ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.CA2011.315.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 315A

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 54
28 ta' Ottubru 2011


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

L-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO)

2011/C 315A/01

Gwida applikabbli għall-kompetizzjonijiet ġenerali

1

REVIŻJONI TAL-ĠU C A KOMPETIZZJONI

Hawn taħt għandek issib il-lista ta' C A ppubblikati matul din is-sena.

Ħlief meta indikat mod ieħor, il-Ġurnali Uffiċjali huma ppubblikati fil-lingwi kollha.

19

(PL)

24

 

35

(DE/EN/FR)

37

(PL/RO)

60

 

68

 

76

(DE/EN/FR)

82

 

91

 

98

 

114

(DA)

121

(DA)

122

 

135

 

140

(BG/ET/HU/MT/PL/SL/SV)

142

 

146

 

147

(EN/IT/MT/SV)

155

(EN/ES/ET/FR/NL/PL/PT/SK/SL/SV)

156

 

157

 

162

 

169

(EN)

177

(DE/EN/FR)

180

(BG/RO)

181

(DA)

183

(SL)

185

 

193

(BG/RO)

198

(CS/HU/LT/MT/PL/SK)

206

(CS/ES/LV/MT/SV)

208

(DE/EN/FR)

221

 

222

(BG/RO)

223

 

229

 

257

 

258

 

270

 

271

 

278

(EN)

279

(FR)

281

(DA)

284

(DE)

285

(LT)

286

(NL)

292

(RO)

294

(DE/EN/FR)

303

(DE/EN/FR)

304

(DA/EN)

307

 

309

(DE/EN/FR)

312

(DE/EN/FR)

315

 

MT

 


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

L-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO)

28.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 315/1


GWIDA APPLIKABBLI GĦALL-KOMPETIZZJONIJIET ĠENERALI

(2011/C 315 A/01)

Din il-gwida hija parti integrali tal-avviż ta' kompetizzjonijiet u l-kandidati għandhom ikunu familjari magħha

WERREJ

1

INTRODUZZJONI

1.1.

X'INHI KOMPETIZZJONI ĠENERALI?

1.2.

LIEMA HU L-PROFIL ĠENERALI MITLUB?

2.

KIF TISTA' TAPPLIKA?

2.1

REĠISTRAZZJONI B'MOD ELETTRONIKU

2.1.1.

Oħloq il-profil EPSO tiegħek

2.1.2.

Ivverifika li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta' reġistrazzjoni u ammissjoni għall-kompetizzjoni

2.1.3.

Applika b'mod elettroniku

2.1.3.1.

Il-proċedura tar-reġistrazzjoni

2.1.3.2.

Dispożizzjonijiet speċjali għat-testijiet u l-eżamijiet

2.1.4.

Każijiet ta' esklużjoni marbuta mar-reġistrazzjoni

3.

KOMUNIKAZZJONI

3.1.

KOMUNIKAZZJONI TAL-EPSO MAL-KANDIDATI

3.2.

KOMUNIKAZZJONI TAL-KANDIDATI MAL-EPSO

4.

TESTIJIET TA' DĦUL

4.1.

X'INHU TEST TA' DĦUL?

4.2.

KIF TIŻVOLĠI L-PROĊEDURA?

5.

STADJI FIL-KOMPETIZZJONI

5.1.

EŻAMINAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONIJIET

5.2.

GĦAŻLA ABBAŻI TAL-KWALIFIKI

5.3.

ĊENTRU TA' EVALWAZZJONI: METODOLOĠIJA

5.4.

LISTI TA' RIŻERVA

6.

INFORMAZZJONI ĠENERALI

6.1.

TRAŻMISSJONI TAL-FAJL TA' APPLIKAZZJONI KOMPLUT

6.1.1.

X'inhu fajl komplut?

6.1.2.

Meta għandu jiġi ppreżentat dan il-fajl?

6.1.3.

Kif tista' tippreżenta l-fajl tiegħek?

6.1.4.

Liema dokumenti ta' prova għandhom jiġu mehmuża mal-fajl komplut?

6.1.4.1.

Dispożizzjonijiet Ġenerali

6.1.4.2.

Dokumenti ta' prova għall-kundizzjonijiet ġenerali

6.1.4.3.

Dokumenti ta' prova għall-kundizzjonijiet speċifiċi

6.1.4.4.

Dokumenti ta' prova għall-għarfien lingwistiku (jekk mitluba mill-avviż tal-kompetizzjoni)

6.2.

AĊĊESS GĦALL-INFORMAZZJONI

6.3.

TALBA GĦAL REVIŻJONIJIET

6.4.

RIMEDJI

6.5.

ILMENTI LILL-OMBUDSMAN EWROPEW

7.

REKLUTAĠĠ

8.

TAGĦRIF IEĦOR

1   INTRODUZZJONI

1.1.   X'INHI KOMPETIZZJONI ĠENERALI?

L-istituzzjonijiet Ewropej jagħżlu l-uffiċjali futuri tagħhom permezz ta' kompetizzjoni ġenerali. Il-kompetizzjonijiet ġenerali jinvolvu serje ta' eżamijiet li fihom il-kandidati jikkompetu ma' xulxin. Dawn il-kompetizzjonijiet huma miftuħa għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea (1) li jissodisfaw il-kriterji mitluba. Din il-proċedura toffri lill-kandidati kollha opportunità ndaqs li juru l-kapaċitajiet tagħhom u tiggarantixxi għażla bbażata fuq il-mertu, filwaqt li jiġi rispettat il-prinċipju ta' trattament ugwali.

Il-kandidati li jgħaddu f'kompetizzjoni jitniżżlu f'lista ta' riżerva li minnha l-istituzzjonijiet jibdew jieħdu kandidati skont il-bżonnijiet tagħhom. Għalhekk din ma tirrigwardax il-fatt li timtela' pożizzjoni vakanti speċifika, iżda li tiġi ffurmata lista ta' riżerva għar-reklutaġġ.

Sabiex jintgħażlu l-aħjar kandidati abbażi tal-kundizzjonijiet definiti fl-avviż tal-kompetizzjoni, jiġi nnominat Bord tal-Għażla (2). Dan iqabbel il-prestazzjoni tal-kandidati sabiex tiġi evalwata l-ħila tagħhom biex jissodisfaw il-funzjonijiet deskritti fl-avviż. Għalhekk mhux biss għandu jevalwa l-livell tal-għarfien, iżda wkoll jippermetti li jiġu identifikati l-persuni li huma l-iktar ikkwalifikati abbażi tal-mertu tagħhom.

Il-kompetizzjonijiet jistgħu jiġu organizzati:

kemm fil-qafas ta' ċikli annwali,

kif ukoll skont il-bżonnijiet speċifiċi tal-istituzzjonijiet.

