ta’ konsistenza u kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet oħra tal-Komunità u organizzazzjonijiet xjentifiċi rilevanti.

(10)

Il-ħtieġa ta’ pariri xjentifiċi indipendenti kemm f’oqsma stabbiliti ta’ responsabbiltajiet tal-Komunità kif ukoll oqsma ġodda li jaqgħu fi ħdan il-kompetenza tal-Kumitati Xjentifiċi x’aktarx li tkompli tiżdid. L-istruttura ta’ pariri xjentifiċi dwar l-istima tar-riskju jeħtieġ għalhekk li tissaħħaħ, fil-kompożizzjoni tagħha kif ukoll permezz ta’ prassi ta’ ħidma aktar effettiva.

(11)

Twaqqfu bosta istituzzjonijiet tal-Komunità li fost ir-responsabbiltajiet tagħhom għandhom l-istima tar-riskji f’bosta oqsma. Jeħtieġ li tkun żgurata l-konsistenza u tinġieb ‘il quddiem il-koordinazzjoni bejn il-Kumitati Xjentifiċi u dawn l-istituzzjonijiet. Il-Kumitati Xjentifiċi jeħtieġ li jsaħħu l-effikaċja tagħhom ukoll bi skambji xierqa ta’ tagħrif u għarfien espert u permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet xjentifiċi oħra u organizzazzjonijiet fil-livell nazzjonali u internazzjonali.

(12)

Il-prassi ta’ ħidma tal-Kumitati Xjentifiċi għandha titjieb billi tiġi inkluża, flimkien mal-ħidma interna, l-organizzazzjoni ta’ laqgħat xjentifiċi u sessjonijiet ta’ ħidma u t-twaqqif ta’ netwerks.

(13)

Filwaqt li tinżamm indipendenza sħiħa, huwa importanti li tiġi żgurata l-onestà u t-trasparenza fil-ħidma tal-Kumitati Xjentifiċi billi jiġu stabbiliti proċeduri xierqa ta’ djalogu bejn il-partijiet interessati,

(14)

L-onestà u t-trasparenza fil-mira tal-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu żgurati filwaqt li jiġu rrispettati r-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Komunità dwar il-protezzjoni tad-data personali u l-aċċess tal-pubbliku għal dokumenti, inkluża l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità.

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

L-Istruttura Konsultattiva u l-oqsma ta’ kompetenza tagħha

1.   Struttura konsultattiva dwar l-istima xjentifika tar-riskju fl-oqsma tas-sigurtà tal-konsumatur, is-saħħa pubblika u l-ambjent b’dan qiegħda tiġi stabbilita. Din l-istruttura tinkludi:

(a)

il-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sigurtà tal-Konsumatur (minn hawn ‘il quddiem “SCCS”).

(b)

il-Kumitat Xjentifiku dwar is-Saħħa u r-Riskji Ambjentali (minn hawn ‘il quddiem “SCHER”).

(ċ)

il-Kumitat Xjentifiku dwar Riskji Emerġenti għas-Saħħa u dawk Identifikati Reċentement (minn hawn ‘il quddiem “SCENIHR”).

(d)

Grupp ta’ Konsulenti Xjentifiċi dwar l-Istima tar-Riskju (minn hawn ‘il quddiem “il-Grupp”), li se jappoġġja l-attivitajiet tal-Kumitati Xjentifiċi skond id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-Deċiżjoni

2.   L-oqsma ta’ kompetenza tal-Istruttura Konsultattiva għandhom ikunu kif stabbilit fl-Anness I, bla ħsara għall-kompetenzi konferiti bil-leġislazzjoni tal-Komunità lil istituzzjonijiet oħra Komunitarji li jieħdu stima tar-riskju, bħalma hi, b’mod partikolari, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Ikel, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, l-Aġenzija Ewropea għall-Kimika u ċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll tal-Mard.

Artikolu 2

Missjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha titlob opinjoni xjentifika mill-Kumitati Xjentifiċi fil-każi stabbiliti mil-liġi tal-Komunità.

2.   Il-Kummissjoni tista’ titlob ukoll opinjoni mill-Kumitati dwar kwistjonijiet:

(a)

ta’ rilevanza partikolari għas-sigurtà tal-konsumatur, is-saħħa pubblika u l-ambjent; kif ukoll

(b)

li ma jaqgħux fil-mandat ta’ istituzzjonijiet oħra Komunitarji.

3.   Il-Kummissjoni tista’ wkoll titlob lill-Kumitati Xjentifiċi jipprovdu parir malajr dwar l-istat tal-għarfien xjentifiku rigward riskji speċifiċi f’każ ta’ ħtiġijiet urġenti.

4.   Il-Kummissjoni tista’ tistieden lill-Kumitat Xjentifiku jidentifika ħtiġijiet ta’ riċerka u jivvaluta riżultati ta’ riċerka fir-rigward tal-oqsma ta’ suġġetti koperti mill-oqsma ta’ kompetenza tiegħu.

5.   Fuq talba tal-Kummissjoni, jew fuq inizjattiva tagħhom stess u fi qbil mal-Kummissjoni, il-Kumitati Xjentifiċi jistgħu jiddeċiedu li jwaqqfu gruppi ta’ ħidma b’tema biex janalizzaw data u għarfien xjentifiku dwar riskji partikolari dwar kwistjonijiet ġenerali ta’ stima tar-riskju. Fuq talba tal-Kummissjoni, għandhom jipproduċu rapporti, dokumenti ta’ pożizzjoni jew konklużjonijiet li joħorġu minn dawn il-gruppi ta’ ħidma.

