17.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 146/1


DĠ AZZJONI FAVUR IL-KLIMA (CLIMA)

Pubblikazzjoni ta' post vakanti għall-kariga ta' konsulent prinċipali (Grad AD 14)

(L-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal)

COM/2011/10308

(2011/C 146 A/01)

Min aħna...

Id-Direttorat Ġenerali Azzjoni Favur il-Klima qiegħed ifittex Konsulent Prinċipali li se jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-DĠ, li huma:

li jżomm iż-żieda fit-temperatura medja globali taħt iż-2 gradi Celsius meta mqabbla mal-livelli pre-industrijali;

li jiżviluppa l-istrateġija tal-UE dwar il-klima għal ekonomija u soċjetà b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u reżistenti għat-tibdil fil-klima, għat-tfassil tal-politika domestika kif ukoll għan-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima;

li jaħdem sabiex jilħaq l-impenn tal-UE li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra b'mill-inqas 20 % sal-2020 permezz tal-implimentazzjoni ta' taħlita effiċjenti ta' strumenti ta' politika differenti;

li jippromwovi l-integrazzjoni tal-aspetti kollha tal-politiki dwar il-klima, jiġifieri t-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-adattament għat-tibdil inevitabbli fil-klima fl-oqsma kollha ta' politika relevanti;

li jinkoraġġixxi l-innovazzjoni, it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta' xogħlijiet ġodda billi jippromwovi d-dimostrazzjoni u t-tixrid ta' teknoloġiji b'livell baxx ta' karbonju kif ukoll teknoloġiji ta' adattament.

Għal aktar dettalji ta' dawn l-għanijiet ikkonsulta s-sit elettroniku tagħna (http://ec.europa.eu/dgs/clima/mission/index_en.htm)

Qed nipproponu ...

Għandha timtela l-kariga ta' Konsulent Prinċipali. Il-kompitu ewlieni tal-Konsulent Prinċipali se jkun li jsaħħaħ u li jagħti pariri rigward in-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima u s-sħubijiet tal-UE ma' pajjiżi terzi dwar it-tibdil fil-klima.

Il-kandidat magħżul għandu jaħdem fid-diversi oqsma ta' politika koperti mid-DĠ u għandu jressaq flimkien l-analiżi u l-konklużjonijiet dwar firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet u domandi inter-relatati. Barra minn hekk, il-Konsulent Prinċipali għandu jikkontribwixxi fil-koordinazzjoni interna tad-DĠ u fit-titjib tal-integrazzjoni tal-prijoritajiet tat-tibdil fil-klima f'politiki oħra tal-UE. Il-kandidat magħżul se jkollu jaħdem ukoll mill-qrib mal-Kummissarju u mal-Istati Membri. Huwa meħtieġ għarfien dwar, pereżempju:

l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE relevanti, b'mod partikolari l-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet (EU ETS);

is-sistemi ta' enerġija sostenibbli, enerġija li tiġġedded u effiċjenza fl-enerġija, eċċ.;

il-mobilità u t-trasport sostenibbli, eċċ.;

l-adattament effettiv għat-tibdil fil-klima, eċċ.;

it-tibdil fil-klima u l-kompetittività, pereżempju ħarsa lejn l-eko-effiċjenza, l-ispejjeż tal-ħsara ambjentali, il-kompromess bejn il-benefiċċji ambjentali u dawk ekonomiċi, ir-rabta mal-istrateġija tal-Ewropa tal-2020 għat-tkabbir u l-impjiegi eċċ.;

Qegħdin infittxu (kriterji tal-għażla)

Se tingħata preferenza lill-kandidati li:

jkollhom għarfien eċċellenti tan-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima, inkluż għarfien estensiv tal-pożizzjonijiet tal-atturi ewlenin, kif ukoll kuntatti magħhom;

jkollhom esperjenza internazzjonali ppruvata fil-kordinazzjoni ta' negozjati multilaterali kumplessi;

jkollhom għarfien tajjeb u estensiv ta' kwistjonijiet ta' politika dwar it-tibdil fil-klima;

jkollhom għarfien sod u esperjenza tal-EU ETS;

jkollhom livell għoli ta' esperjenza fl-integrazzjoni tal-politiki dwar it-tibdil fil-klima f'oqsma oħra ta' politika;

li huma kapaċi li juru:

ħiliet ippruvati ta' negozjar;

ħiliet ta' komunikazzjoni eċċellenti;

ħila li jaħdmu b'mod effettiv f'tim fil-kordinazzjoni tal-politika u n-negozjati dwar it-tibdil fil-klima;

għarfien sod tal-ekonomija u tad-dinja tan-negozju;

oriġinalità u l-ħila li jkollhom ideat ġodda u li jkunu jistgħu jaraw angoli ġodda biex jinstabu modi kif jintlaħqu l-għanijiet;

għarfien eċċellenti tal-Istituzzjonijiet tal-UE u tal-politika tagħha dwar it-tibdil fil-klima;

esperjenza fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta' politiki effiċjenti u effettivi hija neċessarja.

