24.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 352/68


DEĊIŻJONI Nru 1/2013 TAL-KUNSILL TA’ KOOPERAZZJONI BEJN L-UE U L-IRAQ

tat-8 ta’ Ottubru 2013

li tadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu u dawk tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni

(2013/802/UE)

IL-KUNSILL TA’ KOOPERAZZJONI BEJN L-UE U L-IRAQ,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, fuq in-naħa l-oħra, (“minn hawn 'il quddiem il-Ftehim”) u b’mod partikolari l-Artikolu 111 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 117 tal-Ftehim, ċerti dispożizzjonijiet tiegħu ġew applikati provviżorjament mill-1 ta’ Awwissu 2012.

(2)

Sabiex isir kontribut lejn l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim, għandu jiġi stabbilit il-qafas istituzzjonali tiegħu mill-aktar fis possibbli.

(3)

Huwa l-kompitu tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni sabiex jadotta l-miżuri meħtieġa biex dan isir; l-Artikolu 111(3) tal-Ftehim jipprevedi li l-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandu jwaqqaf ir-regoli ta' proċedura tiegħu stess. Sabiex il-Kumitat ta' Kooperazzjoni jkun operattiv kemm jista’ jkun malajr, il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għandu jistabbilixxi wkoll ir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jista’ jieħu deċiżjonijiet permezz ta’ proċedura bil-miktub.

(5)

Jeħtieġ li din id-Deċiżjoni tiġi adottata bi proċedura bil-miktub,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu Uniku

Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni u dawk tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni, kif stabbilit fl-Appendiċi A u B rispettivament, huma b’dan adottati.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Ottubru 2013.

Għall-Kunsill ta’ Kooperazzjoni

Il-President

C. ASHTON


ANNESS I

REGOLI TAL-PROĊEDURA TAL-KUNSILL TA' KOOPERAZZJONI BEJN L-UE U L-IRAQ

Artikolu 1

Presidenza

Il-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandu jkun ippresedut b’mod li jalterna għal perjodi ta’ 12-il xahar mill-President tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Iraq. L-ewwel perjodu għandu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni u li jispiċċa fil-31 ta' Diċembru tal-istess sena.

Artikolu 2

Laqgħat

Il-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandu jiltaqa' fil-livell ministerjali darba fis-sena. Sessjonijiet speċjali tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni jistgħu jsiru fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet, jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk. Sakemm ma jintlaħaqx ftehim mod ieħor mill-Partijiet, kull sessjoni tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandha ssir fil-post fejn is-soltu jsiru l-laqgħat tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fid-data li jaqblu dwarha ż-żewġ Partijiet. Laqgħat tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandhom jissejħu b'mod konġunt mis-Segretarji tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni bi qbil mal-President.

Artikolu 3

Rappreżentanza

Il-membri tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni jistgħu jiġu rrappreżentati f'każ li ma jkunux jistgħu jattendu. Jekk membru jixtieq li jiġi rrappreżentat b’dan il-mod, hu/hi għandu/ha j/tinnotifika lill-President rigward l-isem tar-rappreżentant tiegħu/tagħha qabel il-laqgħa li fiha se j/tiġi rrapreżentat/a b’dan il-mod. Ir-rappreżentant ta' membru tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandu jeżerċita d-drittijiet kollha ta' dak il-membru.

Artikolu 4

Delegazzjonijiet

Il-membri tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni jistgħu jkunu akkumpanjati minn uffiċjali. Qabel kull laqgħa, il-President għandu jkun infurmat bil-kompożizzjoni prevista tad-delegazzjoni ta' kull Parti.

Għal-laqgħat tal-Kunsill ta’ Kopeazzjoni, meta fuq l-aġenda jkun hemm kwistjonijiet li jikkonċernaw il-Bank, għandu jattendi rappreżentant tal-Bank Ewropew tal-Investiment bħala osservatur.

Meta jkun xieraq u bi ftehim reċiproku, persuni fil-kapaċità tagħhom ta’ esperti jew rappreżentanti ta’ korpi oħra jistgħu jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni bħala osservaturi jew sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġett partikolari.

Artikolu 5

Segretarjat

Rappreżentant tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u rappreżentant tal-Missjoni tal-Iraq għall-Unjoni Ewropea għandhom flimkien iservu bħala Segretarji tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni.

Artikolu 6

Korrispondenza

Il-korrispondenza indirizzata lill-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandha tintbagħat lill-President tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni fl-indirizz tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Iż-żewġ Segretarji għandhom jiżguraw li l-korrispondenza tiġi trażmessa lill-President tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni u, fejn xieraq, imqassma lill-membri l-oħra tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni. Il-korrispondenza li titqassam għandha tintbagħat lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lir-Rappreżentanti Permanenti tal-Istati Membri u lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll lill-Missjoni tal-Iraq għall-Unjoni Ewropea.

