Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-Kawża C‑381/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Conseil d’État (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Ġunju 2007, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Awwissu 2007, fil-proċedura

Association nationale pour la protection des eaux et rivières – TOS

vs

Ministère de l’Écologie, du Développement et de l’Aménagement durables,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, J.‑C. Bonichot, J. Makarczyk, P. Kūris (Relatur) u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Ġunju 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

– għall-Association nationale pour la protection des eaux et rivières – TOS, minn P. Jeanson, Viċi-President ta’ din l-assoċjazzjoni,

– għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u A.-L. During, bħala aġenti,

– għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

– għall-Gvern Olandiż, minn M. de Grave, bħala aġent,

– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn S. Pardo Quintillán u J.‑B. Laignelot, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/11/KE, tal-15 ta’ Frar 2006, dwar tniġġiż ikkawżat minn ċerti sustanzi perikolużi skarikati fl-ambjent akwatiku tal-Komunità (ĠU L 64, p. 52).

2. Din it-talba ġiet imressqa mill-Conseil d’État fil-kuntest ta’ kawża dwar abbuż ta’ poter mressqa mill-Association nationale pour la protection des eaux et rivières – TOS – għall-annullament, b’mod partikolari, tad-Digriet Nru 2006-881, tas-17 ta’ Lulju 2006, li jemenda d-Digriet Nru 93-743 tad-29 ta’ Marzu 1993 dwar in-nomenklatura tal-operazzjonijiet suġġetti għal awtorizzazzjoni jew dikjarazzjoni skont l-Artikolu 10 tal-Liġi Nru 92-3 tat-3 ta’ Jannar 1992 dwar l-ilma, u d-Digriet Nru 94-354 tad-29 ta’ April 1994 dwar iż-żoni ta’ distribuzzjoni tal-ilmijiet (JORF tat-18 ta’ Lulju 2006, p. 10786, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 2006-881”), kif ukoll id-Digriet Nru 2006-942, tas-27 ta’ Lulju 2006, li jemenda n-nomenklatura tal-installazzjonijiet ikklassifikati (JORF tad-29 ta’ Lulju 2006, p. 11336).

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3. Id-Direttiva 2006/11, li, b’mod konformi mal-Artikolu 1(a), tapplika b’mod partikolari għall-ilma tal-wiċċ ’il ġewwa mill-kosta, jiġifieri, skont l-Artikolu 2(a) tagħha, għal “kull ilma tal-wiċċ ħelu ġieri jew mhux li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew iktar”, tistabbilixxi dan li ġej fis-sitt u t-tmien premessi tagħha:

“(6) Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva ta’ l-ambjent akwatiku tal-Komunità, jeħtieġ li ssir l-ewwel lista, imsejħa l-Lista I, ta’ ċerti sustanzi individwali magħżula prinċipalment fuq il-bażi tat-tossiċità, tal-persistenza u tal-bijoakkumulazzjoni tagħhom, għajr dawk li bijoloġikament ma jagħmlux ħsara jew li jinbidlu malajr f’sustanzi li bijoloġikament ma’ jagħmlux ħsara, u t-tieni lista, imsejħa l-Lista II, li tinkludi sustanzi li għandhom effett ħażin fuq l-ambjent akwatiku, li, madankollu, jista’ jkun limitat għal żona speċifika u li jiddependi fuq il-karatteristiċi ta’ l-ilma li fih jiġu skarikati u l-post fejn dan jinstab. Kull skariku ta’ dawn is-sustanzi għandu jkun bla ħsara għal kull awtorizzazzjoni minn qabel li tispeċifika l-livelli ta’ emissjoni.

(7) It-tniġġiż permezz ta’ l-iskariku tad-diversi sustanzi perikolużi fil-Lista I irid jiġi eliminat […]

(8) Jeħtieġ li jitnaqqas it-tniġġiż ta’ l-ilma kawżat mis-sustanzi fil-Lista II. Għal dan il-għan l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu programmi li jinkorporaw standards ta’ kwalità ambjentali ta’ l-ilma stabbiliti b’konformità mad-Direttivi tal-Kunsill fejn dawn jeżistu. L-istandards għall-emissjonijiet applikabbli għal dawn is-sustanzi għandhom jiġu kalkolati skont dawn l-istandards ta’ kwalità ambjentali.”