Dawn il-gruppi ta’ ħidma jistgħu jinvolvu, barra mill-membri tal-Kumitati, konsulenti xjentifiċi mill-Grupp u esperti esterni, inklużi esperti mill-Komunità, istituzzjonijiet nazzjonali jew internazzjonali li jwettqu ħidmiet simili, skond kif xieraq.

Dawn il-gruppi ta’ ħidma għandhom ikunu organizzati mis-Segretarjat tal-Kumitati Xjentifiċi. Is-Segretarjat għandu jiddefinixxi u jiżgura, fejn xieraq, it-tixrid tar-rapporti, id-dokumenti ta’ pożizzjoni jew konklużjonijiet li joħorġu mill-gruppi ta’ ħidma.

6.   Il-Kummissjoni tista’ tistieden lill-Kumitati Xjentifiċi biex ikunu parti min-netwerks b’tema flimkien ma’ istituzzjonijiet oħra tal-Komunità jew organizzazzjonijiet xjentifiċi, biex jissorveljaw u jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-għarfien xjentifiku dwar ir-riskji fl-oqsma ta’ kompetenza ddefiniti fl-Anness I.

7.   Il-Kumitati Xjentifiċi għandhom jiġbdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal xi problema speċifika jew emerġenti li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tagħhom, li jikkonsidraw li tista’ tkun ta’ riskju potenzjali jew attwali għas-sigurtà tal-konsumatur, is-saħħa pubblika jew l-ambjent, billi jadottaw il-memorandi jew l-istqarrijiet ta’ pożizzjoni tal-Kummissjoni u jindirizzawhom. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tippubblika dawn il-memorandi u stqarrijiet u għandha tiddetermina l-azzjoni li għandha tittieħed inkluż, fejn hu xieraq, talba għal opinjoni xjentifika dwar is-suġġett.

KAPITOLU 2

KOSTITUZZJONI TAL-KUMITATI XJENTIFIĊI U TAL-GRUPP

Artikolu 3

Ħatra tal-membri tal-Kumitati Xjentifiċi

1.   L-SCCS, l-SCHER u l-SCENIHR kull wieħed minnhom għandu jikkonsisti minn massimu ta’ 17-il membru u jistgħu jilqgħu bħala msieħba tagħhom, fuq l-inizzjattiva tagħhom stess, sa 5 konsulenti xjentifiċi mill-Grupp biex jikkontribwixxu fil-ħidma tal-Kumitat dwar kwistjonijiet jew dixxiplini speċifiċi.

2.   Il-membri tal-Kumitati Xjentifiċi għandhom jinħatru mill-Kummissjoni bis-saħħa tal-għarfien espert tagħhom u b’konsistenza ma’ dan skond distribuzzjoni ġeografika li tirrifletti d-diversità tal-problemi xjentifiċi u strateġiji, l-aktar fl-Ewropa. Il-Kummissjoni għandha tiddetermina n-numru ta’ membri ta’ kull kumitat skont il-ħtiġijiet speċifiċi.

Il-membri ta’ kull Kumitat Xjentifiku għandhom ikunu esperti f’qasam jew iżjed ta’ kompetenza ta’ dak il-Kumitat u kollettivament għandhom ikopru l-aktar medda wiesgħa ta’ dixxiplini possibbli.

3.   Il-Kummissjoni għandha taħtar il-membri tal-Kumitati Xjentifiċi minn lista ta’ kandidati eleġibbli stabbilita wara pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea u fuq il-website tal-Kummissjoni ta’ sejħa għal turija ta’ interess.

4.   Ebda membru ta’ Kumitat Xjentifiku ma jista’ jinħatar għal iżjed minn Kumitat wieħed stabbiliti fl-Artikolu 1(1).

Artikolu 4

Twaqqif tal-Grupp

1.   Il-Grupp għandu jikkonsisti minn konsulenti xjentifiċi li jkunu esperti f’qasam jew f’oqsma ta’ kompetenza ddefiniti fl-Anness 1 jew f’suġġetti relatati, u kollettivament ikopru medda ta’ dixxiplini l-aktar wiesgħa possibbli.

2.   Il-Kummissjoni għandha taħtar konsulenti xjentifiċi fil-Grupp minn lista ta’ kandidati eleġibbli stabbilita wara pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea u fuq il-website tal-Kummissjoni ta’ sejħa għal turija ta’ interess.

3.   L-għadd ta’ konsulenti xjentifiċi fil-Grupp fi kwalunkwe żmien għandu jiġi deċiż mill-Kummissjoni skond il-ħtiġijiet tagħha ta’ pariri xjentifiċi.

Artikolu 5

Mandat

1.   Il-Membri tal-Kumitati Xjentifiċi għandhom jinħatru għal perjodu ta’ tliet snin, u ma jistgħux jibqgħu jservu għal aktar minn tliet perjodi konsekuttivi fl-istess Kumitat. Għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm jinbidlu jew il-ħatra tagħhom tiġġedded.

Sabiex tissalvagwardja l-kontinwità tal-għarfien espert, il-Kummissjoni tista’, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, iġġedded il-mandat tal-membri ta’ Kumitat Xjentifiku għal perjodu ta’ mhux iktar minn 18-il xahar.