Il-komunikazzjonijiet mill-President tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandhom jintbagħtu lid-destinatarji miż-żewġ Segretarji u jitqassmu, fejn xieraq, lill-membri l-oħra tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni fl-indirizzi indikati fit-tieni paragrafu.

Artikolu 7

Pubbliċità

Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor, il-laqgħat tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni m'għandhomx ikunu pubbliċi.

Artikolu 8

Aġendi għal-laqgħat

1.   Il-President għandu jfassal aġenda proviżorja għal kull laqgħa. Din għandha tiġi trażmessa mis-Segretarji tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 6 mhux aktar tard minn 15-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa. L-aġenda proviżorja għandha tinkludi l-punti li fuqhom il-President ikun irċieva talba sabiex jiżdiedu fuq l-aġenda mhux aktar tard minn 21 jum qabel il-bidu tal-laqgħa, għalkemm l-ebda punt ma għandu jitniżżel fl-aġenda proviżorja sakemm ma tkunx intbagħtet id-dokumentazzjoni ta' sostenn lis-Segretarji sa mhux aktar tard mid-data li fiha tintbagħat l-aġenda provviżorja. L-aġenda għandha tkun approvata mill-Kunsill ta' Kooperazzjoni fil-bidu ta' kull laqgħa. Punt apparti dawk li jidhru fl-aġenda provviżorja jista’ jitqiegħed fuq l-aġenda jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

2.   Il-President jista', bi ftehim maż-żewġ Partijiet, iqassar l-iskadenzi stipulati fil-paragrafu 1 sabiex jitqiesu l-ħtiġiet ta' każ partikolari.

Artikolu 9

Minuti

Għandu jitħejja abbozz tal-minuti ta’ kull laqgħa b’mod konġunt miż-żewġ Segretarji. Il-minuti għandhom, bħala regola ġenerali, jindikaw fir-rigward ta’ kull punt fuq l-aġenda:

id-dokumenti ppreżentati lill-Kunsill ta' Kooperazzjoni,

dikjarazzjonijiet li membru tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni jkun talab li jiddaħħlu,

ir-rakkomandazzjonijiet mogħtija, id-dikjarazzjonijiet li sar qbil dwarhom u l-konklużjonijiet adottati.

L-abbozz tal-minuti għandu jingħata lill-Kunsill ta' Kooperazzjoni għall-approvazzjoni. Wara l-approvazzjoni, il-minuti għandhom jiġu ffirmati mill-President u miż-żewġ segretarji. Il-minuti għandhom jiġu ffajljati fl-arkivji tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li għandu jservi ta’ depożitarju tad-dokumenti tal-Ftehim. Kopja ċċertifikata għandha tingħadda lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 6 ta' dawn ir-Regoli tal-Proċedura.

Artikolu 10

Deliberazzjonijiet

1.   Il-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu u jagħmel rakkomandazzjonijiet bi ftehim komuni tal-Partijiet. Il-każijiet, li fihom il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni jista’ jieħu deċiżjonijiet huma indikati fil-Ftehim innifsu.

Il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jista’ jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk. Meta l-Kunsill ta’ Kooperazzjoni jiddeċiedi li jirrikorri għall-proċedura bil-miktub, data ta’ skadenza tista’ tkun prevista bi ftehim reċiproku tal-Partijiet, li fit-tmiem tagħha l-President tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni jista’ jiddikjara, fuq rapport miż-żewġ Segretarji, jekk intlaħaqx ftehim komuni tal-Partijiet.

2.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 111 tal-Ftehim għandhom ikunu intitolati rispettivament “Deċiżjoni” u “Rakkomandazzjoni” segwiti b’numru serjali, bid-data tal-adozzjoni tagħhom u b’deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għandhom jiġu ffirmati mill-President u awtentikati miż-żewġ Segretarji. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għandhom jingħaddu lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 6 hawn fuq. Kull Parti tista' tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkommandazzjonijiet tal-Kunsil tal-Kooperazzjoni fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.

Artikolu 11

Lingwi

L-ilsna uffiċjali tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni għandhom ikunu l-ilsna uffiċjali taż-żewġ Partijiet. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni se jibbaża d-deliberazzjonijiet tiegħu fuq dokumentazzjoni mfassla f’dawn l-ilsna.