4. L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2006/11 jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa sabiex jeliminaw it-tniġġiż ta’ l-ilmijiet imsemmija fl-Artikolu 1 mis-sustanzi perikolużi fil-familji u l-gruppi tas-sustanzi fil-Lista I ta’ l-Anness I, minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘sustanzi tal-Lista I’, u sabiex inaqqsu t-tniġġiż ta’ l-ilmijiet imsemmija mis-sustanzi perikolużi fil-familji u l-gruppi tas-sustanzi tal-Lista II fl-Anness I, minn hawn ’il quddiem imsejħa “sustanzi tal-Lista II”, b’mod konformi ma’ din id-Direttiva.”

5. Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/11, li l-kliem tiegħu huwa identiku għal dak tal-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 76/464/KEE, tal-4 ta’ Mejju 1976, dwar it-tniġġiż ikkawżat minn ċerti sustanzi perikolużi skarikati fl-ambjent akwatiku tal-Komunità (ĠU L 129, p. 23), kif emendat bid-Direttiva 2006/11:

“1. Sabiex jitnaqqas it-tniġġiż ta’ l-ilmijiet imsemmija fl-Artikolu 1 mis-sustanzi tal-Lista II, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu programmi li fl-implementazzjoni tagħhom għandhom japplikaw b’mod partikolari l-metodi msemmija fil-paragrafi 2 u 3.

2. L-iskariki kollha fl-ilmijiet msemmija fl-Artikolu 1 li jistgħu’ ikunu fihom kwalunkwe mis-sustanzi tal-Lista II għandhom jeħtieġu l-awtorizzazjoni minn qabel ta’ l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru interessat, li fiha għandhom jiġu stabbiliti l-istandards ta’ emissjoni. Dawn l-istandards għandhom ikunu bbażati fuq l-istandards ta’ kwalità ambjentali stabbiliti skond il-paragrafu 3.

3. Il-programmi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-istandards ta’ kwalità ambjentali għall-ilma: dawn għandhom jiġu stabbiliti b’mod konformi mad-Direttivi tal-Kunsill, fejn dawn ikunu jeżistu.

[…]”

6. Il-Lista II tal-familji u l-gruppi tas-sustanzi fl-Anness I tad-Direttiva 2006/11, li jsir riferiment għaliha fl-Artikoli 3 u 6 ta’ din tal-aħħar, fil-punt 8 tagħha ssemmi s-sustanzi li għandhom effett negattiv fuq l-bilanċ tal-ossiġinu, b’mod partikolari l-ammonja u n-nitriti.

7. Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2000, li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, p. 1, iktar ’il quddiem id-“direttiva qafas tal-ilma”), li tippreċedi d-Direttiva 2006/11, iżda li d-dispożizzjonijiet tagħha ser jissostitwixxu dawk ta’ din tal-aħħar mit-22 ta’ Diċembru 2013, skont l-Artikolu 22(2) tad-direttiva qafas tal-ilma, tistabbilixxi dan li ġej fl-Artikolu 11 tagħha:

“Kull Stat Membru jrid jiżgura li jkun stabbilit għal kull distrett tal-baċin tax-xmara, jew għall-parti ta’ distrett internazzjonali tal-baċin tax-xmara fi ħdan it-territorju tiegħu, programm ta’ miżuri, b’konsiderazzjoni tar-riżultati ta’ l-analiżi meħtieġa taħt l-Artikolu 5, sabiex jinkisbu l-għanijiet imwaqqfa taħt l-Artikolu 4. […]

2. Kull programm ta’ miżuri jrid jinkludi l-miżuri ‛bażiċi’ speċifikati f’paragrafu 3 u, fejn meħtieġ, miżuri ‛supplimentari’.

3. ‛Miżuri bażiċi’ huma l-ħtiġiet minimi li jridu jiġu mħarsa u jikkonsistu f’:

[…]

g) għal ħruġ ta’ punt ta’ sors li possibilment jikkawżaw tniġġiż, ħtieġa għal regolar minn qabel, bħal projbizzjoni fuq dħul ta’ kontaminanti fl-ilma, jew għal awtorizzazzjoni minn qabel, jew reġistrazzjoni bbażata fuq regolamenti ġenerali li jorbtu, jistabbilixxu kontrolli ta’ emissjoni għal kontaminanti konċernati, inklużi kontrolli skond l-Artikoli 10 u 16. [...]