1.2.   LIEMA HU L-PROFIL ĠENERALI MITLUB?

L-istituzzjonijiet ifittxu kandidati b'talenti, motivati u kkwalifikati ħafna fil-qasam tagħhom, u li għandhom b'mod partikolari dawn il-kompetenzi li ġejjin:

Analiżi u soluzzjoni tal-problemi

Li jkunu jistgħu jiġu identifikati l-punti kritiċi fi problemi kumplessi u li jiġu żviluppati soluzzjonijiet kreattivi u prattiċi

Komunikazzjoni

Jistgħu jikkomunikaw b'mod ċar u preċiż, kemm verbalment kif ukoll bil-miktub

Kwalità u riżultati

Jieħdu r-responsabbiltajiet u jieħdu inizjattivi sabiex jipprovdu xogħol ta' kwalità għolja fir-rigward tal-proċeduri stabbiliti

Tagħlim u żvilupp

Jestendu u jżidu l-kompetenzi personali tagħhom u l-għarfien tagħhom dwar l-organizzazzjoni u l-ambjent tax-xogħol

Prijoritizzazzjoni u organizzazzjoni

Jistgħu jiddeterminaw il-prijoritajiet fil-kompiti tagħhom, jaħdmu b'mod flessibbli u jorganizzaw b'mod effiċjenti x-xogħol tagħhom

Perseveranza

Jistgħu jibqgħu effiċjenti f'każ ta' pressjoni għolja ta' xogħol, jgħelbu id-diffikultajiet ta' organizzazzjoni b'mod pożittiv u jadattaw għall-evoluzzjoni tal-ambjent tax-xogħol tagħhom

Ħidma f'tim

Jistgħu jikkooperaw mal-kollegi diretti tagħhom kif ukoll ma' servizzi oħra, u jirrispettaw id-differenzi bejn l-individwi

Il-pożizzjonijiet tal-karriera AD (amministraturi) jeħtieġu kompetenza addizzjonali, jiġifieri:

Ħiliet ta' tmexxija

Jistgħu jmexxu, jiżviluppaw u jimmotivaw il-persuni biex jilħqu l-għanijiet stabbiliti

2.   KIF TISTA' TAPPLIKA?

L-applikazzjoni għal kompetizzjoni tinkludi 2 fażijiet:

1)

l-ewwel, issir ir-reġistrazzjoni b'mod elettroniku,

2)

imbagħad, it-trażmissjoni tal-fajl ta' applikazzjoni komplut. Ħlief f'każ fejn ikun indikat mod ieħor fl-avviż ta' kompetizzjoni, dan il-fajl għandu jiġi ppreżentat biss fi stadju ulterjuri u jekk tiġi mistieden tagħmel dan permezz tal-profil EPSO tiegħek (ara l-punt 6.1 iktar 'l isfel).

2.1   REĠISTRAZZJONI B'MOD ELETTRONIKU

1)

Oħloq il-profil EPSO tiegħek, jekk għadek m'għamiltx dan.

2)

Ivverifika bir-reqqa li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta' reġistrazzjoni u ta' ammissjoni għal kompetizzjoni.

3)

Għamel it-testijiet interattivi li jiġu proposti.

4)

Imla l-applikazzjoni elettronika tiegħek.

5)

Ikkonferma u vvalida r-reġistrazzjoni elettronika tiegħek fiż-żmien meħtieġ.

2.1.1.   Oħloq il-profil EPSO tiegħek (3)

Meta tkun qed tapplika, int tintalab tidħol fil-profil EPSO tiegħek eżistenti, jiġifieri, jekk tkun għadek ma ħloqtx wieħed, għandek toħloq wieħed billi ssegwi l-istruzzjonijiet onlajn. Biex tagħmel dan, għandu jkollok indirizz tal-email validu u attiv.

Il-profil EPSO jservi bħala interface elettroniku bejn l-EPSO u l-kandidati. Huwa jippermetti l-komunikazzjoni magħhom, li tinżamm u tiġi aġġornata d-dejta personali tagħhom kif ukoll li jinżamm rekord tal-applikazzjonijiet tagħhom, skont il-protezzjoni tad-dejta.

M'intix awtorizzat li toħloq iktar minn profil EPSO wieħed (ara wkoll il-punt 2.1.4 ta' din il-gwida). Dan il-profil uniku jibqa' validu għall-applikazzjonijiet kollha futuri tiegħek.

2.1.2.   Ivverifika li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta' reġistrazzjoni u ammissjoni għall-kompetizzjoni

Qabel kwalunkwe reġistrazzjoni, għandek tivverifika bir-reqqa jekk:

1)

il-profil li tixtieq tapplika għalih huwiex inkompatibbli ma' profili oħra jew le. Fil-fatt, meta kompetizzjonijiet għal profili differenti jiġu ppubblikati simultanjament, jista' jkun li ma tkunx tista' tagħżel aktar minn profil wieħed. Dawn l-inkompatibbiltajiet huma msemmijin fl-avviż tal-kompetizzjoni;

2)

inti tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta' ammissjoni, kemm ġenerali kif ukoll dawk speċifiċi, li jfisser li għandek tkun familjari mal-avviż tal-kompetizzjoni u ma' din il-gwida u taċċetta l-kundizzjonijiet tagħha.

Għalkemm l-avviżi tal-kompetizzjonijiet ma jistipulawx limitu ta' età, nixtiequ niġbdulek l-attenzjoni dwar l-età ta' rtirar stabbilita mir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, minn hawn 'il quddiem imsejħa r-Regolamenti tal-Persunal (disponibbli fuq il-websajt tal-EPSO).

2.1.3.   Applika b'mod elettroniku

2.1.3.1.   Il-proċedura tar-reġistrazzjoni

Biex tapplika, jekk jogħġbok segwi l-istruzzjonijiet relatati mal-istadji diversi tal-proċedura ppubblikati fuq il-websajt tal-EPSO.

Se tintalab tagħmel, bħala prova, ġabra ta' testijiet interattivi. Dawn it-testijiet għandhom jagħtuk idea tal-livell meħtieġ għat-testijiet ta' dħul għal din il-kompetizzjoni.

Hija r-responsabbiltà tiegħek li tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex ir-reġistrazzjoni elettronika tiġi finalizzata fl-iskadenza stabbilita. Nagħtuk il-parir li ma tistennix sal-aħħar ġranet tal-perjodu ta' reġistrazzjoni biex tapplika minħabba li problemi ta' konġestjoni eċċezzjonali tal-linji jew kwalunkwe nuqqas tal-konnessjoni tal-internet jistgħu jwasslu biex ikollok tirrepeti l-operazzjoni tar-reġistrazzjoni elettronika, operazzjoni li ma tkunx possibbli aktar wara li tgħaddi d-data tal-iskadenza.