Membri li jkunu kemm temmew tliet mandati konsekuttivi f’Kumitat Xjentifiku għandhom ikunu eleġibbli għal sħubija f’Kumitat Xjentifiku ieħor.

2.   Meta membru ma jkunx konformi mal-kriterji ta’ parteċipazzjoni li għandhom jiġu stabbiliti fir-regoli ta’ proċeduri msemmija fl-Artikolu 12, jew jixtieq jirriżenja, il-Kummissjoni tista’ ttemm is-sħubija tal-membru u taħtar sostitut mill-Grupp.

3.   Il-konsulenti xjentifiċi għandhom jinħatru fil-Grupp għal perjodu ta’ ħames snin u l-ħatra tagħhom tista’ tiġġedded.

KAPITOLU 3

TĦADDIM TA’ L-ISTRUTTURA KONSULTATTIVA

Artikolu 6

Rikors għall-appoġġ tal-Grupp

1.   Kull Kumitat Xjentifiku jista’ jiddeċiedi li jilqa’ bħala msieħba sa ħames konsulenti xjentifiċi mill-Grupp fit-tħejjija ta’ opinjoni xjentifika. Dawn il-membri msieħba għandhom jipparteċipaw fl-attivitajiet u d-deliberazzjonijiet li jirrigwardaw is-suġġett ikkunsidrat bl-istess funzjonijiet, responsabbiltajiet u drittijiet tal-Kumitat ikkonċernat.

2.   Barra minn hekk, kull Kumitat Xjentifiku jista’ jiddeċiedi li jistieden bħala msieħba konsulenti xjentifiċi oħra mill-Grupp fit-tħejjija ta’ opinjoni xjentifika. Dawn il-konsulenti għandhom jieħdu sehem fl-attivitajiet li jikkonċernaw is-suġġett ikkunsidrat, iżda l-funzjonijiet u r-responsabbiltà huma ristretti għat-tħejjija tal-opinjoni.

3.   Il-konsulenti xjentifiċi mill-Grupp jistgħu jiġu mistiedna mill-Kumitati Xjentifiċi biex jgħinuhom fl-għoti ta’ parir bilġri mitlub mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 2(3), jew biex jieħdu sehem fi gruppi ta’ ħidma b’tema msemmija fl-Artikolu 2(5).

4.   Il-konsulenti xjentifiċi mill-Grupp jistgħu jiġu mistiedna mill-Kummissjoni biex jieħdu sehem f’laqgħat xjentifiċi jew biex jipprovdu servizzi lill-Kummissjoni b’tagħrif ad hoc dwar kwistjonijiet speċifiċi.

Artikolu 7

Il-gruppi ta’ ħidma

1.   Il-Kumitati Xjentifiċi jistgħu joħolqu gruppi ta’ ħidma speċifiċi li d-dmir tagħhom ikun jikkonsisti fit-tħejjija u l-abbozz ta’ opinjonijiet xjentifiċi. Dawn il-gruppi ta’ ħidma għandhom jiġu stabbiliti b’mod partikolari meta jkun hemm ħtieġa għal għarfien espert minn barra dwar suġġett partikolari.

2.   Bi ftehim mal-Kummissjoni, il-Kumitati Xjentifiċi jistgħu jistiednu membri msieħba, konsulenti xjentifiċi oħra mill-Grupp, esperti speċjalizzati minn barra, kif ukoll esperti minn istituzzjonijiet oħra tal-Komunità li jikkunsidraw li għandhom l-għarfien xjentifiku u l-għarfien espert rilevanti, biex jikkontribwixxi għax-xogħol tagħhom.

3.   Il-gruppi ta’ ħidma għandhom ikunu preseduti minn membru tal-Kumitat Xjentifiku li jlaqqahom u għandhom jirrappurtaw lura lilu, u jistgħu jinnominaw Relatur minn fost il-parteċipanti tagħhom. Għal kwistjonijiet partikolarment komplessi ta’ natura multi dixiplinarja, jista jiġi nominat aktar minn Relatur wieħed.

4.   Meta kwistjoni tkun komuni għal iżjed minn Kumitat Xjentifiku wieħed, għandu jitwaqqaf grupp ta’ ħidma konġunt li jinkludi membri mill-Kumitati kkonċernati, kif ukoll membri assoċjati, konsulenti xjentifiċi mill-Grupp u esperti esterni, skond kif meħtieġ.

Artikolu 8

Is-sehem tal-apprendisti

Bi ftehim mal-Kummissjoni u skond ir-regoli ta’ proċedura msemmija fl-Artikolu 12, il-Kumitati Xjentifiċi jistgħu jilqgħu apprendisti biex jattendu għal-laqgħat tagħhom, bil-ħsieb li jikkontribwixxu għall-bini tal-kapaċità fil-qasam tal-istima tar-riskju.