[…]”

8. L-Artikolu 22(3)(b) tad-direttiva qafas tal-ilma fih id-dispożizzjoni tranżitorja li ġejja:

“għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 7 ta’ Direttiva 76/464/KEE, Stati Membri jistgħu japplikaw il-prinċipji għall-identifikazzjoni ta’ problemi ta’ tniġġiż u s-sustanzi li jikkawżawhom, it-twaqqif ta’ standards ta’ kwalità, u l-adozzjoni ta’ miżuri, imniżżla f’din id-Direttiva.”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

9. Taħt it-titolu “Ilma u ambjenti akwatiċi”, id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Ambjent li jirrigwardaw l-awtorizzazzjoni jew id-dikjarazzjoni tal-installazzjonijiet, l-istrutturi, ix-xogħlijiet u l-attivitajiet għandhom l-għan, skont l-Artikolu L. 211-1 ta’ dan il-kodiċi, li jippermettu l-ġestjoni bbilanċjata u fit-tul tar-riżors tal-ilma sabiex tiġi ggarantita, fost l-oħrajn, il-protezzjoni tal-ilmijiet u l-ġlieda kontra kull tniġġis. L-Artikolu L. 211-2 tal-Kodiċi tal-Ambjent jipprovdi, b’mod partikolari, li r-regoli ġenerali tal-preżervazzjoni tal-kwalità u tad-distribuzzjoni tal-ilma tal-wiċċ huma ddeterminati permezz ta’ digriet tal-Conseil d’État. Skont dan l-artikolu, dawn ir-regoli ġenerali jistabbilixxu, b’mod partikolari, l-istandards ta’ kwalità u l-miżuri neċessarji għar-restawrazzjoni u l-preżervazzjoni ta’ din il-kwalità, il-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jiġu pprojbiti jew irregolati l-iskariki minħabba t-tixrid, it-tifwir, l-iskariki, id-depożiti diretti jew indiretti ta’ materjali u, b’mod iktar ġenerali, kull fatt li jista’ jibdel il-kwalità tal-ilmijiet u tal-ambjent akwatiku, bħall-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jiġu imposti l-miżuri neċessarji sabiex tiġi ppreżervata din il-kwalità. Barra minn dawn ir-regoli ġenerali, id-digriet tal-Conseil d’État jistabbilixxi wkoll regoli nazzjonali jew partikolari għal ċerti partijiet tat-territorju, skont l-Artikolu L. 211-3 ta’ dan l-istess kodiċi.

10. L-Artikolu L. 214-1 tal-Kodiċi tal-Ambjent jipprovdi:

“L-installazzjonijiet li ma jissemmewx fin-nomenklatura tal-installazzjonijiet ikklassifikati, l-istrutturi, ix-xogħlijiet u l-attivitajiet magħmula għall-finijiet mhux domestiċi minn kull persuna fiżika jew ġuridika, pubblika jew privata, u li jinvolvu […] l-iskariki minħabba t-tixrid, it-tifwir, l-iskariki jew id-depożiti diretti jew indiretti, kontinwi jew okkażjonali, anki dawk li ma jniġġżux, huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli L. 214-2 sa L. 214-6.”

11. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu L. 214-2 tal-Kodiċi tal-Ambjent:

“L-installazzjonijiet, l-istrutturi, ix-xogħlijiet u l-attivitajiet ipprovduti fl-Artikolu L. 214‑1 huma ddefiniti f’nomenklatura, stabbilita minn digriet tal-Conseil d’État fuq parir tal-Comité national de l’eau, u suġġetta għall-awtorizzazzjoni jew id-dikjarazzjoni skont il-perikli li jippreżentaw u l-gravità tal-effetti tagħhom fuq ir-riżors tal-ilma u l-ekosistemi akwatiċi kif jirriżulta b’mod partikolari mill-eżistenza taż-żoni u perimitri stabbiliti għall-protezzjoni tal-ilma u tal-ambjenti akwatiċi.”

12. L-Artikolu L. 214-3 tal-Kodiċi tal-Ambjent jipprovdi li:

“I. L-installazzjonijiet, l-istrutturi, ix-xogħlijiet u l-attivitajiet li jistgħu jkunu ta’ periklu għas-saħħa u għas-sigurtà pubblika, li jikkawżaw ħsara għaċ-ċirkulazzjoni ħielsa tal-ilmijiet, li jnaqqsu r-riżors tal-ilma, li jżidu b’mod kunsiderevoli r-riskju ta’ għargħar, li jikkawżaw ħsara gravi lill-kwalità jew lid-diversità tal-ambjent akwatiku, b’mod partikolari għar-riproduzzjoni tal-ħut, huma suġġetti għal awtorizzazzjoni mill-awtorità amministrativa.

[…]

II. L-installazzjonijiet, l-istrutturi, ix-xogħlijiet u l-attivitajiet li, għalkemm ma jippreżentawx perikli bħal dawn għandhom jirrispettaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli L. 211-2 u L. 211-3, huma suġġetti għal dikjarazzjoni.