Barra minn hekk, tajjeb li tkun taf li l-proċedura proprja tista' tirrikjedi kemxejn taż-żmien minħabba l-ammont ta' dettalji li jridu jimtlew. L-informazzjoni mitluba tirrigwarda notevolment:

id-diplomi/it-taħriġ tiegħek: il-qasam, il-perjodi ta' studju, il-livell tagħhom u d-data meta ġibt id-diploma/diplomi,

l-esperjenza professjonali tiegħek (jekk din tkun meħtieġa): l-isem u l-indirizz tal-impjegatur, in-natura tal-kompiti tiegħek, id-data tal-bidu u tat-tmiem ta' dawn il-kompiti,

il-motivazzjoni tiegħek (għandha tiġi spjegata fid-dettall),

l-għarfien lingwistiku tiegħek: inti tintalab, skont xi tkun il-kompetizzjoni, li tindika liema, mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandek għarfien profond dwarhom:

BG (Bulgaru)

FI (Finlandiż)

NL (Olandiż)

CS (Ċek)

FR (Franċiż)

PL (Pollakk)

DA (Daniż)

GA (Irlandiż)

PT (Portugiż)

DE (Ġermaniż)

HU (Ungeriż)

RO (Rumen)

EL (Grieg)

IT (Taljan)

SK (Slovakk)

EN (Ingliż)

LT (Litwan)

SL (Sloven)

ES (Spanjol)

LV (Latvjan)

SV (Svediż)

ET (Estonjan)

MT (Malti)

 

Fil-qafas ta' kompetizzjonijiet speċjalizzati (kompetizzjonijiet abbażi ta' kwalifiki u eżamijiet), għandha timtela' parti addizzjonali: l-evalwatur tat-talenti. Din hija serje ta' domandi preċiżi dwar l-esperjenzi u l-kwalifiki tiegħek li huma relatati mal-qasam tal-kompetizzjoni (ara 5.2 Għażla abbażi tal-kwalifiki).

Nissuġġerixxu ħafna li tiġbor din l-informazzjoni kollha qabel ma tibda l-proċedura.

Nixtiequ niġbdulek l-attenzjoni wkoll għall-fatt li huwa importanti li timla din l-informazzjoni bir-reqqa u li tiżgura li jkunu preċiżi u vverifikati ulterjorment ma' dokumenti ta' prova, skont il-kundizzjonijiet deskritti fl-avviż tal-kompetizzjoni. Fil-każ li, fi kwalunkwe stadju tal-proċedura, ikun stabbilit li xi informazzjoni mogħtija fl-applikazzjoni tkun falza jew mhux ippruvata minn dokumenti ta' prova relevanti (ara l-punt 6.1.4 ta' din il-gwida), l-applikazzjoni tiegħek għall-kompetizzjoni tkun dikjarata nulla.

Sakemm ma tkunx għadek ivvalidajt ir-reġistrazzjoni tiegħek onlajn, tkun għadek tista' tbiddel l-informazzjoni.

Ladarba tkun ivvalidajt ir-reġistrazzjoni, ma tkunx tista' tbiddilha, minħabba li d-dejta relatata magħha tiġi trattata immedjatament mill-EPSO għall-organizzazzjoni ta' dawn il-kompetizzjonijiet. Għall-aġġornament tad-dejta personali tiegħek, ara l-punt 2.1.1.

Kwalunkwe diffikultà teknika għandha tiġi indikata mill-iktar fis permezz tal-formola ta' kuntatt ippubblikata fuq il-websajt tal-EPSO.

2.1.3.2.   Dispożizzjonijiet speċjali għat-testijiet u l-eżamijiet

a)   Meta tkun qed tirreġistra

Jekk għandek xi diżabbiltà jew jekk tinsab f'sitwazzjoni partikolari li tista' toħloq diffikultajiet waqt l-eżamijiet, għandek timmarka l-kaxxa korrispondenti fir-reġistrazzjoni elettronika u tindika l-miżuri li tqis neċessarji biex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tiegħek fit-testijiet u fl-eżamijiet kollha.

Jekk jogħġbok ibgħat, malajr kemm jista' jkun wara r-reġistrazzjoni elettronika tiegħek — skont il-każ — iċ-ċertifikat mediku jew dikjarazzjoni ta' entità kompetenti li tiċċertifika l-kundizzjoni tiegħek bħala persuna b'diżabbiltà:

jew bil-posta elettronika lil: EPSO-accessibility@ec.europa.eu,

jew bil-faks: +32-2-299 80 81 bl-indikazzjoni “EPSO accessibility”,

jew bil-posta fl-indirizz li ġej:

L-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO)

“EPSO accessibility”

C-25

1049 Brussell

Il-Belġju

bl-indikazzjoni obbligatorja tan-numru tal-kompetizzjoni kif ukoll tan-numru tiegħek tal-kandidat.

Wara li jiġu analizzati d-dokumenti ta' prova, jistgħu jiġu adottati dispożizzjonijiet speċifiċi u adattati għal kull każ sabiex kemm jista' jkun jiġu sodisfatti t-talbiet meqjusa ġġustifikati.

b)   Wara r-reġistrazzjoni

Jekk iċ-ċirkostanzi deskritti fil-punt 2.1.3.2 a) jinqalgħu wara d-data ta' għeluq stabbilita għar-reġistrazzjoni elettronika, għandek tinnotifika lill-EPSO malajr kemm jista' jkun. Jekk jogħġbok indika bil-miktub id-dispożizzjonijiet li tqis neċessarji u ibgħat id-dokumenti ta' prova relevanti bil-posta elettronika, bil-faks jew bil-posta (ara d-dettalji fil-punt 2.1.3.2 a) ta' hawn fuq).

2.1.4.   Każijiet ta' esklużjoni marbuta mar-reġistrazzjoni

EPSO jiżgura r-rispett tal-prinċipju ta' trattament ugwali. Għalhekk jekk, irrispettivament minn liema stadju tal-proċedura, EPSO jinnota li:

ħloqt iktar minn profil EPSO wieħed,

għamilt reġistrazzjoni biex tieħu sehem f'kompetizzjonijiet għal profili inkompatibbli,

ipprovdejt dikjarazzjonijiet foloz,

tiġi eskluż mill-kompetizzjonijiet ikkonċernati.

Kwalunkwe frodi jew tentattiv ta' frodi tista' tiġi suġġetta għal sanzjonijiet eventwali. F'dan ir-rigward, qed niġbdulek l-attenzjoni għall-fatt li huma biss dawk il-persuni li juru integrità kbira li jistgħu jiġu reklutati mill-istituzzjonijiet.

3.   KOMUNIKAZZJONI

Sabiex tiġi żgurata ċ-ċarezza u l-komprensjoni tat-testi ta' natura ġenerali u tal-komunikazzjonijiet indirizzati lill-kandidati jew mibgħuta lil dawn tal-aħħar, il-konvokazzjonijiet għat-testijiet u għall-eżamijiet differenti, kif ukoll kull korrispondenza bejn l-EPSO u l-kandidati se jkunu biss bil-Ġermaniż, bl-Ingliż jew bil-Franċiż.

3.1.   KOMUNIKAZZJONI TAL-EPSO MAL-KANDIDATI

Ir-riżultati u l-konvokazzjonijiet kollha jiġu kkomunikati lilek biss permezz tal-profil EPSO tiegħek.