Artikolu 12

Spejjeż

Kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Iraq se joħorġu l-flus għall-ispejjeż li jġarrbu għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni, kemm f’dak li għandu x’jaqsam man-nefqa tal-persunal, il-vjaġġi u s-sussistenza kif ukoll man-nefqa għall-posta u t-telekomunikazzjoni. Nefqa li għandha x’taqsam ma’ servizzi ta’ interpretazzjoni fil-laqgħat, traduzzjoni u riproduzzjoni tad-dokumenti għandhom jitħallsu mill-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tan-nefqa li għandha x’taqsam mas-servizzi ta’ interpretazzjoni jew traduzzjoni għal jew mill-lingwa uffiċjali tal-Iraq, li għandhom jitħallsu mill-Iraq. Infiq ieħor relatat mal-organizzazzjoni tal-laqgħat għandu jitħallas mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħat.

Artikolu 13

Kumitat ta' Kooperazzjoni

1.   Skont l-Artikolu 112 tal-Ftehim, qed jiġi stabbilit Kumitat ta’ Kooperazzjoni sabiex jgħin lill-Kunsill ta' Kooperazzjoni fit-twettiq ta’ dmirijietu. Dan għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u minn rappreżentanti tal-Gvern tal-Iraq, min-naħa l-oħra, normalment fil-livell ta’ impjegati anzjani taċ-ċivil.

2.   Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandu jħejji l-laqgħat u d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni, jimplimenta d-deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni fejn xieraq u, b’mod ġenerali, jiżgura l-kontinwità tar-relazzjoni u t-tħaddim tajjeb tal-Ftehim. Għandu jqis kwalunkwe kwistjoni li titressaq quddiemu mill-Kunsill ta' Kooperazzjoni kif ukoll kwalunkwe kwistjoni li tista' tinqala' fl-andament tat-twettiq ta' kuljum tal-Ftehim. Għandu jippreżenta proposti jew kwalunkwe abbozz ta' deċiżjonijiet/rakkommandazzjonijiet għal adozzjoni lill-Kunsill ta' Kooperazzjoni.

Il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni jista’ jiddelega lill-Kumitat ta’ Kooperazzjoni kwalunkwe waħda mis-setgħat tiegħu.

3.   F’każijiet fejn il-Ftehim jirreferi għal obbligu ta’ konsultazzjoni jew possibbiltà ta’ konsultazzjoni jew fejn il-Partijiet jiddeċiedu bi ftehim komuni biex jikkonsultaw lil xulxin, din il-konsultazzjoni trid issir fi ħdan il-Kumitat ta’ Kooperazzjoni. Il-Konsultazzjoni tista’ tkompli fil-Kunsill ta’ Kooperazzjoni jekk iż-żewġ partijiet jaqblu li jsir hekk.


ANNESS II

REGOLI TAL-PROĊEDURA TAL-KUMITAT TA' KOOPERAZZJONI

Artikolu 1

Presidenza

Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandu jkun ippresedut b’mod li jalterna għal perjodi ta’ 12-il xahar minn rappreżentant tal-Unjoni Ewropea u minn rappreżentant tal-Gvern tal-Iraq.

L-ewwel perjodu għandu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni u li jispiċċa fil-31 ta' Diċembru tal-istess sena.

Artikolu 2

Laqgħat

Il-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandu jiltaqa’ meta jitolbu ċ-ċirkostanzi, bil-ftehim taż-żewġ Partijiet, mill-inqas darba fis-sena. Kull laqgħa tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandha ssir fi żmien u f’post li dwaru jkun hemm qbil miż-żewġ Partijiet.

Il-laqgħat tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandhom jissejħu mill-President. Il-laqgħa annwali tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandha tissejjaħ qabel il-laqgħa annwali tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni. Għandha titlaqqa’ fi żmien xieraq biex il-Kumitat ta' Kooperazzjoni jilħaq jipprepara għall-laqgħa tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni.

Artikolu 3

Delegazzjonijiet

Qabel kull laqgħa, il-President se jkun informat mill-formazzjoni maħsuba tad-delegazzjoni ta’ kull Parti.

Artikolu 4

Segretarjat

Rappreżentant tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u rappreżentant tal-Gvern tal-Iraq għandhom flimkien iservu bħala Segretarji tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni. Il-komunikazzjonijiet kollha lill-Presidenza tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni u mingħandha previsti f'din id-Deċiżjoni għandhom jintbagħtu lis-Segretarji tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni u lis-Segretarji u lill-President tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni.

Artikolu 5

Pubbliċità

Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor, il-laqgħat tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni m’għandhomx ikunu pubbliċi.

Artikolu 6

Aġendi għal-laqgħat

1.   Il-President għandu jfassal aġenda proviżorja għal kull laqgħa. Din għandha tiġi trażmessa mis-Segretarji tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 4 sa mhux aktar tard minn 15-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa.