Artikolu 9

Rekwiżiti speċjali

1.   Il-Kummissjoni tista’ teħtieġ l-adozzjoni ta’ opinjoni xjentifika minn xi Kumitat Xjentifiku f’perjodu speċifikat.

2.   Il-Kummissjoni tista’ teħtieġ l-adozzjoni ta’ opinjoni konġunta dwar kwistjonijiet li ma jaqgħux fi ħdan l-oqsma ta’ kompetenza ta’ Kumitat Xjentifiku wieħed jew li jeħtieġu li jiġu kkunsidrati minn aktar minn Kumitat wieħed. Opinjoni konġunta, wara talba għal opinjoni mill-Kummissjoni, tista’ wkoll tiġi adottata mill-Kumitati Xjentifiċi fuq l-inizjattiva tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni Inter-Kumitati msemmi fl-Artikolu 11.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tiddefinixxi fit-talba għal opinjoni xjentifika l-konsultazzjonijiet, is-seduti jew il-kollaborazzjoni ta’ istituzzjonijiet xjentifiċi oħra li tqis meħtieġa għat-tħejjija ta’ din l-opinjoni. Il-konsultazzjonijiet u s-seduti jistgħu jiġu deċiżi wkoll minn Kumitat, bi ftehim mal-Kummissjoni, jekk dan jitqies meħtieġ biex tiġi kkompletata opinjoni.

4.   Kumitat Xjentifiku jista’ jitlob informazzjoni addizjonali mill-partijiet interessati biex tiġi kkompletata opinjoni xjentifika. Kumitat Xjentifiku jista’ jimponi skadenza biex tintbagħatlu l-informazzjoni mitluba. F’dan il-każ, il-Kumitat Xjentifiku jista’ jiddeċiedi li jissospendi xogħlu fuq l-opinjoni xjentifika kkonċernata. Jekk l-informazzjoni mitluba ma tkunx ġiet sottomessa sad-data tal-iskadenza, l-Kumitat jista’ jadotta l-opinjoni tiegħu fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli.

Artikolu 10

Elezzjoni tal-Presidenti u tal-Viċi-Presidenti

1.   Kull Kumitat Xjentifiku għandu jeleġġi President u żewġ Viċi-Presidenti minn fost il-membri tiegħu. L-elezzjoni għandha sseħħ b’maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Kumitat. Il-mandat tal-President u tal-Viċi-President għandu jkun ta’ tliet snin u jiġġedded.

2.   Il-proċedura għall-elezzjoni tal-President u tal-Viċi-Presidenti tal-Kumitati Xjentifiċi għandha tiġi stabbilita fir-regoli ta’ proċeduri msemmija fl-Artikolu 12.

Artikolu 11

Koordinazzjoni tal-Kumitati Xjentifiċi

Grupp ta’ Koordinazzjoni Inter-Kumitati (ICCG) magħmul mill-Presidenti u Viċi Presidenti tal-Kumitati Xjentifiċi għandu jiżgura l-koordinazzjoni tat-tliet Kumitati Xjentifiċi skond ir-regoli ta’ proċeduri msemmija fl-Artikolu 12.

Artikolu 12

Regoli ta’ proċeduri

1.   Fuq proposta tal-Kummissjoni u bi ftehim magħha, il-Kumitati Xjentifiċi għandhom jadottaw regoli komuni ta’ proċeduri.

2.   Ir-regoli ta’ proċeduri għandhom jiżguraw li l-Kumitati Xjentifiċi jwettqu dmirijiethom skond il-prinċipji ta’ eċċellenza, indipendenza u trasparenza, filwaqt li jikkunsidraw talbiet leġittimi ta’ kunfidenzjalità kummerċjali kif ukoll il-prinċipji ta’ stima tar-riskju li jistgħu jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni fid-dawl tal-esperjenza u minħabba l-politika tagħha f’dan il-qasam.

3.   Ir-regoli ta’ proċeduri għandhom ikopru b’mod partikolari s-suġġetti elenkati fl-Anness II

Artikolu 13

Ir-regoli tal-votazzjoni

1.   Il-Kumitati Xjentifiċi għandhom jadottaw l-opinjonijiet tagħhom, il-pariri rapidi, il-memoranda u/jew l-istqarrijiet ta’ pożizzjoni b’maġġoranza tal-għadd totali ta’ membri tal-Kumitat ikkonċernat ikkombinat mal-għadd totali ta’ membri msieħba.

2.   Kull Kumitat Xjentifiku għandu jaġixxi b’maġġoranza tal-membri tiegħu fuq il-kwistjonijiet l-oħra kollha.

3.   Dawk il-membri ta’ Kumitat li jkunu rriżenjaw jew li s-sħubija tagħhom tasal fi tmiem skond l-Artikolu 5(2) m’għandhomx jitqiesu għall-kalkolu tal-maġġoranza għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 14

Opinjonijiet diverġenti, koordinazzjoni u kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet tal-Komunità, nazzjonali jew internazzjonali

1.   Il-Kumitati Xjentifiċi għandhom jgħinu lill-Kummissjoni u jagħtu sehem fl-identifikazzjoni fi stadju bikri ta’:

(a)

ħtiġijiet u possibbiltajiet għall-koordinazzjoni ta’ xogħol u kollaborazzjoni;

(b)

diverġenzi potenzjali jew attwali f’opinjonijiet xjentifiċi ma’ istituzzjonijiet oħra rilevanti tal-Komunità, nazzjonali jew internazzjonali li jwettqu dmirijiet simili, dwar kwistjonijiet ġenerali jew speċifiċi ta’ stima tar-riskju.

Għandhom jgħinu lill-Kummissjoni biex jiġu evitati, solvuti jew iċċarati opinjonijiet diverġenti u biex jiġu stabbiliti u jinżammu relazzjonijiet ta’ kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet bħal dawn.