Jeħtieġ li ssegwi l-progress tal-kompetizzjoni u tivverifika l-informazzjoni li tikkonċernak, billi tikkonsulta l-profil tiegħek tal-EPSO regolarment, minn tal-anqas darbtejn fil-ġimgħa.

Jekk, minħabba problema teknika relatata mal-EPSO, ma tistax tivverifika din l-informazzjoni, hija r-responsabbiltà tiegħek li tinnotifika immedjatament lill-EPSO b'dan il-fatt (ara l-punt 3.2).

Tista' tikkonsulta informazzjoni ġenerali dwar l-istadji tal-kompetizzjoni fuq il-websajt tal-EPSO (www.eu-careers.eu).

3.2.   KOMUNIKAZZJONI TAL-KANDIDATI MAL-EPSO

Tista' tagħmel kuntatt mal-EPSO permezz tal-formula ta' kuntatt ippubblikata fuq il-websajt, wara li tkun ivverifikajt li l-informazzjoni meħtieġa la tinsab fl-avviż tal-kompetizzjoni, la f'dan id-dokument, u lanqas fil-websajt tal-EPSO, b'mod partikolari fil-“mistoqsijiet li jsiru ta' spiss” (4).

Sabiex tiġi garantita l-indipendenza tal-Bord tal-Għażla, huwa formalment ipprojbit għal kwalunkwe persuna barra mill-Bord tal-Għażla li tipprova tagħmel kuntatt ma' wieħed mill-membri tiegħu. Il-kandidati li jsegwu l-proċeduri stabbiliti fl-avviż tal-kompetizzjoni biss jistgħu, jindirizzaw bil-miktub lill-President tal-Bord tal-Għażla, permezz tal-Uffiċċju Ewropew għall-Għażla tal-Persunal, sabiex jesprimu l-fehma tagħhom jew biex jaffermaw id-drittijiet tagħhom. L-intervenzjonijiet kollha diretti jew indiretti tal-kandidati li jsiru mingħajr ma jiġu segwiti l-proċeduri hawn fuq imsemmija huma pprojbiti u jistgħu jwasslu għall-esklużjoni mill-kompetizzjoni. Kull korrispondenza għall-attenzjoni tal-Bord tal-Għażla għandha tiġi indirizzata esklussivament lill-EPSO, li mbagħad jgħaddiha lill-Bord tal-Għażla.

L-EPSO jiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-kodiċi ta' mġiba amministrattiva tajba (5), b'mod partikolari fil-korrispondenza tiegħu mal-kandidati. Madankollu, skont dawn l-istess prinċipji, l-EPSO jirriżerva d-dritt li jwaqqaf kull korrispondenza jekk dik li tasallu mingħand il-kandidati tkun abbużiva, repetittiva, skandaluża u/jew mingħajr għan.

Kull korrispondenza dwar reġistrazzjoni magħmula f'isem partikolari għandha ssemmi dan l-isem, in-numru tal-kompetizzjoni u n-numru li ngħata meta saret ir-reġistrazzjoni elettronika.

4.   TESTIJIET TA' DĦUL

4.1.   X'INHU TEST TA' DĦUL?

Fil-każ li jkun neċessarju għall-kompetizzjonijiet, l-EPSO jorganizza testijiet ta' dħul skont il-kundizzjonijiet imħabbra fl-avviż tal-kompetizzjoni. Dawn huma mistoqsijiet b'għażla multipla li jsiru fuq kompjuter, f'ċentri speċjalizzati f'dan it-tip ta' testijiet.

4.2.   KIF TIŻVOLĠI L-PROĊEDURA?

Meta jkunu organizzati t-testijiet ta' dħul, inti tiġi mistieden, permezz tal-profil EPSO tiegħek, biex tirriżerva data f'perjodu determinat li jiġi kkomunikat lilek fl-istedina. Fil-prinċipju, jiġu offerti diversi possibilitajiet ta' dati u ta' ċentri.

Il-lista ta' dawn iċ-ċentri, imqassma fuq it-territorju tal-Unjoni Ewropea (u eventwalment f'ċerti pajjiżi terzi), tiġi kkomunikata lilek permezz tal-profil EPSO tiegħek. Id-disponibbiltà ta' ċerti dati f'ċerti ċentri tista' tkun limitata jekk in-numru ta' kandidati previsti għal dawn iċ-ċentri ma jkunx kbir.

Skont il-kompetizzjoni li tkun applikajt għaliha, dawn it-testijiet jistgħu jinkludu dawn l-elementi li ġejjin:

test ta' raġunament verbali: test li jippermetti l-evalwazzjoni oġġettiva tal-ħiliet tiegħek ta' raġunament u ta' fehma tal-informazzjoni ta' natura verbali,

test ta' raġunament numeriku: test li jippermetti l-evalwazzjoni oġġettiva tal-ħiliet tiegħek ta' raġunament u ta' fehma tal-informazzjoni ta' natura numerika,

test ta' raġunament astratt: test li jippermetti l-evalwazzjoni oġġettiva tal-ħiliet tiegħek ta' detezzjoni u ta' fehma tar-relazzjonijiet bejn kunċetti li ma jinkludux elementi lingwistiċi, spazzjali jew numeriċi,

test(ijiet) fil-qasam magħżul,

test(ijiet) ta' ħila lingwistika,

test(ijiet) ta' kompetenzi professjonali speċifiċi.

Matul il-fażi tat-testijiet ta' dħul, dan it-test jista' jiġi organizzat ukoll:

test ta' valutazzjoni sitwazzjonali: test maħluq għall-evalwazzjoni tal-imġiba f'sitwazzjoni professjonali. Kull mistoqsija tiddeskrivi xenarju relatat max-xogħol u serje ta' erba' azzjonijiet possibbli (fl-istil “għażla multipla”). Fosthom, inti għandek tagħżel l-azzjoni l-aktar effettiva U l-azzjoni l-inqas effettiva, fir-rigward tas-sitwazzjoni deskritta.

Sabiex tkun tista' tiffamiljarizza ruħek mal-proċedura ta' test bil-kompjuter, se tiġi inserita hyperlink li tieħdok għal taħriġ didattiku u għal mudell tat-test, fl-ittra ta' stedina tiegħek.

Il-korrezzjoni tat-testijiet ta' dħul issir bil-kompjuter.

5.   STADJI FIL-KOMPETIZZJONI

5.1.   EŻAMINAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONIJIET

Eżami:

1)

tal-ammissibbiltà tal-applikazzjoni;

2)

tal-kundizzjonijiet ġenerali;

3)

tal-kundizzjonijiet speċifiċi.

EPSO jivverifika jekk l-applikazzjoni tiegħek hijiex ammissibbli, jiġifieri jekk ġietx ippreżentata qabel l-iskadenza u skont il-kundizzjonijiet definiti fl-avviż tal-kompetizzjoni. Jiġu kkunsidrati biss dawk il-kandidati li jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet.