L-aġenda provviżorja għandha tinkludi l-punti li fuqhom il-President ikun irċieva talba sabiex jiżdiedu fuq l-aġenda mhux aktar tard minn 21 jum qabel il-bidu tal-laqgħa, għalkemm l-ebda punt m’għandu jitniżżel fl-aġenda proviżorja sakemm ma tkunx intbagħtet id-dokumentazzjoni ta’ sostenn lis-Segretarji sa mhux aktar tard mid-data li fiha tintbagħat l-aġenda provviżorja.

Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni jista’ jistieden esperti jattendu l-laqgħat tiegħu sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġetti partikolari.

L-aġenda għandha tiġi adottata mill-Kumitat ta' Kooperazzjoni fil-bidu ta’ kull laqgħa. Punt apparti dawk li jidhru fl-aġenda provviżorja jista’ jitqiegħed fuq l-aġenda jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

2.   Il-President jista’, bi ftehim maż-żewġ Partijiet, iqassar l-iskadenzi stipulati fil-paragrafu 1 sabiex jitqiesu l-ħtiġiet ta’ każ partikolari.

Artikolu 7

Minuti

Għandhom jittieħdu l-minuti ta' kull laqgħa u għandhom ikunu bbażati fuq sinteżi mill-President tal-konklużjonijiet li jkun wasal għalihom il-Kumitat ta' Kooperazzjoni. Meta jiġu approvati mill-Kumitat ta' Kooperazzjoni, il-minuti għandhom jiġu ffirmati mill-President u s-Segretarji u jiġu ffajljati minn kull waħda mill-Partijiet. Kopja tal-minuti għandha tingħadda lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 4.

Artikolu 8

Deliberazzjonijiet

Fil-każijiet speċifiċi fejn il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jagħti s-setgħa lill-Kumitat ta' Kooperazzjoni jadotta ċerti deċiżjonijiet/rakkomandazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 13(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni, dawn l-atti għandhom jiġu intitolati rispettivament “Deċiżjoni” u “Rakkomandazzjoni”, segwiti minn numru tas-serje, id-data tal-adozzjoni tagħhom u deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għandhom isiru bi qbil komuni bejn il-Partijiet.

Il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jista’ jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk. Meta l-Kumitat ta' Kooperazzjoni jiddeċiedi li jirrikorri għall-proċedura bil-miktub, data ta’ skadenza tista’ tkun prevista bil-ftehim reċiproku tal-Partijiet, li fit-tmiem tagħha l-President tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni jista’ jiddikjara, fuq rapport miż-żewġ Segretarji, jekk intlaħaqx ftehim komuni mill-Partijiet.

Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni għandhom jiġu ffirmati mill-President u awtentikati miż-żewġ Segretarji u għandhom jiġu trażmessi lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 4 ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura. Kull Parti tista’ tiddeċiedi fuq il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ta’ dan il-Kumitat ta' Kooperazzjoni fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.

Artikolu 9

Spejjeż

Kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Iraq se joħorġu l-flus għall-ispejjeż li jġarrbu għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni, kemm f’dak li għandu x’jaqsam man-nefqa tal-persunal, il-vjaġġi u s-sussistenza kif ukoll għan-nefqa għall-posta u t-telekomunikazzjoni. Nefqa li għandha x’taqsam mas-servizzi ta’ interpretazzjoni fil-laqgħat, traduzzjoni u riproduzzjoni tad-dokumenti għandhom jitħallsu mill-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tan-nefqa li għandha x’taqsam mas-servizzi ta’ interpretazzjoni jew traduzzjoni għal jew mill-lingwa uffiċjali tal-Iraq, li għandhom jitħallsu mill-Iraq. Infiq ieħor relatat mal-organizzazzjoni tal-laqgħat għandu jitħallas mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħat.

Artikolu 10

Sottokumitati u gruppi speċjali

B’konformità mal-Artikolu 13 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni, il-Kumitat ta' Kooperazzjoni jista’ jiddeċiedi li joħloq sottokumitati jew gruppi ta’ ħidma speċjalizzati sabiex jaħdmu taħt l-awtorità tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni u li għandhom jagħmlulu rapport wara kull laqgħa li jagħmlu. Il-Kumitat ta' Kooperazzjoni jista’ jiddeċiedi li jtemm kwalukwe sottokumitat jew grupp ta’ ħidma eżistenti, jiddefinixxi jew jemenda t-termini ta’ referenza tagħhom jew joħloq sottokumitati jew gruppi ta’ ħidma oħra sabiex jgħinuh fil-qadi ta’ dmirijietu. Dawn is-sottokumitati u gruppi ta’ ħidma m'għandu jkollhom l-ebda setgħa ta’ teħid ta' deċiżjonijiet.