23.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 45/71


Il-protezzjoni legali tal-adulti: implikazzjoniiet transkonfinali

P6_TA(2008)0638

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2008 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-protezzjoni legali tal-adulti: implikazzjoniiet transkonfinali (2008/2123(INI))

(2010/C 45 E/13)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 192, it-tieni paragrafu tat-Trattat tal-KE,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Aja tat-13 ta' Jannar 2000 dwar il-protezzjoni internazzjonali tal-adulti,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità tan-Nazzjonijiet Uniti tat-13 ta' Diċembru 2006,

wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill rigward il-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilitajiet (COM(2008)0530),

wara li kkunsidra l-Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni għall-Kunsill u l-Parlament Ewropew tal-10 ta' Mejju 2005 bl-isem “Il-Programm tal-Aja: Għaxar prijoritajiet għall-ħames snin li ġejjin. Sħubija Ewropea għat-tiġdid Ewropew fil-qasam tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja” (COM(2005)0184),

wara li kkunsidra l-Artikoli 39 u 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni (A6-0460/2008),

A.

billi fil-qafas tal-Komunikazzjoni diġà msemmija dwar il-Programm tal-Aja, il-Kummissjoni għażlet bħala waħda mill-prijoritajiet tagħha, il-ħtieġa li jkun hemm garanzija ta' spażju reali Ewropew fil-qafas tal-ġustizzja ċivili, u b'mod partikulari f'dak li jikkonċerna r-rikonoxximent u t-twettiq tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji,

B.

billi diġà sar xogħol u saru konsultazzjonijiet f'dan il-kuntest dwar deċiżjonijiet rigward il-patrimonju familjari u s-suċċessjoni jew testamenti, bl-iskop li jiġu ppreparati proposti leġiżlattivi ġodda;

C.

billi jeħtieġ li tingħata għajnuna għar-rikonoxximent u l-infurzar ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji jew amministrattivi li ttieħdu rigward persuni suġġetti għal miżuri ta' protezzjoni;

D.

billi trid titqies l-attenzjoni li trid tingħata għaċ-ċirkustanzi delikati u vulnerabbli ta' persuni li huma suġġetti għal miżuri ta' protezzjoni, kif ukoll il-ħtieġa tal-ħeffa li trid tingħata għat-trattament ta' talbiet ta' koperazzjoni, informazzjoni jew rikonoxximent u nfurzar,

E.

billi l-iżvilupp tas-sitwazzjonijiet jew l-implimentazzjoni ta' protezzjoni ġudizzjarja tikkonċerna żewġ Stati Membri jew aktar,

F.

billi żviluppaw ruħhom sitwazzjonijiet li fihom każijiet li jinvolvu protezzjoni legali jikkonċernaw żewġ Stati Membri jew aktar u jikkonċernaw Stati Membri u Stati li mhumiex membri tal-UE, b'mod partikulari minħabba flussi ta' migrazzjoni tradizzjonali (eks kolonji, l-Istati Uniti u l-Kanada),

G.

billi tfaċċaw problemi minħabba ż-żieda fil-movimenti bejn l-Istati Membri fejn hemm ħruġ nett ta' persuni rtirati, li jinkludi adulti vulnerabbli, u dawk l-Istati Membri fejn għandhom dħul nett ta' individwi rtirati,

H.

billi l-bżonn għall-protezzjoni legali għal adulti vulnerabbli u l-prinċipji li jirregolawha qablu fuqhom l-Istati Membri tal-UE fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa Nru R (99) 4 tal-Kumitat tal-Ministri għall-Istati Membri dwar il-prinċipji li jikkonċernaw il-protezzjoni legali ta' adulti inkapaċi, adottata fit-23 ta' Frar 1999,

I.

billi l-protezzjoni legali ta' adulti vulnerabbli għandha tkun il-pilastru tad-dritt għall-moviment ħieles tal-persuni,

J.

billi trid titqies id-differenza li teżisti fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tal-miżuri ta' protezzjoni;

K.

billi jeħtieġ li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilitajiet,

L.