Jekk l-applikazzjoni tiegħek hija ammissibbli, issir eżaminazzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi, skont il-kundizzjonijiet tal-avviż tal-kompetizzjoni, abbażi tal-informazzjoni miġbura fil-fajl ta' applikazzjoni ppreżentat b'mod elettroniku, billi din il-ġabra ta' informazzjoni tiġi vverifikata fi stadju ulterjuri abbażi tad-dokumenti ta' prova.

Il-kundizzjonijiet kollha ta' ammissjoni, kemm ġenerali kif ukoll speċifiċi, għandhom ikunu sodisfatti sad-data/dati stabbilita/stabbiliti fl-avviż tal-kompetizzjoni.

Jiġu kkunsidrati biss l-applikazzjonijiet li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha tal-avviż tal-kompetizzjoni.

5.2.   GĦAŻLA ABBAŻI TAL-KWALIFIKI

Fil-qafas tal-kompetizzjonijiet abbażi tal-kwalifiki u tal-eżamijiet (kompetizzjonijiet għal profili speċjalizzati), il-Bord tal-Għażla jagħżel, fost il-kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' ammissjoni għall-kompetizzjoni, lil dawk il-kandidati li għandhom il-kwalifiki l-aktar rilevanti (speċjalment diplomi u esperjenza professjonali) fid-dawl tad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet u tal-kriterji għall-għażla deskritti fl-avviż ta' kompetizzjoni. Din l-għażla ssir biss abbażi tad-dikjarazzjonijiet li jsiru mill-kandidati, fil-parti evalwatur tat-talenti tal-fajl ta' applikazzjoni elettronika, bħala tweġiba għall-mistoqsijiet li jinsabu fiha, u ssir f'żewġ fażijiet:

l-ewwel fażi abbażi ta' kwalifiki ssir biss skont ir-risposti mmarkati fil-parti “evalwatur tat-talenti” tal-fajl tal-applikazzjoni u tar-riflessjoni dwar kull mistoqsija, stabbilita minn qabel mill-Bord tal-Għażla skont il-piż li jingħata għal kull waħda minn dawn il-mistoqsijiet. Imbagħad, l-applikazzjonijiet elettroniċi tal-kandidati li jkunu kisbu l-akbar numru ta' punti jgħaddu għat-tieni għażla; In-numru ta' fajls li jiġu eżaminati matul it-tieni fażi huwa definit fl-avviż tal-kompetizzjoni,

fit-tieni fażi l-Bord tal-Għażla jeżamina r-risposti tal-kandidati u jagħtihom marka minn 0 sa 4 għal kull tweġiba. Din il-marka mbagħad tiġi mmultiplikata skont il-piż li jingħata lil kull mistoqsija.

Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Għażla jistabbilixxi klassifika tal-kandidati skont il-marki li jkunu kisbu wara t-tieni fażi. Dawk il-kandidati li jkunu kisbu l-aħjar marki, skont kif stabbilit fl-avviż tal-kompetizzjoni, jiġu aċċettati għall-istadju segwenti tal-kompetizzjoni.

5.3.   ĊENTRU TA' EVALWAZZJONI: METODOLOĠIJA

Fil-qafas tal-proċeduri l-ġodda tal-kompetizzjonijiet, l-EPSO juża mudell “Ċentru ta' Evalwazzjoni”, ibbażat fuq il-kompetenzi. Dan il-mudell intgħażel mill-istituzzjonijiet sabiex jiġu identifikati l-kandidati l-iktar xierqa u l-iktar kompetenti għall-profil meħtieġ. Wara l-fażi tat-testijiet ta' dħul u/jew tal-għażla abbażi tal-kwalifiki (skont il-każ), il-kandidati jiġu mistiedna għal dan iċ-Ċentru ta' Evalwazzjoni li ġeneralment isir fi Brussell. Ċerti eżerċizzji, minkejja li huma parti mill-metodoloġija taċ-ċentru ta' evalwazzjoni, jistgħu jkunu organizzati fuq kompjuter fi bliet oħra. F'dan il-każ, il-kundizzjonijiet prattiċi (ir-riżervazzjoni ta' data u ta' ċentru) ikunu simili għall-proċedura msemmija fil-punt 4.2 hawn fuq.

Fiċ-Ċentru ta' Evalwazzjoni, il-kompetenzi ġenerali tal-kandidati (ara l-punt 1.2), kif ukoll il-kompetenzi speċifiċi tagħhom (marbuta mad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet) se jiġu evalwati permezz ta' strumenti adattati li jistgħu, skont il-kompetizzjoni, jinkludu dawn l-elementi li ġejjin:

studju ta' Każ partikolari: eżami bil-miktub abbażi ta' xenarju relatat mal-UE, li fih ikun hemm diversi problemi li għandhom jiġu riżolti jew li inti għandek tirreaġixxi għalihom, billi tibbaża biss fuq il-materjal disponibbli,

eżerċizzji dwar il-kompetenzi speċifiċi,

preżentazzjoni orali: eżami individwali ta' analiżi u ta' preżentazzjoni li fih tiġi mitlub tħejji proposta dwar problema immaġinarja marbuta ma' sitwazzjoni professjonali. Wara analiżi tad-dokumentazzjoni li tingħatalek, inti għandek tippreżenta l-ideat tiegħek lil pubbliku limitat,

intervista strutturata (waħda jew iktar minn waħda): eżerċizzju individwali mmirat biex jiġbor, b'mod strutturat, informazzjoni relevanti dwar il-kompetenzi ġenerali tiegħek (u/jew speċifiċi fil-qasam ta' kompetizzjonijiet speċjalizzati) billi jenfasizza fuq l-esperjenza tiegħek f'sitwazzjonijiet li tkun iltqajt magħhom fil-passat,

eżerċizzju fi grupp: wara analiżi individwali ta' ċertu ammont ta' informazzjoni, inti tiltaqa' ma' parteċipanti oħra biex tiddiskuti magħhom ir-riżultati tiegħek u taslu għal deċiżjoni kollettiva,

eżerċizzju in-tray: eżami fuq kompjuter. Inti tiġi mitlub twieġeb għal serje ta' mistoqsijiet. Id-dokumentazzjoni li teħtieġ tkun tinsab f'inbox tal-email, li fiha ssib l-informazzjoni kollha relevanti,

eżamijiet prattiċi fil-lingwa,

test ta' raġunament verbali (6) (ara l-punt 4.2),

test ta' raġunament numeriku (6) (ara l-punt 4.2),

test ta' raġunament astratt (6) (ara l-punt 4.2),

test ta' valutazzjoni sitwazzjonali (6) (ara l-punt 4.2).

Spjegazzjoni dettaljata ta' dawn l-elementi tingħata fil-manwal “Ċentru ta' Evalwazzjoni” li jiġi pprovdut lill-kandidati mistiedna biex jipparteċipaw f'dan l-istadju. Jekk jogħġbok ikkonsulta l-avviż tal-kompetizzjoni biex tkun taf l-elementi li se jintużaw fil-kompetizzjoni tiegħek.