2.   Il-Kummissjoni tista’ tieħu l-inizjattiva biex titlob u torganizza ħidma konġunta tal-Kumitati Xjentifiċi ma’ istituzzjonijiet tal-Komunità, nazzjonali jew internazzjonali li jwettqu ħidmiet simili. Tista’ b’mod partikolari titlob lill-Kumitati Xjentifiċi jipproduċu opinjonijiet konġunti ma’ istituzzjonijiet oħra tal-Komunità, bi ftehim ma’ dawn l-istituzzjonijiet.

3.   Fejn tkun ġiet identifikata diverġenza sostantiva dwar kwistjonijiet xjentifiċi u l-istituzzjoni kkonċernata tkun istituzzjoni tal-Komunità, il-Kumitat Xjentifiku konċernat għandu, fuq talba tal-Kummissjoni, jikkopera mal-istituzzjoni ikkonċernata bl-għan li jew isolvi d-diverġenza jew jippreżenta dokument konġunt lill-Kummissjoni fejn jiċċara l-kwistjonijiet xjentifiċi kontenzjużi u jidentifika n-nuqqas ta’ ċertezzi rilevanti fid-data. Dan id-dokument għandu jkun ippubblikat.

KAPITOLU 4

PRINĊIPJI

Artikolu 15

Indipendenza

1.   Il-Membri tal-Kumitati Xjentifiċi, membri msieħba, konsulenti oħra xjentifiċi tal-Grupp u l-esperti esterni għandhom jinħatru fil-kapaċità personali tagħhom. M’għandhomx jiddelegaw ir-responsabbiltajiet tagħhom lil xi persuna oħra.

2.   Il-Membri tal-Kumitati Xjentifiċi u, konsulenti xjentifiċi tal-Grupp, u l-esperti esterni li jieħdu sehem fi gruppi ta’ ħidma għandhom jimpenjaw ruħhom li jaġixxu b’mod indipendenti minn kull influwenza esterna.

Għal dan l-għan għandhom jagħmlu dikjarazzjoni ta’ impenn li jaġixxu fl-interess pubbliku flimkien ma’ dikjarazzjoni ta’ interessi fejn jindikaw jew l-assenza jew l-eżistenza ta’ xi interess dirett jew indirett li jista’ jiġi kunsidrat ta’ preġudizzju għall-indipendenza tagħhom.

Dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom isiru bil-miktub. Il-Membri tal-Kumitati Xjentifiċi u l-konsulenti xjentifiċi mill-Grupp għandhom jagħmlu dikjarazzjonijiet annwali.

3.   Il-Membri tal-Kumitati Xjentifiċi, membri assoċjati u konsulenti xjentifiċi oħra, u l-esperti esterni li jipparteċipaw fi gruppi ta’ ħidma għandhom jiddikjaraw f’kull laqgħa kull interess speċifiku li jista’ jiġi kunsidrat ta’ preġudizzju għall-indipendenza tagħhom fir-rigward tal-punti fuq l-aġenda.

Artikolu 16

It-Trasparenza

1.   L-attivitajiet tal-Kumitati Xjentifiċi għandhom jitwettqu b’livell għoli ta’ trasparenza. Il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari tagħmel disponibbli għall-pubbliku fuq il-websajt tagħha mingħajr dewmien żejjed:

(a)

it-talba għal opinjonijet indirizzati lill-Kumitati Xjentifiċi;

(b)

aġendi u minuti tal-laqgħat tal-Kumitati Xjentifiċi, il-Grupp ta’ Koordinazzjoni Inter-Kumitati u gruppi ta’ ħidma;

(ċ)

l-opinjonijiet xjentifiċi, u pariri rapidi adottati mill-Kumitati Xjentifiċi, inkluż l-opinjonijiet ta’ minoranza u l-ismijiet tal-parteċipanti fil-gruppi ta’ ħidma li taw kontribut għall-opinjoni kkonċernata; opinjonijiet ta’ minoranza għandhom jiġu attribwiti lill-membri jew konsulenti kkonċernati;

(d)

ir-regoli komuni ta’ proċeduri tal-Kumitati Xjentifiċi;

(e)

l-ismijiet tal-membri tal-Kumitati Xjentifiċi kif ukoll tal-konsulenti xjentifiċi mill-Grupp, flimkien ma’ Curriculum vitae fil-qosor ta’ kull membru u konsulent;

(f)

id-dikjarazzjonijiet ta’ interessi tal-membri tal-Kumitati Xjentifiċi, tal-konsulenti xjentifiċi mill-Grupp u tal-esperti esterni li jkunu ħadu sehem fi grupp ta’ ħidma;

2.   Ir-regoli ta’ trasparenza msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu applikati skont ir-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment ħieles ta’ din id-data  (6), u tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (7), speċjalment għal dik li hija kunfidenzjalità kummerċjali.

Artikolu 17

Kunfidenzjalità

Il-membri tal-Kumitati Xjentifiċi, konsulenti xjentifiċi, esperti esterni u apprendisti ma għandhomx jiżvelaw informazzjoni miksuba bħala riżultat tax-xogħol tal-Kumitati Xjentifiċi, workshops b’tema, gruppi ta’ ħidma jew attivitajiet oħra relatati mal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, meta jiġu informati li din hija kunfidenzali.

