Opinion of the Advocate-General

Opinion of the Advocate-General

“Kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet u għal provvisti

Proċedura ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi

Interpretazzjoni tal-Artikolu 2(8) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE

Dritt tal-awtorità kontraenti li tippreżenta rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjonijiet ta’ korp responsabbli għall-proċeduri ta’ reviżjoni li ma huwiex ta’ natura ġudizzjarja”

I – Introduzzjoni

1. L-Anotato Dikastirio (Qorti Suprema) ta’ Ċipru, bħala qorti tal-ewwel istanza (2), tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk mill-Artikolu 2(8) tad-Direttiva 89/665/KEE (3) jistax jiġi dedott dritt tal-awtorità kontraenti li tikkontesta fid-dritt l-annullament tad-deċiżjoni tagħha minn korp amministrattiv responsabbli għall-kontroll ta’ proċeduri ta’ reviżjoni.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-Direttiva 89/665

2. Skont l-Artikolu 1(1), “[l]-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li, fir-rigward ta’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi li jaqgħu fl-iskop tad-Direttivi 71/305/KEE u 77/62/KEE, id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kuntrattwali jistgħu jiġu riveduti effettivament, u b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli li ġejjin, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 2(7) fuq il-bażi li dawn id-deċiżjonijiet kisru l-liġi tal-Komunità fil-qasam ta’ l-akkwist pubbliku jew tar-regoli nazzjonali li jimplimentaw dik il-liġi” (4) .

3. L-Artikolu 1(3) jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni huma disponibbli, taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, ta’ l-anqas għal kull persuna li jkollha jew kellha interess li takkwista kuntratt partikolari ta’ provvista pubblika jew xogħlijiet pubbliċi u li tkun sofriet ħsara jew qiegħda f’riskju li ssofri ħsara minn ksur allegat. B’mod partikolari, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li persuna li tfittex reviżjoni għandha tkun qabel innotifikat lill-awtorità kuntrattwali bil-ksur allegat u bl-intenzjoni tagħha li tfittex reviżjoni.”

4. Skont l-Artikolu 2(8):

“Meta l-korpi responsabbli għall-proċeduri tar-reviżjoni ma jkunux ta’ karattru ġudizzjarju, raġunijiet bil-miktub għad-deċiżjonijiet tagħhom għandhom dejjem jingħataw. Barra minn hekk, f’dak il-każ, għandha ssir dispożizzjoni biex tiggarantixxi proċeduri li bihom kull miżura allegatament illegali meħuda mill-korp ta’ reviżjoni jew kull difett allegat fl-eżerċizzju tal-poteri mogħtija jistgħu jkunu suġġett ta’ reviżjoni ġudizzjarja jew reviżjoni minn korp ieħor li jkun il-qorti jew it-tribunal fis-sens ta’ l-Artikolu 177 tat-Trattat tal-KEE u indipendentement minn kemm l-awtorità li tikkuntratta kif ukoll il-korp ta’ reviżjoni.

[…]” (5) .

B – Id-dritt Ċiprijott

5. Skont l-Artikolu 146(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika ta’ Ċipru, rikors ġudizzjarju kontra atti jew ommissjonijiet tal-amministrazzjoni pubblika “jista’ jiġi ppreżentat minn kull persuna li għandha interess leġittimu attwali, bħala individwu jew membru ta’ komunità, liema interess huwa affettwat b’mod dirett u detrimentali b’tali deċiżjoni, att jew ommissjoni”.

6. Il-Liġi Nru 101(I)/2003 dwar l-għoti ta’ kuntratti (provvisti, xogħlijiet u servizzi), fil-verżjoni emendata bil-Liġi Nru 181(I)/2004, ġiet adottata għall-finijiet tat-traspożizzjoni tad-dritt Komunitarju fid-dritt Ċiprijott, fosthom anki d-Direttiva 89/665/KEE; u għal dan il-għan l-Artikolu 55 waqqaf l-Anatheoritiki Archi Prosforon (awtorità ta’ reviżjoni tal-kuntratti pubbliċi; iktar ’il quddiem: l-“awtorità ta’ reviżjoni”), li permezz tal-Artikolu 56 ingħatat il-kompetenza tiddeċiedi dwar l-“appelli ġerarkiċi” ippreżentati kontra d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti. L-Artikolu 60 ta’ din il-liġi, kif emendat bil-Liġi Nru 181(I)/2004 jipprovdi: “Jekk il-persuna kkonċernata tikkunsidra d-deċiżjoni tal-[awtorità ta’ reviżjoni tal-offerti] bħala inġusta fil-konfront tagħha, din għandha d-dritt titlob reviżjoni mill-Anotato Dikastirio skont l-Artikolu 146 tal-Kostituzzjoni. L-awtorità kontraenti għandha wkoll id-dritt li titlob reviżjoni mill-Anotato Dikastirio skont l-Artikolu 146 tal-Kostituzzjoni fil-każ fejn, fuq bażi ta’ provi xierqa, id-deċiżjoni tal-[awtorità ta’ reviżjoni tal-offerti] titqies li hija inġusta għal tali awtorità”.