5.4.   LISTI TA' RIŻERVA

Bħala riżultat tal-proċedura tal-kompetizzjoni, il-Bord tal-Għażla jistabbilixxi lista ta' riżerva li tiġbor fiha l-ismijiet ta' min ikun għadda mill-kompetizzjoni. Wara, din il-lista tintbagħat lill-istituzzjonijiet li huma l-uniċi entitajiet responsabbli mir-reklutaġġ. Tajjeb li tkun taf li dokument imsejjaħ “passaport ta' kompetenzi” u li jirreferi għall-prestazzjonijiet tiegħek fiċ-Ċentru ta' Evalwazzjoni jiġi trażmess lill-istituzzjonijiet u jkun jista' jintuża minnhom matul il-proċedura ta' reklutaġġ kif ukoll fl-aspett ta' żvilupp tal-karriera.

Il-lista ta' riżerva, kif ukoll id-data tal-iskadenza tagħha jiġu ppubblikati (7) f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-EPSO. F'ċerti każi, huwa possibbli li din il-lista tiġi estiża. Id-deċiżjoni dwar l-estensjoni tiġi ppubblikata biss fuq il-websajt tal-EPSO.

6.   INFORMAZZJONI ĠENERALI

6.1.   TRAŻMISSJONI TAL-FAJL TA' APPLIKAZZJONI KOMPLUT

6.1.1.   X'inhu fajl komplut?

Dan huwa fajl li jinkludi kopja tal-applikazzjoni tiegħek iffirmata kif ukoll id-dokumenti ta' prova kollha meħtieġa.

6.1.2.   Meta għandu jiġi ppreżentat dan il-fajl?

Jekk mhuwiex speċifikat fl-avviż tal-kompetizzjoni li l-fajl għandu jintbagħat simultanjament mar-reġistrazzjoni elettronika, il-kandidati mistiedna fiċ-ċentru ta' evalwazzjoni jiġu mitluba espressament iġibu magħhom il-fajl komplut dakinhar tal-eżamijiet tagħhom. EPSO ma jikkunsidrax, u lanqas jibgħat lura, fajls li jiġu ppreżentati mingħajr stedina speċifika. Skont ir-regoli tal-protezzjoni tad-dejta, dawn il-fajls għandhom jinqerdu.

6.1.3.   Kif tista' tippreżenta l-fajl tiegħek?

1)

Ipprintja, mill-profil tal-EPSO tiegħek, l-applikazzjoni elettronika li vvalidajt elettronikament;

2)

iffirmaha bil-kitba fil-kaxxa maħsuba għal dan il-għan;

3)

ehmeż id-dokumenti ta' prova kollha meħtieġa (ara l-punt 6.1.4) innumerati minn qabel;

4)

ehmeż indiċi nnumerat tad-dokumenti ta' prova kollha annessi mal-fajl tiegħek;

5)

ippreżenta l-fajl tiegħek skont il-kundizzjonijiet indikati fl-istedina tiegħek jew fl-avviż tal-kompetizzjoni.

6.1.4.   Liema dokumenti ta' prova għandhom jiġu mehmuża mal-fajl komplut?

6.1.4.1.   Dispożizzjonijiet Ġenerali

Tippreżentax dokumenti oriġinali, għandhom jiġu mehmuża biss fotokopji mhux iċċertifikati tad-dokumenti mitluba. Ir-referenzi għal websajts mhumiex meqjusa bħala dokumenti. Paġni pprintjati minn websajts mhumiex meqjusa bħala dikjarazzjonijiet, iżda jistgħu jiġu mehmuża biss bħala informazzjoni addizzjonali.

Biex timla l-applikazzjoni tiegħek, ma tistax tirreferi għal applikazzjonijiet oħra jew dokumenti oħra mehmuża ma' applikazzjoni preċedenti. Ma jingħataw lura l-ebda dokumenti li tkun ippreżentajt mad-diversi applikazzjonijiet.

Nixtiequ niġbdulek l-attenzjoni għall-fatt li l-kandidati li jgħaddu u li jitniżżlu fil-lista ta' riżerva li jirċievu offerta ta' impjieg iridu, qabel ma jiġu rreklutati, jippreżentaw id-dokumenti oriġinali kollha biex jiġu vverifikati.

6.1.4.2.   Dokumenti ta' prova għall-kundizzjonijiet ġenerali

Biex tiġġustifika li:

għandek iċ-ċittadinanza meħtieġa:

jekk jogħġbok ehmeż kopja ta' dokument li juri ċ-ċittadinanza (passaport, karta tal-identità jew kwalunkwe dokument uffiċjali ieħor li jsemmi espliċitament iċ-ċittadinanza, li għandu jkun validu fl-iskadenza stipulata għar-reġistrazzjoni elettronika).

Ebda dokument mhu meħtieġ f'dan l-istadju biex jiġġustifika li:

tgawdi mid-drittijiet ta' ċittadin,

tkun wettaqt kull obbligu impost mil-liġijiet ta' reklutaġġ applikabbli għas-servizz militari,

toffri r-referenzi dwar il-karattru meħtieġa biex taqdi d-dmirijiet previsti.

Huwa permezz tal-firma tal-applikazzjoni tiegħek li tiċċertifika fuq l-unur tiegħek li tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet. Għalhekk huwa obbligatorju li tiffirma l-applikazzjoni tiegħek.

6.1.4.3.   Dokumenti ta' prova għall-kundizzjonijiet speċifiċi

Hija r-responsabbiltà tiegħek li tipprovdi lill-Bord tal-Għażla bl-informazzjoni u bid-dokumenti kollha li jippermettulu jivverifika jekk int tissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati fl-avviż tal-kompetizzjoni sad-data stabbilita fih.

1.

Diploma u/jew ċertifikati li juru t-tmiem b'suċċess tal-istudji. Għall-istudju post sekondarju, ehmeż l-aktar informazzjoni dettaljata possibbli, b'mod partikolari dwar is-suġġetti studjati u t-tul ta' żmien li ġew studjati, sabiex il-Bord tal-Għażla jkun jista' jevalwa r-rilevanza tad-diploma tiegħek fid-dawl tan-natura tal-kariga. Jekk segwejt taħriġ tekniku jew professjonali, jew kors ta' perfezzjonament jew ta' speċjalizzazzjoni, għandek tindika jekk dan kienx kors full-time, kors part-time jew kors ta' filgħaxija, kif ukoll is-suġġetti ttrattati u t-tul ta' żmien uffiċjali tal-istudji.

F'dan ir-rigward, il-Bord tal-Għażla se jqis l-istrutturi differenti ta' tagħlim. Fil-websajt tal-EPSO issib eżempji ta' diplomi minimi meħtieġa skont il-kategorija. Madankollu, jistgħu jiġu imposti kundizzjonijiet iktar eżiġenti mill-avviż tal-kompetizzjoni.