F’terminu stabbilit permezz ta’ digriet tal-Conseil d’État, l-awtorità amministrattiva tista’ topponi l-operazzjoni ppjanata jekk jidher li hija inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-iskema bażika tar-regolarizzazzjoni u tal-ġestjoni tal-ilmijiet jew tal-iskema tar-regolarizzazzjoni u tal-ġestjoni tal-ilmijiet, jew jikkawża dannu għall-interessi msemmija fl-Artikolu L. 211-1 li jkun tant gravi li ebda regola ma tkun tista’ tirrimedjah. Ix-xogħlijiet ma jistgħux jibdew qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu.

Jekk l-osservanza tal-interessi msemmija fl-Artikolu L. 211-1 ma tkunx iggarantita permezz tal-eżekuzzjoni tar-regoli stabbiliti skont l-Artikoli L. 211-2 u L. 211-3, l-awtorità amministrattiva tista’, fi kwalunkwe mument, timponi l-kundizzjonijiet speċifiċi neċessarji permezz ta’ deċiżjoni.

[...]”

13. L-Artikoli R. 214-32 sa R. 214-40 tal-Kodiċi tal-Ambjent fihom id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-operazzjonijiet li huma suġġetti għal dikjarazzjoni. Id-dikjarazzjoni għandha tkun indirizzata, skont l-ewwel minn dawn l-artikoli, lill-prefett tad-dipartiment jew tad-dipartimenti kkonċernati, li, fil-ħmistax-il ġurnata wara li jirċievi d-dikjarazzjoni għandu, skont l-Artikolu R. 214-33 ta’ dan il-kodiċi, meta d-dikjarazzjoni tkun inkompluta, jibgħat lid-dikjarant konferma li jkun irċieva d-dikjarazzjoni u jindika d-dokumenti jew l-informazzjoni nieqsa, jew, meta d-dikjarazzjoni tkun kompluta, għandu jibgħatlu rċevuta tad-dikjarazzjoni li fiha jindika d-data meta, fin-nuqqas ta’ oppożizzjoni, l-operazzjoni ppjanata tista’ tinbeda, jew in-nuqqas ta’ oppożizzjoni li tippermetti li din l-operazzjoni tinbeda minnufih. L-istess dispożizzjoni tipprovdi li din l-irċevuta għandha tkun akkumpanjata, jekk meħtieġ, minn kopja tar-regoli ġenerali applikabbli. It-terminu mogħti lill-prefett sabiex ikun jista’ jopponi operazzjoni li teħtieġ dikjarazzjoni huwa stabbilit mill-Artikolu R. 214-35 tal-imsemmi kodiċi għal xahrejn minn meta tiġi rċevuta dikjarazzjoni kompluta.

14. L-installazzjonijiet, l-istrutturi, ix-xogħlijiet jew l-attivitajiet ikkonċernati għandhom, skont l-Artikolu R. 214-38 tal-Kodiċi tal-Ambjent, ikunu stabbiliti, imwettqa u operati skont il-fajl ta’ dikjarazzjoni u, jekk meħtieġ, skont ir-regoli partikolari msemmija fl-Artikoli R. 214-35 u R. 214-39 ta’ dan il-kodiċi. Dan l-artikolu tal-aħħar jipprovdi li l-emenda tar-regoli applikabbli għal installazzjoni tista’ tintalab mid-dikjarant lill-prefett li jiddeċiedi permezz ta’ digriet u din tista’ tiġi imposta wkoll mill-prefett fuq il-bażi tal-tielet subparagrafu tal-paragrafu II tal-Artikolu L. 214-33 ta’ dan il-kodiċi. Barra minn hekk, l-Artikolu R. 214-40 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi li kull emenda magħmula mid-dikjarant għall-proġett hekk kif iddikjarat u ta’ natura li twassal għal tibdil kunsiderevoli fl-elementi tal-fajl ta’ dikjarazzjoni inizjali għandha tiġi kkomunikata lill-prefett qabel ma titwettaq, li jista’ jeżiġi dikjarazzjoni ġdida, li tkun suġġetta għall-istess formalitajiet bħad-dikjarazzjoni inizjali.

15. Id-Digriet Nru 2006-881, li qed jintalab l-annullament tiegħu fil-kawża prinċipali, biddel in-nomenklatura pprovduta fl-Artikolu L. 214‑2(1) tal-Kodiċi tal-Ambjent, li tinsab fl-anness tal-Artikolu R. 214-1 ta’ dan il-kodiċi taħt it-titolu “Nomenklatura ta’ operazzjonijiet li jeħtieġu awtorizzazzjoni jew dikjarazzjoni skont l-Artikoli L. 214‑1 sa L. 214‑3 tal-Kodiċi tal-Ambjent”. Skont it-taqsima 3.2.7.0 ta’ din in-nomenklatura, kif emendata, it-trobbija tal-ħut tal-ilma ħelu (iktar ’il quddiem it-“trobbija tal-ħut”) taqa’, għas-sigurtà tal-ilma, taħt il-proċedura tad-dikjarazzjoni, filwaqt li qabel kienet suġġetta għal awtorizzazzjoni jew dikjarazzjoni skont jekk kienx ikun meħtieġ studju jew dikjarazzjoni ta’ impatt.