billi d-dispożizzjoniiet tal-Konvenzjoni tal-Aja jistgħu jkollhom jgħinu jintlaħaq il-għan li jinħoloq l-ispazju ta' ġustizzja, libertà u sigurtà billi jiffaċilitaw ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' deċiżjonijiet li jiddikjaraw miżura ta' protezzjoni, id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli u l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali,

M.

billi jkun xieraq li jiġu implimentati miżuri speċifiċi u xierqa ta' koperazzjoni bejn l-Istati Membri li jkunu jistgħu jispiraw ruħhom mill-mekkaniżmi ta' din il-konvenżjoni,

N.

billi formoli uniċi tal-Komunità jistgħu jiġu implimentati sabiex jippromwovu l-informazzjoni dwar deċiżjonijiet ta' protezzjoni kif ukoll dwar iċ-ċirkulazzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' dawn id-deċiżjonijiet,

O.

billi tkun tista' tinħoloq formola unika fil-livell tal-Unjoni Ewropea għal każijiet ta' mandati ta' inkapaċità sabiex tiggarantixxu l-effettività tagħhom fl-Istati Membri kollha,

P.

billi jistgħu jiġu introdotti mekkaniżmi għar-rikonoxximent faċli, ir-reġistrazzjoni u l-użu ta' prokuri dewwiema fi ħdan l-Unjoni Ewropea,

1.   Jilqa' b'sodisfazzjoni l-impenn tal-Presidenza Franċiża għas-sitwazzjoni tal-adulti vulnerabbli u tal-protezzjoni transkonfinali legali tagħhom; jifraħ lil dawk l-Istati Membri li ffirmaw u rratifikaw il-Konvenzjoni tal-Aja u jħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma ffirmawhiex jew ma rratifikawhiex, sabiex jagħmlu hekk;

2.   Jitlob lill-Kummissjoni, hekk kif tinkiseb esperjenza biżżejjed dwar l-operat tal-Konvenzjoni tal-Aja, sabiex tippreżenta lill-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 65 tat-Trattat KE, proposta leġiżlattiva li jkollha l-iskop li ssaħħaħ il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri u biex ittejjeb ir-rikonoxximent reċiproku u l-infurzar ta' deċiżjonijiet għal protezzjoni ta' anzjani u għal mandati ta' inkapaċità u prokuri dewwiema, skont ir-rakkomandazzjonijiet dettaljati mfissra hawn taħt;

3.   Jistieden lill-Kummissjoni sabiex timmoniterja l-esperjenza fl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Aja u l-implimentazzjoni tagħha fl-Istati Membri u biex tissottometti fi żmien xieraq lill-Parlament u lill-Kunsill rapport li jiġbor fil-qosor il-problemi u l-aħjar prattiki fl-applikazzjoni prattika tagħha u li jinkludi, jekk ikun meħtieġ, proposti għal dispożizzjonijiet tal-Komunità li jissupplimentaw jew jispeċifikaw il-mod kif il-Konvenzjoni għandha tiġi applikata;

4.   Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tevalwa l-possibilità tal-adeżjoni tal-Komunità mal-Konvenzjoni tal-Aja; jissuġġerixxi li dan jista' jkun qasam ta' koperazzjoni mtejba bejn l-Istati Membri;

5.   Jistieden lill-Istati Membri kollha li għadhom ma ffirmawx jew ma rratifikawx il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità sabiex jagħmlu dan għaliex dan iservi sabiex titjieb il-protezzjoni ta' adulti vulnerabbli fl-UE;

6.   Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiffinanzja studju biex iqabbel il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar adulti vulnerabbli u miżuri ta' protezzjoni bl-iskop li jinstab fejn jistgħu jinqalgħu kwistjonijiet legali u x'miżuri jkunu meħtieġa fil-livell tal-UE jew tal-Istati Membri biex tinstab soluzzjoni għal kwistjoniiet bħal dawn; iqis li l-istudju għandu jindirizza wkoll il-kwistjoni tal-istituzzjonalizzazzjoni ta' adulti b'diżabilitajiet intellettwali fir-rigward tat-tutela tagħhom u l-abilità tagħhom li jeżerċitaw id-drittijiet legali tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni sabiex torganizza serje ta' konferenzi għal professjonisti legali li huma involuti direttament f'każijiet bħal dawn u sabiex f'leġizlazzjoni futura tingħata konsiderazzjoni għar-riżultati tal-istudju u tal-opinjonijiet tal-professjonisti;