2.

Esperjenza professjonali (jekk mitluba mill-avviż tal-kompetizzjoni)

Huwa importanti li jingħataw l-aktar dettalji possibbli dwar in-natura tal-kompiti li jkunu twettqu sabiex il-Bord tal-Għażla jkun f'pożizzjoni li jevalwa r-rilevanza tal-esperjenza tiegħek fid-dawl tan-natura tal-funzjonijiet. Il-perjodi kollha ta' attività professjonali kkonċernati għandhom ikunu koperti mid-dokumenti ta' prova li ġejjin:

dikjarazzjonijiet minn impjegaturi fil-passat kif ukoll minn impjegatur attwali li juru l-esperjenza professjonali meħtieġa għad-dħul għall-kompetizzjoni; dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom isemmu n-natura tal-kompiti mwettqa, id-data tal-bidu u tat-tmiem tagħhom, kif ukoll il-livell tagħhom,

jekk ma tistax tehmeż id-dikjarazzjonijiet minn impjegaturi dwar ix-xogħol, tista' tissostitwixxihom b'fotokopji tal-kuntratt(i) tax-xogħol flimkien mal-ewwel u l-aħħar irċevuta tal-paga, iżda dawn iridu jkunu akkumpanjati wkoll minn deskrizzjoni dettaljata tal-kompiti mwettqa,

għall-attivitajiet professjonali indipendenti (impjieg għal rasek jew attività professjonali għal rasek,...), jistgħu jiġu aċċettati bħala provi xi kontijiet jew formoli ta' ordnijiet li jiddeskrivu l-kompiti mwettqa jew kwalunkwe dokument uffiċjali ta' prova ieħor li hu relevanti,

għall-kompetizzjonijiet għall-interpreti ta' konferenzi, fejn l-esperjenza professjonali hija meħtieġa, jiġu kkunsidrati biss id-dokumenti li jippruvaw li l-esperjenza tirrigwarda speċifikament l-interpretar ta' konferenzi u li jindikaw ċarament in-numru ta' ġranet kif ukoll il-lingwi ta' interpretar.

6.1.4.4.   Dokumenti ta' prova għall-għarfien lingwistiku (jekk mitluba mill-avviż tal-kompetizzjoni)

Ġeneralment mhuwa meħtieġ l-ebda dokument ta' prova għal din il-kundizzjoni, ħlief għal ċerti kompetizzjonijiet għal karigi lingwistiċi (jekk jogħġbok irreferi għall-avviż tal-kompetizzjoni). Fil-każ ta' dawn il-kompetizzjonijiet u skont l-avviż tal-kompetizzjoni, l-għarfien tal-lingwi meħtieġ għandu jkun ippruvat minn diploma jew minn nota fuq karta separata li tispjega kif ksibt l-għarfien ta' dawn il-lingwi.

6.2.   AĊĊESS GĦALL-INFORMAZZJONI

Fil-kuntest tal-proċeduri tal-kompetizzjonijiet, il-kandidati għandhom dritt speċifiku li jkollhom aċċess, fil-kundizzjonijiet deskritti aktar 'il quddiem, għal ċerta informazzjoni li tirrigwardahom direttament u individwalment.

F'dan il-qafas, tingħatalek awtomatikament l-informazzjoni segwenti:

1)   Il-fażi tat-testijiet ta' dħul fuq il-kompjuter

Ir-riżultati tiegħek tat-testijiet. Dawn ma juru la d-domandi u lanqas ir-risposti, iżda jinkludu biss ir-referenza għar-risposti li tkun għażilt kif ukoll ir-referenza għar-risposti t-tajbin.

2)   Fażi taċ-Ċentru ta' Evalwazzjoni

Ħlief jekk titlaq matul l-eżamijiet, għandhom jingħatawlek il-marki globali tiegħek skont il-kompetenza evalwata (kompetenzi speċifiċi fil-qasam u kompetenzi ġenerali) kif ukoll il-passaport tal-kompetenzi tiegħek.

6.3.   TALBA GĦAL REVIŻJONIJIET

Huwa possibbli li tintroduċi talba ta' reviżjoni f'dawn il-każijiet:

fil-każ li l-EPSO ma jkunx irrispetta d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura tal-kompetizzjoni,

fil-każ fejn il-Bord tal-Għażla ma jkunx irrispetta d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-ħidmiet tiegħu.

Qed tinġibidlek l-attenzjoni għall-fatt li l-Bord tal-Għażla għandu setgħa kbira diskrezzjonali fid-determinazzjoni tar-risposti tajbin jew ħżiena tiegħek. Fin-nuqqas ta' żball ovvju fid-dritt jew fil-fatt, huwa inutli li tikkontesta l-punti li tkun ġibt.

Jekk it-talba tiegħek taqa' taħt il-kompetenza tal-Bord tal-Għażla, l-EPSO jibgħat l-ittra tiegħek lill-president tal-Bord tal-Għażla u tintbagħtlek tweġiba kemm jista' jkun malajr.

Kundizzjonijiet

Għandek iddaħħal it-talba tiegħek, bir-raġunijiet validi, mhux iktar tard minn għaxart ijiem kalendarji mid-data meta tirċievi l-ittra onlajn li tintbagħtlek mill-EPSO.

jew permezz tal-formola ta' kuntatt ippubblikata fuq il-websajt tal-EPSO,

jew bil-faks f'dan in-numru: +32 22957488.

Jekk jogħġbok fis-suġġett tal-ittra tiegħek indika:

in-numru tal-kompetizzjoni,

in-numru tiegħek ta' kandidat,

l-indikazzjoni “demande de réexamen”, “request for review”, “Antrag auf Überprüfung” (agħżel waħda),

l-istadju (8) tal-kompetizzjoni kkonċernat (pereżempju: testijiet ta' dħul, ċaħda ta' ammissjoni, ċentri ta' evalwazzjoni).

6.4.   RIMEDJI

F'kull stadju tal-proċedura tal-kompetizzjoni, jekk tqis li l-EPSO jew il-Bord tal-Għażla ma mxewx b'mod ġust jew ma rrispettawx:

id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura tal-kompetizzjoni, jew

id-dispożizzjonijiet tal-avviż tal-kompetizzjoni,

u li dan kien ta' ħsara għalik, tista' tirrikorri għal dawn il-mezzi li ġejjin:

tressaq ilment amministrattiv fuq il-bażi tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea,

jew bil-posta f'dan l-indirizz li ġej:

L-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO)

Kompetizzjoni Ġenerali EPSO/(indika r-referenza tal-kompetizzjoni)

C-25

1049 Brussell

Il-Belġju

jew permezz tal-paġna ta' kuntatt tal-websajt tal-EPSO.