16. Barra minn hekk, skont l-Artikolu L. 511-1 tal-Kodiċi tal-Ambjent, l-installazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal perikli jew inkonvenjenti b’mod partikolari għas-saħħa, għas-sigurtà u għas-saħħa pubblika, għall-agrikoltura kif ukoll għall-ħarsien tan-natura u tal-ambjent, jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kodiċi li jirrigwardaw l-installazzjonijiet ikklassifikati għall-protezzjoni tal-ambjent. Dawn l-installazzjonijiet huma, skont l-Artikolu L. 511-2 ta’ dan l-istess kodiċi, definiti fin-nomenklatura tal-installazzjonijiet ikklassifikati li jeħtieġu awtorizzazzjoni tal-prefett jew dikjarazzjoni skont il-gravità tal-perikli jew tal-inkonvenjenti li jista’ jikkawża l-operat tagħhom.

17. Id-Digriet Nru 2006-942, li l-annullament tiegħu huwa wkoll mitlub fil-kawża prinċipali, emenda din in-nomenklatura. Minn dan jirriżulta li t-trobbija tal-ħut teħtieġ awtorizzazzjoni biss, għas-sigurtà tal-istabbilimenti kklassifikati għall-protezzjoni tal-ambjent, meta l-produzzjoni annwali tagħhom tkun iktar minn 20 t.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

18. L-Association nationale pour la protection des eaux et rivières – TOS tgħid, insostenn tar-rikors tagħha għall-annullament tad-Digrieti Nri 2006-881 u 2006-942 quddiem il-Conseil d’État, li dawn tal-aħħar japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/11 b’mod żbaljat.

19. Wara li sostniet li l-iskariki mit-trobbija tal-ħut li fihom l-ammonja u n-nitriti, sustanzi li jaqgħu fil-Lista II, u li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/11 jissuġġetta l-iskariki li jista’ jkun fihom sustanzi bħal dawn għal awtorizzazzjoni minn qabel li tistabbilixxi l-livelli ta’ emissjoni, fid-deċiżjoni tagħha l-qorti tar-rinviju tikkonstata li, bl-eċċezzjoni ta’ dawk fosthom b’kapaċità ta’ produzzjoni annwali ta’ iktar minn 20 t, li huma suġġetti għal awtorizzazzjoni skont il-leġiżlazzjoni dwar l-installazzjonijiet ikklassifikati għall-protezzjoni tal-ambjent, it-trobbija tal-ħut fiha nnifisha, ma taqax taħt is-sistema ta’ dikjarazzjoni.

20. Madankollu, il-qorti tar-rinviju ssostni li din is-sistema hija bbażata, fid-dawl tal-fatt li huwa magħruf li l-installazzjonijiet għat-trobbija tal-ħut għandhom livell baxx ta’ tniġġis, fuq għan ta’ simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi u tal-aħjar allokazzjoni tal-mezzi ta’ kontroll. Hija ssosnti li l-prefett għandu, fil-kuntest ta’ din is-sistema, dritt ta’ oppożizzjoni għax-xogħlijiet, li ma jistgħux jinbdew sakemm ma jkunx skada terminu ta’ xahrejn, u jista’ jissuġġetta n-non-oppożizzjoni tiegħu għal-ħtiġijiet tekniċi li jippermettu l-protezzjoni tal-interessi msemmija fl-Artikolu L. 211-1 tal-Kodiċi tal-Ambjent, b’mod partikolari, billi jiġu stabbiliti limiti ta’ emissjoni tal-prodotti li jniġġżu. Hija tikkunsidra li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/11 jistax jiġi interpretat bħala li jippermetti lill-Istati Membri li jistabbilixxu sistema bħal din tqajjem diffikultà serja.