KAPITOLU 5

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 18

Segretarjat tal-Kumitati Xjentifiċi tal-Kummissjoni

1.   Il-Kumitati Xjentifiċi u l-gruppi tagħhom ta’ ħidma, l-ICCG kif ukoll laqgħat, workshops jew avvenimenti oħra marbuta mal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu mlaqqa mill-Kummissjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-segretarjat xjentifiku u amministrattiv għall-Kumitati Xjentifiċi u l-gruppi tagħhom ta’ ħidma kif ukoll għall-attivitajiet l-oħra kollha marbuta mal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

3.   Is-segretarjat għandu jkun responsabbli biex jipprovdi l-appoġġ xjentifiku u amministrattiv meħtieġ biex jiġi ffaċilitat it-tħaddim effiċjenti tal-Kumitati Xjentifiċi, tiġi ssorveljata l-konformità mar-regoli ta’ proċedura, b’mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ eċċellenza, indipendenza u trasparenza, tiġi żgurata l-komunikazzjoni dwar l-attivitajiet tal-Kumitati u d-djalogu xieraq mal-partijiet interessati, inkluż b’mod partikolari l-organizzazzjoni ta’ seduti dwar l-attivitajiet tal-Kumitati, u pubblikazzjoni tal-opinjonijiet u dokumenti oħra pubbliċi. Barra minn hekk, is-segretarjat għandu jipprovdi appoġġ lill-Kumitati u jorganizza u japplika kontroll tal-kwalità tal-opinjonijiet, kif stipulat fir-regoli ta’ proċedura, sa fejn għandhom x’jaqsmu l-kompletezza, il-konsistenza, iċ-ċarezza, il-korrispondenza mat-talbiet u l-livelli editorjali.

4.   Is-segretarjat għandu jiżgura l-koordinazzjoni xjentifika u teknika tal-attivitajiet tal-Kumitati Xjentifiċi u fejn meħtieġ il-koordinazzjoni tal-attivitajiet tagħhom ma’ dawk ta’ istituzzjonijiet oħra tal-Komunità, nazzjonali u internazzjonali, kif ukoll l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ djalogu mal-partijiet interessati stabbilita fir-regoli ta’ proċedura u l-komunikazzjoni dwar l-attivitajiet tal-Kumitati.

Artikolu 19

Rifużjonijiet u indennizzi

Il-Membri tal-Kumitati Xjentifiċi, konsulenti xjentifiċi mill-Grupp u esperti esterni għandhom ikunu intitolati għal indennizz għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-Kumitati, il-workshops b’tema, gruppi ta’ ħidma u laqgħat oħra u avvenimenti organizzati mill-Kummissjoni, u talli jservu ta’ Relaturi fuq kwistjoni speċifika, kif stipulat fl-Anness III.

Il-ħlas għall-ivvjaġġar u l-għejxien għandhom jitħallsu mill-Kummissjoni.

Artikolu 20

Sostituzzjoni tal-Kumitati Xjentifiċi

Il-Kumitati Xjentifiċi stabbiliti bl-Artikolu 1(1) ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jissostitwixxu l-Kumitati Xjentifiċi eżistenti stabbiliti bid-Deċiżjoni 2004/210/KE kif ġej:

(a)

il-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sigurtà tal-Konsumatur għandu jissostitwixxi l-Kumitat Xjentifiku dwar il-Prodotti tal-Konsumatur.

(b)

il-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji għas-Saħħa u l-Ambjent għandu jissostitwixxi l-Kumitat tal-istess isem;

(ċ)

il-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji Emerġenti għas-Saħħa u dawk Identifikati Reċentement għandu jissostitwixxi l-Kumitat Xjentifiku tal-istess isem;

Artikolu 21

Revoki

1.   Id-Deċiżjoni 2004/210/KE hija revokata.

Madankollu, it-tliet Kumitati stabbiliti b’dik id-Deċiżjoni għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm il-Kumitati Xjentifiċi stabbiliti b’din id-Deċiżjoni jieħdu l-kariga.

2.   Referenzi għad-deċiżjoni revokata għandhom jinftehmu bħala applikabbli għal din id-Deċiżjoni; referenzi għall-Kumitati stabbiliti bid-deċiżjoni revokata għandhom jinftehmu bħala li japplikaw għall-Kumitati stabbiliti b’din id-Deċiżjoni.

Magħmula fi Brussell, 5 ta’ Awwissu 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 66, 4.3.2004, p. 45.

(2)  ĠU L 114, 1.5.2007, p. 14.

(3)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1; verżjoni kkoreġuta (ĠU L 136, 29.5.2007, p. 3).

(4)  ĠU L 287, 1.11.2007, p. 25

(5)  COM(2002) 713 finali tal-11 ta’ Diċembru 2002.

(6)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1

(7)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43


ANNESS I

QASAM TA’ KOMPETENZA

1.   Il-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sigurtà tal-Konsumatur

Għandu jipprovdi opinjonijiet dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw it-tipi kollha ta’ riskji għas-saħħa u s-sigurtà (l-aktar riskji kimiċi, bijoloġiċi, mekkaniċi u riskji fiżiċi oħra) ta’ prodotti tal-konsumatur mhux ta’ l-ikel (pereżempju: prodotti kożmetiċi u l-ingredjenti tagħhom, ġugarelli, tessuti, ilbies, prodotti għall-kura personali u tad-dar bħal deterġenti eċċ) u servizzi (pereżempju: tattwaġġ, smurija tal-ġilda artifiċjali eċċ).