Jekk jogħġbok fis-suġġett tal-ittra tiegħek indika:

in-numru tal-kompetizzjoni,

in-numru tiegħek ta' kandidat,

ir-referenza “réclamation article 90, §2”, “complaint article 90 §2”, “Beschwerde Artikel 90, Absatz 2” (agħżel waħda),

l-istadju (8) tal-kompetizzjoni kkonċernat.

Nixtiequ niġbdulek l-attenzjoni għall-fatt li d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla ma jistgħux jiġu annullati jew mibdula mid-direttur tal-EPSO wara li jiġi ppreżentat ilment amministrattiv. Għalhekk, minkejja li r-regoli fis-seħħ iħallu din il-possibbiltà miftuħa għall-kandidati, huwa inutli li jiġi ppreżentat ilment kontra deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla  (9) .

Id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla jistgħu jkunu kkontestati direttament quddiem il-Qrati tal-Unjoni Ewropea mingħajr ma jiġi ppreżentat ilment qabel, skont it-tifsira tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal.

tintroduċi rimedju ġudizzjarju fuq il-bażi tal-Artikolu 270 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal quddiem:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea

Boulevard Konrad Adenauer

2925 Luxembourg

Il-Lussemburgu

Tajjeb li tkun taf li r-rikorsi dwar żball ta' evalwazzjoni li jikkonċernaw il-kriterji ġenerali ta' ammissjoni, u li ma jaqawx taħt l-awtorità tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni, ikunu jistgħu jiġu ppreżentati fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku biss jekk jitressaq ilment amministrattiv qabel f'konformità mal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, skont il-kundizzjonijiet deskritti taħt dan il-punt.

Għad-dettalji dwar kif tressaq ir-rikors tiegħek għandek tikkonsulta l-websajt tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea: http://curia.europa.eu/jcms/jcms/T5_5230.

Għal dawn iż-żewġ tipi ta' proċeduri, il-limiti ta' żmien ta' politika pubblika stipulati (irreferi għar-Regolamenti tal-Persunal emendati bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004 (10) — http://eur-lex.europa.eu) jibdew jgħoddu min-notifika tal-att li jkun qed isir l-ilment dwaru.

6.5.   ILMENTI LILL-OMBUDSMAN EWROPEW

Bħaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, tista' tressaq ilment lil:

Ombudsman Ewropew

1 avenue du Président Robert Schuman —

CS 30403

67001 Strasbourg Cedex

Franza

http://www.ombudsman.europa.eu/media/mt/default.htm

Qed tinġibidlek l-attenzjoni għall-fatt li rikors lill-Ombudsman ma jinterrompix il-limitu ta' żmien ta' politika pubblika previst mill-paragrafu 2 tal-Artikolu 90 u mill-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-preżentazzjoni ta' ilment jew rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fuq il-bażi tal-Artikolu 270 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Bl-istess mod, għandek tiftakar ukoll li, skont il-punt 4 fl-Artikolu 2 tal-Kundizzjonijiet Ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman, kull ilment li jitressaq quddiemu għandu jkun preċedut minn approċċ amministrattiv xieraq mal-korpi kkonċernati.

7.   REKLUTAĠĠ

Il-fatt li ismek ikun fil-lista ta' riżerva jindika li inti tista' tissejjaħ minn istituzzjoni biex issirlek intervista, iżda dan la jikkostitwixxi dritt u lanqas garanzija ta' reklutaġġ minn xi istituzzjoni.

Ir-reklutaġġ iseħħ, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, u skont il-ħtiġijiet tas-servizzi u tal-qagħda baġitarja. Dan ir-reklutaġġ isir fil-grad imsemmi fl-avviż tal-kompetizzjoni.

Skont in-natura tal-impjieg, jista' jkun li inizjalment, jekk tirnexxi fil-kompetizzjoni, issirlek proposta ta' kuntratt ta' aġent temporanju; f'dan il-każ, ismek jibqa' jidher fil-lista ta' riżerva.

Ir-Regolamenti tal-Persunal jipprevedu l-possibbiltà li fi kwalunkwe mument tal-karriera tiegħu, uffiċjal jista' jitlob trasferiment għal istituzzjoni jew aġenzija oħra. Madankollu tajjeb li tkun taf li, b'kunsiderazzjoni tal-interess tas-servizz, għall-uffiċjali li jkunu għadhom kemm ġew impjegati, it-trasferiment qabel l-iskadenza ta' mill-anqas tliet snin wara d-dħul tagħhom fis-servizz, mhux possibbli għajr f'każijiet eċċezzjonali u għal raġunijiet debitament iġġustifikati, fejn kull każ individwali jkun soġġett għall-approvazzjoni tal-istituzzjoni jew tal-aġenzija minn fejn l-uffiċjal ikun ġie impjegat oriġinarjament u tal-istituzzjoni jew aġenzija fejn ikun se jiġi trasferit.

8.   TAGĦRIF IEĦOR

Għal aktar informazzjoni dwar il-punti li ġejjin ikkonsulta l-websajt tal-EPSO:

ħlas lura tal-ispejjeż ta' vjaġġar tal-kandidati,

opportunitajiet indaqs,

protezzjoni tad-dejta,

salarju u benefiċċji tas-sigurtà soċjali.


(1)  Soġġett għad-derogi eventwali mogħtija skont l-Artikolu 28(a) tar-Regolamenti tal-Persunal, u tal-miżuri speċifiċi adottati għar-reklutaġġ taċ-ċittadini ta' pajjiżi li qegħdin fl-Unjoni.

(2)  L-ismijiet tal-membri tal-Bord tal-Għażla huma ppubblikati fuq il-websajt tal-EPSO (www.eu-careers.eu)

(3)  Terminu mniżżel fi tliet lingwi fuq il-websajt tal-EPSO:

 

DE (Ġermaniż): EPSO-Konto,

 

EN (Ingliż): EPSO account,

 

FR (Franċiż): compte EPSO.

(4)  Mistoqsijiet imniżżla taħt it-terminu “FAQ” fil-websajt tal-EPSO.

(5)  ĠU L 267, 20.10.2000, p. 63.

(6)  Jekk ma jkunux saru fil-fażi ta' testijiet ta' ammissjoni, skont il-każ.

(7)  Fuq it-talba ta' persuna li tkun temmet il-kompetizzjoni b'suċċess, isimha ma jkunx ippubblikat. Din it-talba għandha tasal għand l-EPSO sa mhux iktar tard minn ġimagħtejn wara d-data li fiha jkunu ttellgħu l-marki fil-profil tal-EPSO tal-kandidat ikkonċernat.

(8)  Dawn ir-referenzi għandhom jiġu indikati biss bil-DE/bl-EN/bil-FR.

(9)  Is-Sentenza tas-26 ta' Frar 1981, Authié vs Il-Kummissjoni (il-Każ 34/80, Ġabra. p. 665) (ref. paragrafu 7); Is-Sentenza tat-30 ta' Novembru 1978, Salerno e.a. vs Il-Kummissjoni (il-Każijiet konġunti 4, 19 u 28/78, Ġabra. p. 2403).

(10)  ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1.