21. B’hekk, il-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi d-deċiżjoni tiegħu dwar it-talbiet fir-rikors għall-annullament tad-Digriet Nru 2006-881, sa fejn dan jissuġġetta t-trobbija tal-ħut għal sistema ta’ dikjarazzjoni għas-sigurtà tal-ilma, kif ukoll dwar ir-rikors għall-annullament tad-Digriet Nru 2006/942 u li jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/11/KE […] jista’ jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri, ladarba jiġu adottati, skont dan l-artikolu, programmi għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-ilmijiet li jinkludu standards ta’ kwalità ambjentali, li jistabbilixxu, għal ċerti installazzjonijiet li huma meqjusa li għandhom livell baxx ta’ tniġġis, sistema ta’ dikjarazzjoni b’referenza għal dawn l-istandards, u dritt, għall-awtorità amministrattiva kompetenti, li topponi l-ftuħ tal-impjant jew li timponi limiti ta’ skariku għall-installazzjoni kkonċernata?”

Fuq id-domanda preliminari

22. Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu jingħad fl-ewwel lok li d-Direttiva 2006/11 ma tissuġġettax il-ftuħ tal-impjanti li jistgħu jitfgħu sustanzi perikolużi fl-ambjent akwatiku għal sistema partikolari ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ dikjarazzjoni, skont il-karatteristiċi tal-imsemmija impjanti. Għall-kuntrarju, hija intiża, kif jirriżulta b’mod partikolari mis-sitt sat-tmien premessa tagħha kif ukoll mill-Artikolu 3 tagħha, li telimina t-tniġġis tal-ilmijiet li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha permezz tas-sustanzi li jaqgħu fil-Lista I u li tnaqqas it-tniġġis ta’ dan l-ilmijiet ikkawżat mis-sustanzi li jaqgħu fil-Lista II, bħall-ammonja u n-nitriti. Id-Direttiva 2006/11 b’hekk m’għandhiex l-għan li tobbliga lill-Istati Membri li jadottaw miżuri applikabbli speċifikament għal ċerti impjanti jew installazzjonijiet fihom infushom, iżda timponilhom l-obbligu li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiġi eliminat jew imnaqqas it-tniġġis tal-ilmijiet ikkawżat minn skariki li jista’ jkun fihom sustanzi perikolużi, skont in-natura ta’ dawn tal-aħħar.

23. B’hekk, sabiex jitnaqqas it-tniġġis tal-ilmijiet ikkawżat mis-sustanzi tal-Lista II, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/11 jipprovdi, b’mod partikolari, li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu programmi li jinkludu standards ta’ kwalità ambjentali għall-ilmijiet: dawn għandhom jiġu stabbiliti b’mod konformi mad-Direttivi tal-Kunsill, fejn dawn ikunu jeżistu. Għall-implementazzjoni ta’ dawn il-programmi, l-imsemmi Artikolu 6 jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li l-iskariki kollha fl-ilmijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva u li jista’ jkun fihom kwalunkwe mis-sustanzi tal-Lista II huma suġġetti għal awtorizzazjoni minn qabel tal-awtorità kompetenti fl-Istat Membru kkonċernat, u li tistabbilixxi l-istandards ta’ emissjoni, ibbażati fuq l-istandards ta’ kwalità ambjentali.

24. Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva 2006/11 ma tipprovdi l-ebda eċċezzjoni għar-regola li tinsab fl-Artikolu 6(2). B’hekk, għar-raġunijiet spjegati fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, din id-dispożizzjoni ma tagħmilx distinzjoni skont il-karatteristiċi tal-installazzjonijiet li minnhom joħorġu l-iskariki u, b’mod partikolari, skont jekk dawn l-installazzjonijiet humiex meqjusa bħala li jniġġżu ħafna jew ftit. Hija lanqas tagħmel distinzjoni skont l-importanza tal-iskariki. Konsegwentement, sistema ta’ dikjarazzjoni bħal dik deskritta fid-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tista’ tkun ikkunsidrata biss bħala permessa mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/11 jekk timponi fuq l-awtorità amministrattiva kompetenti obbligu li tadotta, fil-każijiet kollha ta’ skariku, deċiżjoni li tista’ tkun ikkunsidrata bħala awtorizzazzjoni minn qabel skont dan l-artikolu.

25. Madankollu, minbarra li hija għandha ssir qabel kull skariku li jista’ jkun fih waħda mis-sustanzi li jaqgħu fil-Lista II, l-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2006/11 għandha tistabbilixxi l-livelli ta’ emissjoni, li huma kkalkolati skont standards ta’ kwalità ambjentali stabbiliti fi programm imwaqqaf mill-Istat Membru skont il-paragrafi 1 u 3 ta’ dan l-artikolu. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li mill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 76/464, li l-kliem tiegħu huwa identiku għal dak tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2006/11, jirriżulta li l-awtorizzazzjonijiet għandhom jinkludu livelli ta’ emissjoni applikabbli għall-iskariki individwali awtorizzati u kkalkolati skont għanijiet ta’ kwalità stabbiliti minn qabel fi programm imfassal skont il-paragrafu 1 tal-imsemmi Artikolu 7, intiż biex jipproteġi l-meded tal-ilmijiet u l-kanali tal-ilma inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑282/02, Ġabra p. I‑4653, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll, fir-rigward ta’ dan l-istess Artikolu 7(2), li huwa skont l-għanijiet ta’ kwalità stabbiliti fi programm bħal dan, fuq il-bażi tal-eżami tal-ilmijiet reċipjenti, li għandhom jiġu kkalkolati l-livelli ta’ emissjoni stabbiliti fl-awtorizzazzjonijiet minn qabel (ara s-sentenza tal-25 ta’ Mejju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑384/97, Ġabra p. I‑3823, punt 41).