7.   Jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-miżuri protettivi huma proporzjonati għall-istat tal-adulti vulnerabbli konċernati sabiex iċ-ċittadini individwali tal-UE ma jiġux miċħuda dritt legali meta jkun għad għandhom l-abilità li jeżerċitaw dan id-dritt;

8.   Jistieden lill-Istati Membri sabiex jieħdu miżuri għall-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli biex ma jispiċċawx vittmi ta' serq ta' identità jew frodi, jew ta' reati oħra permezz tat-telefon jew tal-internet, inklużi miżuri legali li jtejbu l-protezzjoni ta' u/jew jillimitaw l-aċċess għad-dejta personali tal-adulti vulnerabbli;

9.   Jappoġġja l-ħolqien ta' mekkaniżmi sikuri, suġġetti għal regoli b'saħħithom għall-protezzjoni ta' dejta personali u regoli dwar il-limitazzjoni ta' aċċess, għall-iskambju tal-aħjar prattiki u informazzjoni oħra dwar miżuri protettivi attwali li jinsabu fis-seħħ fost l-Istati Membri, inkluża l-possibilità li s-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membrità ikollhom skambju ta' informazzjoni dwar l-istejtus ta' protezzjoni ta' adulti vulnerabbli;

10.   Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li mhux l-adulti vulnerabbli kollha huma hekk minħabba età avvanzata u jitlob li jittieħdu passi mhux biss biex jissaħħu l-protezzjoni legali u d-drittijiet ta' dawk l-adulti anzjani vulnerabbli, imma wkoll dawk l-adulti li huma vulnerabbli minħabba diżabilitajiet fiżiċi u/jew mentali gravi, u sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet tagħhom anke meta jittieħdu miżuri futuri sabiex jiġu żgurati dawn id-drittijiet legali;

11.   Jikkonferma li r-rakkomandazzjonijiet jirrispettaw il-prinċipji ta' solidarjetà u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini;

12.   Iqis li l-proposta li qed tintalab m'għandhiex impatti finanzjarji;

13.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet dettaljati mehmużin magħha, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, kif ukoll lill-gvenijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


ANNESS

RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI U L-KONTENTUT TAL-PROSPOSTA MRESSQA

A.   PRINĊIPJI U GĦANIJIET TAL-PROPOSTA

1.   Il-promozzjoni tar-rikonoxximent u l-infurzar ta' deċiżjonijiet legali jew amministrattivi rigward persuni li huma suġġetti għal miżuri ta' protezzjoni.

2.   Miżuri sabiex jgħinu biex jintlaħaq il-għan li tinħoloq żona ta' ġustizzja, libertà u sigurtà billi jiffaċilitaw ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' deċiżjonijiet li jipprovdu miżuri ta' protezzjoni, id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli u l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali.

3.   Miżuri speċifiċi u xierqa għall-koperazzjoni bejn l-Istati Membri għandhom jiġu implimentati billi jintużaw l-istrumenti li hemm disponibbli fil-Konvenzjoni tal-Aja.

4.   Formoli uniċi tal-Komunità biex ikun hemm promozzjoni tal-informazzjoni dwar deċiżjoni ta' protezzjoni u t-tixrid, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' dawn id-deċiżjonijiet.

5.   Formoli uniċi tal-Komunità fil-livell Ewropew fil-każijiet ta' mandati ta' inkapaċità sabiex tkun żgurata l-effettività tagħhom fl-Istati Membri kollha.

B.   PROPOSTI TA' AZZJONIJIET

1.   Jitlob lill-Kummissjoni, hekk kif tinkiseb esperjenza biżżejjed dwar l-operat tal-Konvenzjoni tal-Aja, sabiex tippreżenta lill-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 65 tat-Trattat KE, proposta leġiżlattiva biex tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri u biex jittejjeb ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' deċiżjonijiet għal protezzjoni ta' anzjani, għal mandati ta' inkapaċità u prokuri dewwiema.