2.   Il-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji għas-Saħħa u l-Ambjent

Għandu jipprovdi opinjonijiet dwar riskji għas-saħħa u l-ambjent marbuta ma’ sustanzi li jniġġsu l-ambjenti fiżiċi u fatturi oħra bijoloġiċi u fiżiċi jew kundizzjonijiet fiżiċi li qed jinbidlu li jistgħu jkollhom impatt negattiv fuq is-saħħa u l-ambjent, pereżempju fir-rigward tal-kwalità tal-arja, ilmijiet, skart u ħamrija, kif ukoll fuq stimi ambjentali ta’ ċikli ta’ ħajja. Għandu wkoll jindirizza kwistjonijiet ta’ saħħa u sigurtà marbuta mat-tossiċità u l-ekotossiċità tal-bijoċidi.

Bla ħsara għall-kompetenzi mogħtija lill-Aġenzija Kimika Ewropea (ECHA), il-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sigurtà tal-Konsumatur (SCCS) u aġenziji Ewropej oħra tal-istima tar-riskju, jista’ jiġi mistieden mill-Kummissjoni jindirizza, l-aktar f’kollaborazzjoni ma’ aġenziji Ewropej u b’mod partikolari l-ECHA, kwistjonijiet marbuta mal-eżami tat-tossiċità u l-ekotossiċità ta’ komposti kimiċi, bijokimiċi u bijoloġiċi li l-użu tagħhom jista’ jkollu konsegwenzi ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Barra minn hekk, il-Kumitat se jindirizza kwistjonijiet marbuta mal-aspett metodoloġiku tal-istima tar-riskji ta’ sustanzi kimiċi għas-saħħa u l-ambjent, inklużi taħlitiet ta’ sustanzi kimiċi, kif meħtieġ biex jipprovdi pariri tajba u konsistenti fl-oqsma tiegħu stess ta’ kompetenza kif ukoll biex jikkontribwixxi għall-kwistjonijiet rilevanti b’kooperazzjoni mill-qrib ma’ aġenziji Ewropej oħra.

3.   Il-Kumitat Xjentifiku dwar Riskji għas-Saħħa Emerġenti jew li ġew Identifikati Reċentement

Għandu jagħti opinjonijiet dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw riskji emerġenti għas-saħħa u l-ambjent jew li ġew identifikati reċentement u dwar kwistjonijiet ġenerali, komplessi jew multidixxiplinarji li jeħtieġu stima komprensiva tar-riskji għas-sigurtà tal-konsumatur jew għas-saħħa pubblika u kwistjonijiet relatati mhux koperti minn istituzzjonijiet tal-Komunità tal-istima tar-riskju.

Eżempji ta’ oqsma ta’ attività potenzjali jinkludu riskji potenzjali assoċjati mal-interazzjoni ta’ fatturi ta’ riskju, effetti sinerġetiċi, effetti kumulattivi, resistenza kontra l-mikrobu, teknoloġiji ġodda bħan-nanoteknoloġiji, apparati mediċi li jinkludu dawk li jinkorporaw sustanzi li joriġinaw minn annimali u/jew mill-bniedem, inġinerija ta’ tessuti bijoloġiċi, prodotti magħmula mid-demm, tnaqqis ta’ fertilità, kankru ta’ organi endokrinali, perikli fiżiċi bħal dawk ikkaġunati mill-ħoss u kampijiet elettromanjetiċi (minn telefons ċellulari, transmitters, u ambjenti domestiċi kkontrollati b’mezzi elettroniċi), u metodoloġiji għall-istima ta’ riskji ġodda. Jista’ wkoll jintalab jindirizza riskji marbuta ma’ determinanti għas-saħħa pubblika u mard li ma jitteħidx.


ANNESS II

REGOLI TA’ PROĊEDURI

Ir-regoli komuni ta’ proċeduri li jridu jiġu adottati mill-Kumitati Xjentifiċi skont l-Artikolu 12 għandhom b’mod partikolari jkopru s-suġġetti li ġejjin:

1.   Koordinazzjoni bejn il-Kumitati Xjentifiċi

(a)

In-nomina tal-Kumitat Xjentifiku responsabbli meta jintalab għal opinjonijiet xjentifiċi li ma jaqgħux fi ħdan l-oqsma ta’ kompetenza ta’ Kumitat Xjentifiku wieħed jew li jeħtieġ li jiġu kkunsidrati minn aktar minn Kumitat wieħed;

(b)

L-adozzjoni ta’ opinjonijiet konġunti, parir rapidu, memoranda u/jew dikjarazzjonijiet ta’ pożizzjoni;

(ċ)

Il-proċeduri biex tiġi żgurata koordinazzjoni bejn il-Kumitati Xjentifiċi inklużi kwistjonijiet marbuta mal-armonizzazzjoni tal-istima tar-riskju u t-tħaddim tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni Inter-Kumitati;

2.   Proċeduri ta’ deċiżjoni fi ħdan il-Kumitati

(a)

L-elezzjoni tal-President u tal-Viċipresident tal-Kumitati Xjentifiċi;

(b)

Il-proċeduri għall-adozzjoni ta’ opinjonijiet:

taħt kondizzjonijiet normali

taħt proċedura bil-miktub taħt kondizzjonijiet normali u

taħt proċedura miktuba aċċellerata, jekk l-urġenza tal-każ teħtieġ tali proċedura;

(ċ)

Il-proċedura għall-għoti ta’ parir rapidu meta dan jintalab mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 2(3); din il-proċedura għandha tiżgura l-kwalità u l-approvazzjoni xierqa tal-parir mill-Kumitat;