26. B’hekk jirriżulta li awtorizzazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2006/11 timplika eżami każ b’każ tat-talbiet kollha mressqa għal dan il-għan u ma tistax tkun taċita (ara, fir-rigward tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 76/464, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2001, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑230/00, Ġabra p. I‑4591, punt 16).

27. Fil-fatt, minn naħa, eżami minn qabel u speċifiku ta’ kull skariku ppjanat li jista’ jkun fih sustanzi li jaqgħu fil-Lista II huwa neċessarju għall-implementazzjoni tal-programmi għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-ilmijiet adottati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/11, li jipprovdi li l-fatt li kull skariku ta’ dan it-tip ikun suġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel jikkostitwixxi wieħed mill-mezzi ta’ implementazzjoni ta’ dawn il-programmi. Eżami bħal dan huwa wkoll neċessarju sabiex jiġu stabbiliti f’kull każ ta’ skariku awtorizzat il-livelli ta’ emissjoni stabbiliti skont l-istandards ta’ kwalità ambjentali inklużi f’dawn il-programmi u li għandhom l-għan li jnaqqsu l-iskariki li jkun fihom sustanza waħda jew iktar li jaqgħu fil-Lista II. Barra minn hekk, dan l-eżami jeħtieġ evalwazzjoni tas-sitwazzjoni fattwali tal-ilmijiet reċipjenti li għandha tiġi kkunsidrata sabiex jiġu stabbiliti l-livelli ta’ emissjoni. Min-naħa l-oħra, awtorizzazzjoni taċita ma tkunx kompatibbli mal-ħtieġa li, fl-awtorizzazzjoni minn qabel, jiġu stabbiliti l-livelli ta’ emissjoni skont il-metodi deskritti iktar ’il fuq.

28. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, sistema ta’ dikjarazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, akkumpanjata minn referenza għal standards ta’ kwalità ambjentali inklużi fil-programmi għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-ilmijiet u ta’ dritt għall-awtorità amministrattiva li topponi l-ftuħ ta’ impjant jew li timponi limiti ta’ skariku għall-installazzjoni kkonċernata, ma tistax tissodisfa l-imsemmija ħtiġijiet tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/11, peress li ma tiggarantixxix li l-iskariki kollha li jista’ jkun fihom sustanza li taqa’ fil-Lista II jagħtu lok preliminarjament għal eżami speċifiku li jwassal għall-istabbiliment ta’ livelli ta’ emissjoni li huwa adatt għalihom, stabbilit skont l-istandards ta’ kwalità ambjentali applikabbli u tal-istat attwali ta’ dawn l-ilmijiet reċipjenti. B’hekk, sistema bħal din mhijiex obbligatorja għall-awtorità amministrattiva kompeteni li tadotta deċiżjoni li tista’ tiġi meqjusa bħala awtorizzazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2006/11.

29. Barra minn hekk, la l-eżistenza tar-regoli ġenerali ta’ preżervazzjoni tal-kwalità tal-ilmijiet tal-wiċċ kif ukoll ir-regoli nazzjonali jew il-kundizzjonijiet partikolari għal ċerti partijiet tat-territorju, kif ipprovduti fl-Artikoli L. 211-2 u L. 211-3 tal-Kodiċi tal-Ambjent u bħar-regoli applikabbli għat-trobbija tal-ħut stabbiliti permezz ta’ digriet adottata skont l-istruzzjonijiet mogħtija fis-seduta, fl-1 ta’ April 2008, akkumpanjat ukoll minn sanzjonijiet, u lanqas il-komunikazzjoni lid-dikjarant ta’ kopja tal-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli, bħal dik meħtieġa mill-Artikolu R. 214-33 tal-istess kodiċi, ma jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ stabbiliment ta’ livelli ta’ emissjoni applikabbli għal skariki individwali, iddeterminati skont standards ta’ kwalità ambjentali stabbiliti u tal-istat fattwali tal-ilmijiet reċipjenti.

30. Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Franċiż, sistema ta’ dikjarazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma fihiex dispożizzjonijiet li fil-prattika jistgħu jiġu mqabbla ma’ sistema ta’ awtorizzazzjoni ssimplifikata li tissostitwixxi ħtiġijiet stabbiliti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/11.

31. Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jirriżulta li kuntrarjament għal dak li sostnew il-Gvern Franċiż, Taljan u dak Olandiż fl-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub jew orali, sistema ta’ dikjarazzjoni li fiha dritt ta’ oppożizzjoni, anki jekk tkun ibbażata fuq għan ta’ simplifikazzjoni ta’ proċeduri amministrattivi u tal-aħjar allokazzjoni tal-mezzi ta’ kontroll, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala ekwivalenti għas-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel stabbilita fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/11.

32. Din il-konklużjoni ma tistax tiġi mminata mill-argument imressaq mill-Gvern Olandiż fis-seduta, u sostnut ukoll mill-Gvern Franċiż, ibbażat fuq id-direttiva qafas tal-ilma.

33. Ċertament, l-Istati Membri jistgħu minn issa ’l quddiem, skont id-dispożizzjoni tranżitorja msemmija fl-Artikolu 22(3)(b) tad-direttiva qafas tal-ilma, japplikaw, għall-finijiet tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/11, “il-prinċipji għall-identifikazzjoni ta’ problemi ta’ tniġġis u s-sustanzi li jikkawżawhom, it-twaqqif ta’ standards ta’ kwalità, u l-adozzjoni ta’ miżuri, imniżżla fid-[direttiva qafas tal-ilma]”. B’mod partikolari, hekk kif il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fakkret fis-seduta, l-Artikolu 11(3)(g) tad-direttiva qafas tal-ilma jippermetti, għall-iskariki regolari li jistgħu jikkawżaw tniġġis, l-adozzjoni, b’mod partikolari, ta’ sistema ta’ reġistrazzjoni u b’hekk ma jimponix neċessarjament sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel.

34. Madankollu, din is-sistema ta’ reġistrazzjoni ma toriġinax biss, anki b’mod tranżitorju, mil-kuntest tal-implementazzjoni tad-direttiva qafas tal-ilma. L-imsemmija sistema ta’ reġistrazzjoni ma tistax tiġi applikata b’mod indipendenti minn miżuri oħra previsti minn din id-direttiva – li l-eżistenza tagħhom fil-kuntest tal-kawża prinċipali ma tirriżultax la mid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern Franċiż – u tissopponi, b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-Artikolu 11 ta’ din l-istess direttiva, l-identifikazzjoni minn qabel tad-distretti idrografiċi, it-twettiq għal kull wieħed minnhom ta’ analiżi kif ukoll l-elaborazzjoni ta’ programm ta’ miżuri li jieħdu inkunsiderazzjoni r-riżultati ta’ dawn l-analiżi, bħad-definizzjoni tal-kontrolli tal-emissjoni għat-tniġġis ikkonċernat.

35. Konsegwentement, minn dak kollu li ngħad iktar ’il fuq jirriżulta li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/11 ma jistax jiġi interpretat bħala li jippermetti lill-Istati Membri, ladarba jiġu adottati, skont dan l-artikolu, programmi għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-ilmijiet li jinkludu standards ta’ kwalità ambjentali, li jistabbilixxu, għal ċerti installazzjonijiet meqjusa li għandhom livell baxx ta’ tniġġis, sistema ta’ dikjarazzjoni b’referenza għal dawn l-istandards u dritt, għall-awtorità amministrattiva, li topponi l-ftuħ tal-impjant jew li timponi limiti ta’ skariku għall-installazzjoni kkonċernata.

Fuq l-ispejjeż

36. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

L-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/11/KE, tal-15 ta’ Frar 2006, dwar tniġġiż ikkawżat minn ċerti sustanzi perikolużi skarikati fl-ambjent akwatiku tal-Komunità, ma jistax jiġi interpretat bħala li jippermetti lill-Istati Membri, ladarba jiġu adottati, skont dan l-artikolu, programmi għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-ilmijiet li jinkludu standards ta’ kwalità ambjentali, li jistabbilixxu, għal ċerti installazzjonijiet meqjusa li għandhom livell baxx ta’ tniġġis, sistema ta’ dikjarazzjoni b’referenza għal dawn l-istandards, u dritt, għall-awtorità amministrattiva, li topponi l-ftuħ tal-impjant jew li timponi limiti ta’ skariku għall-installazzjoni kkonċernata.