Il-kandidati jridu (kriterji tal-eliġibbiltà)

1.

Ikunu ċittadini ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

2.

Ikollhom:

i)

jew livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji li tlestew, iċċertifikati b'diploma, fejn il-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta' erba' snin jew aktar;

jew inkella

ii)

livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji li tlestew, iċċertifikati minn diploma, u esperjenza professjonali xierqa ta' mill-inqas sena, fejn il-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta' mill-inqas tliet snin;

3.

Ikollhom minn tal-inqas 15-il sena esperjenza professjonali wara l-lawrja f'livell li l-kwalifiki msemmijin hawn fuq jagħtu aċċess għalih. Mill-inqas 5 snin minn din l-esperjenza professjonali għandha tkun f'funzjoni maniġerjali ta' livell għoli (1) u għandha tkun direttament relatata mal-qasam relevanti għal din il-pożizzjoni;

4.

Ikollhom għarfien tajjeb ħafna ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għarfien adegwat ta' lingwa uffiċjali oħra minn fost dawn il-lingwi.

5.

Ikunu ta' età li taqa' taħt dik tal-irtirar li, għall-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, hi definita bħala l-aħħar tax-xahar li fih il-persuna tagħlaq 65 sena (ara l-Artikolu 52 lit (a) tar-Regolamenti tal-Persunal).

Indipendenza u dikjarazzjoni tal-interessi:

Il-kandidati huma mitluba jikkonfermaw il-volontà tagħhom li jagħmlu dikjarazzjoni tal-impenn tagħhom li jaġixxu b'mod indipendenti fl-interess pubbliku u dikjarazzjoni ta' kwalunkwe interess li jista' jiġi kkunsidrat li jippreġudika l-indipendenza tagħhom.

Ħatra u kundizzjonijiet tal-impjieg:

Il-Konsulent Prinċipali se jintgħażel u jinħatar mill-Kummissjoni skont il-proċeduri tagħha tal-għażla u r-reklutaġġ (ara wkoll id-Dokument ta' Sintesi dwar il-Politika tal-Uffiċjali Anzjani). Bħala parti minn dan il-proċess tal-għażla, il-kandidati li jissejħu għal intervista mill-Kumitat Konsultattiv tal-Kummissjoni għall-Ħatriet, ikollhom, qabel din l-intervista, jipparteċipaw f'ċentru ta' valutazzjoni mmexxi minn konsulenti esterni ta' reklutaġġ.

Il-kandidati huma mgħarrfa li l-proċeduri tal-għażla ser isiru biss bl-Ingliż, u/jew bil-Franċiż (2);

Is-salarji u l-kundizzjonijiet tal-impjieg huma dawk stipulati fir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali fil-grad AD14 tal-Unjoni Ewropea. L-applikanti għandhom iqisu r-rekwiżit għall-persunal ġdid kollu, skont ir-Regolamenti tal-Persunal, li jgħaddu b'suċċess żmien ta' prova ta' disa' xhur.

Opportunitajiet indaqs:

L-Unjoni Ewropea tapplika politika ta' opportunitajiet indaqs.

Proċedura tal-applikazzjoni:

Qabel ma tissottometti l-applikazzjoni tiegħek, għandek tiċċekkja b'attenzjoni jekk tissodisfax il-kriterji ta' eliġibilità kollha (“L-applikanti għandhom”), b'mod partikolari dawk rigward it-tipi ta' diplomi u l-esperjenza professjonali meħtieġa. Min ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti tal-eliġibbiltà jiġi eskluż awtomatikament mill-proċedura tal-għażla.

Jekk tixtieq tapplika, trid tirreġistra permezz tal-Internet billi żżur il-websajt: https://ec.europa.eu/dgs/human-resources/seniormanagementvacancies/CV_Encadext u ssegwi l-istruzzjonijiet li hemm dwar id-diversi stadji tal-proċedura.

Hija responsabbiltà tiegħek li r-reġistrazzjoni onlajn titlesta fil-ħin (3). Nirrakkomandaw bil-qawwa li ma tistenniex sal-aħħar ftit jiem biex tapplika, għaliex konġestjoni kbira fuq l-Internet jew xi difett fil-konnessjoni tal-Internet tiegħek jistgħu jwasslu biex ir-reġistrazzjoni onlajn tiġi tterminata qabel ma tkun lestejtha, u b'hekk ikollok tirrepeti l-proċess kollu. Ladarba jiskadi ż-żmien għas-sottomissjoni tar-reġistrazzjonijiet, ma tkunx tista' ddaħħal iżjed dejta. Bħala regola ġenerali, ir-reġistrazzjonijiet bil-posta elettronika normali li jaslu tard ma jiġux aċċettati.