(d)

L-adozzjoni ta’ memoranda u dokumenti ta’ pożizzjoni biex tinġibed l-attenzjoni tal-Kummissjoni lejn problemi speċifiċi jew emerġenti;

3.   Organizzazzjoni tax-xogħlijiet xjentifiċi

(a)

Il-ħolqien u l-organizzazzjoni tal-gruppi ta’ ħidma tal-Kumitati Xjentifiċi, inklużi gruppi ta’ ħidma konġunti;

(b)

Is-sħubija ta’ konsulenti xjentifiċi mill-Grupp fl-attivitajiet tal-Kumitati u l-involviment ta’ esperti esterni;

(ċ)

Il-ħatra ta’ Relaturi u d-deskrizzjoni tar-responsabbiltajiet tagħhom fir-rigward tal-preparazzjoni ta’ abbozzi ta’ opinjoni għall-Kumitati Xjentifiċi;

(d)

Il-format u l-kontenut ta’ opinjonijiet xjentifiċi u proċeduri biex tiġi żgurata u mtejba l-koerenza tagħhom kif ukoll il-livelli editorjali;

(e)

L-organizzazzjoni ta’ laqgħat, workshops b’tema u netwerks u l-parteċipazzjoni fihom;

(f)

Is-sħubija ta’ apprendisti;

4.   Obbligi tal-membri tal-Kumitat, il-konsulenti msieħba u konsulenti xjentifiċi oħra mill-Grupp, esperti esterni u għall-apprendisti

(a)

Il-kriterji ta’ parteċipazzjoni u l-kondizzjonijiet li bihom għandha tiskadi s-sħubija tal-Kumitat;

(b)

L-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta’ konfidenzjalità stabbiliti fl-Artikolu 17;

(ċ)

Ir-responsabbiltajiet u l-obbligi ta’ membri, konsulenti msieħba u konsulenti oħra xjentifiċi mill-Grupp u esperti esterni fir-rigward tal-kuntatti tagħhom ma’ dawk li jressqu petizzjonijiet, gruppi ta’ interess speċjali u partijiet oħra interessati;

(d)

Il-kondizzjonijiet u l-proċedura li biha membru ta’ Kumitat, konsulent imsieħeb jew konsulent xjentifiku ieħor jew espert estern għandu jiġi eskluż mid-deliberazzjonijiet u/jew il-vot dwar suġġett partikolari fil-Kumitat jew fi grupp ta’ ħidma, fejn hemm dubbji reġonevoli dwar l-indipendenza tiegħu.

5.   Relazzjonijiet ma’ partijiet terzi

(a)

Proċeduri biex jiġu identifikati, solvuti jew iċċarati opinjonijiet diverġenti ma’ istituzzjonijiet tal-Komunità, nazzjonali u internazzjonali li jkunu qegħdin iwettqu kompiti simili, inkluż skambju ta’ informazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ laqgħat konġunti;

(b)

Ir-rappreżentanza ta’ Kumitat Xjentifiku f’attivitajiet esterni, l-aktar fir-rigward ta’ istituzzjonijiet oħra tal-Komunità jew internazzjonali li jkunu qegħdin jaħdmu fuq attivitajiet simili;

(ċ)

L-organizzazzjoni tal-proċedura ta’ djalogu tal-partijiet interessati, b’mod partikolari l-organizzazzjoni ta’ seduti ma’ gruppi ta’ l-industrija jew ta’ interess speċjali jew partijiet interessati oħra;

(d)

Il-pubblikazzjoni ta’ opinjonijiet xjentifiċi u dokumenti oħra.


ANNESS III

INDENNIZZI

Il-Membri tal-Kumitati Xjentifiċi, konsulenti xjentifiċi mill-Grupp u l-esperti esterni għandhom ikunu intitolati għal indennizzi marbuta mal-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet tal-kumitati xjentifiċi kif ġej:

 

Għal parteċipazzjoni f’laqgħat:

EUR 300 għal kull parteċipazzjoni ta’ jum sħiħ jew EUR 150 għal parteċipazzjoni filgħodu jew waranofsinhar għal laqgħa ta’ Kumitat Xjentifiku, grupp ta’ ħidma jew laqgħa esterna fejn l-attendenza ssir b’konnessjoni max-xogħol ta’ Kumitat Xjentifiku.

 

Għal xogħol ta’ Relatur għal kwistjoni li teħtieġ mhux anqas minn jum ta’ preparazzjoni ta’ abbozz ta’ opinjoni u bi ftehim miktub minn qabel mal-Kummissjoni:

EUR 300.

Fejn ikun iġġustifikat bis-sħiħ u jekk il-budget jippermetti, din is-somma tista’ tiżdied għal EUR 600 għal kwistjonijiet li jkunu partikolarment impenjattivi f’termini ta’ ammont ta’ xogħol.

Il-Kummissjoni se tqis b’mod regolari l-ħtieġa li jiġu adattati dawn l-indennizzi fid-dawl tal-indiċijiet tal-prezzijiet, l-evalwazzjoni ta’ indennizzi mħallsa lil esperti f’istituzzjonijiet oħra Ewropej u l-esperjenza għall-ammont ta’ xogħol tal-membri, membri msieħba, konsulenti xjentifiċi oħra u esperti esterni. L-ewwel stima se sseħħ fl-2009.