Irid ikollok indirizz tal-posta elettronika validu. Dan l-indirizz jintuża biex tiġi identifikata r-reġistrazzjoni tiegħek kif ukoll biex tkun infurmat bir-riżultat tal-proċedura. Għalhekk, inti se tintalab tinforma lill-Kummissjoni Ewropea f'każ ta' xi bidla fl-indirizz tal-email tiegħek.

Biex l-applikazzjoni tiegħek tkun kompluta, jeħtieġ li ttella' CV fil-format WORD jew PDF u li timla, onlajn, ittra ta' motivazzjoni (massimu ta' 8 000 karattru). Kemm is-CV kif ukoll l-ittra għandhom ikunu bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż.

Meta tlesti r-reġistrazzjoni onlajn tiegħek, inti tirċievi fuq l-iskrin in-numru tar-reġistrazzjoni li għandek tniżżel u tiftakar — dan ikun in-numru ta' referenza tiegħek f'kull kwistjoni li tirrigwarda l-applikazzjoni tiegħek. Meta tirċievi dan in-numru, il-proċess tar-reġistrazzjoni jkun intemm — in-numru huwa l-konferma li aħna nkunu rreġistrajna l-informazzjoni li tkun daħħalt. Jekk ma tirċievi l-ebda numru, l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx ġiet irreġistrata!

Jekk jogħġbok kun af li mhuwiex possibbli li tissorvelja l-progress tal-applikazzjoni tiegħek onlajn. Inti tiġi kkuntattjat/a dwar l-istat tal-applikazzjoni tiegħek direttament mid-DĠ li qiegħed jirrekluta.

Jekk għandek diżabbiltà li ma tippermettilekx tirreġistra onlajn, tista' tibgħat l-applikazzjoni (is-CV u l-ittra ta' motivazzjoni) fuq il-karta permezz ta' posta rreġistrata  (4), b'timbru postali b'data li ma tkunx aktar tard mid-data meta tagħlaq ir-reġistrazzjoni. Kull komunikazzjoni sussegwenti bejnek u bejn il-Kummissjoni tkun bil-posta. F'dan il-każ, mal-applikazzjoni tiegħek għandek tehmeż ċertifikat li jiċċertifika d-diżabbiltà tiegħek, maħruġ minn entità rikonoxxuta. Għandek issemmi wkoll, fuq karta separata, kwalunkwe arranġamenti speċjali li taħseb li jkunu meħtieġa biex jiffaċilitaw l-parteċipazzjoni tiegħek fl-għażla.

Jekk teħtieġ aktar tagħrif u/jew tiltaqa' ma' problemi tekniċi, jekk jogħġbok ibgħat posta elettronika lil HR-A2-MANAGEMENT-ONLINE@ec.europa.eu.

Data tal-għeluq:

Id-data tal-għeluq għar-reġistrazzjoni hija s-17 ta' Ġunju 2011. Ir-reġistrazzjoni onlajn mhux se tkun possibbli wara nofsinhar (12.00) ħin ta' Brussell.


(1)  Fis-CV tagħhom, l-applikanti għandhom jindikaw għall-inqas għal dawn il-5 snin li fihom kisbu l-esperjenza maniġerjali: (1) it-titolu u r-rwol tal-pożizzjonijiet maniġerjali li kienu fihom, (2) in-numru ta' persunal li kienu jmexxu f'dawn il-pożizzjonijiet, (3) id-daqs tal-baġits ġestiti, u (4) in-numru ta' livelli ġerarkiċi 'l fuq u 'l isfel u n-numru ta' persunal fl-istess livell Fil-każ ta' pożizzjoni battala ta' Konsulent Prinċipali il-kandidati għandhom jindikaw l-esperjenza ta' konsulenza f'livell għoli li għandhom.

(2)  Il-bordijiet tal-għażla ser jiżguraw li ma jingħata l-ebda vantaġġ mhux xieraq lill-kelliema nattivi ta' dawn it-tliet lingwi.

(3)  Mhux aktar tard min-nofsinhar (12:00), ħin ta' Brussell, tas-17 ta' Ġunju 2011.

(4)  European Commission, Directorate-General Human Resources and Security, Unit for Executive Staff and CCA Secretariat, COM/2011/10308, SC11 08/030, 1049 Brussels, Belġju.