7. Kif ser naraw iktar ’il quddiem, din id-dispożizzjoni kienet suġġett ta’ dikjarazzjoni tal-Anotato Dikastirio li hija rilevanti b’mod partikolari għall-każ inkwistjoni.

III – Il-fatti li taw lok għall-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8. F’Ġunju 2003, is-Symvoulio Apochetefseon Lefkosias (il-Bord tad-Drenaġġ ta’ Nikosija, iktar ’il quddiem: is-“Symvoulio”) (6), bħala awtorità kontraenti, ippubblika sejħa għall-offerti għall-ipproġettar, il-kostruzzjoni, il-ġestjoni u l-manutenzjoni, matul għaxar snin, ta’ impjant għat-trattament ta’ ilma mormi fil-lokalità ta’ Anthoupolis.

9. Fost l-offerenti preselezzjonati, kien hemm il-konsorzji Degremont SA & Atlas Pantou Co Ltd (iktar ’il quddiem “Degremont”) u WTE BAMAG.

10. Wara l-preżentazzjoni tal-offerti korrispondenti, is-Symvoulio ikkomunika lil Degremont id-deċiżjoni li tagħti l-kuntratt lill-konsorzju WTE BAMAG.

11. Fis-7 ta’ Ottubru 2005, Degremont ippreżenta appell minn din id-deċiżjoni quddiem l-Anatheoritiki, fejn talab, bħala miżura provviżorja, li ma tiġix eżegwita d-deċiżjoni tas-Symvoulio, peress li kienet timplika l-għoti irriversibbli tal-kuntratt. Is-seduta dwar il-miżura provviżorja ġiet stabbilita għat-13 ta’ Ottubru 2005, iżda peress li s-sempliċi preżentata tat-talba għall-miżuri provviżorji ma kinitx tagħti lok għal sospensjoni (fil-mument tal-fatti), is-Symvoulio effettivament attribwixxa l-kuntratt lill-konsorzju WTE BAMAG, qabel ma l-Anatheoritiki tat deċiżjoni dwar it-talba għas-sospensjoni.

12. Fl-14 ta’ Frar 2006, l-Anatheoritiki ddeċidiet dwar l-appell (fil-mertu), billi annullat id-deċiżjoni tas-Symvoulio. (7)

13. Il-kumpannija WTE BAMAG ma ppreżentatx rikors ġudizzjarju kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Anotato Dikastirio. Bil-kontra, is-Symvoulio (8) ppreżenta rikors fil-31 ta’ Marzu 2006, fejn invoka, għall-fini tal- locus standi tiegħu, l-Artikolu 146(2) tal-Kostituzzjoni u l-Artikolu 60 tal-Liġi Nru 101(I)/2003, dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi.

14. Sakemm ġiet deċiża l-imsemmija talba għal reviżjoni, l-Anotato Dikastirio, fis-sede plenarja tagħha, tat sentenza fl-10 ta’ Diċembru 2007, fir-rigward ta’ rikors ieħor (9) bejn l-istess partijiet. Fit-tali sentenza, l-Anotato Dikastirio rrifjutat l-argument li s-Symvoulio, bħala awtorità kontraenti, kellu interess leġittimu li jirrevedi d-deċiżjoni ta’ annullament tal-awtorità ta’ reviżjoni minħabba li, fil-qosor (1) din id-deċiżjoni hija parti minn proċedura kumplessa ta’ għoti ta’ kuntratt, (2) l-Anatheoritiki hija korp amministrattiv tat-tieni istanza (istanza superjuri) fir-rigward tas-Symvoulio, u għal din ir-raġuni parti tal-amministrazzjoni ma tistax tinvoka interess leġittimu kontra parti oħra tal-amministrazzjoni, (3) l-awtoritajiet kontraenti jaġixxu fl-interess pubbliku, iżda ma għandhomx interessi individwali, u (4) l-Artikolu 60 tal-Liġi Nru 101(I)/2003 ma jistax jagħti dritt ta’ reviżjoni lill-awtorità kontraenti jekk tali dritt ma huwiex rikonoxxut mill-Artikolu 146(2) tal-Kostituzzjoni.

15. Bħala qorti tal-ewwel istanza, l-Anotato Dikastirio (fil-kuntest tal-Kawża 629/2006), konxja mill-ġurisprudenza tas-sede plenarja tagħha, u minħabba li tali ġurisprudenza ma fihiex analiżi tad-dritt Ċiprijott fid-dawl tad-Direttiva 89/665, issospendiet il-proċeduri u ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Sa fejn l-Artikolu 2(8) tad-Direttiva 89/665/KE jirrikonoxxi lill-awtoritajiet kontraenti d-dritt għal rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjonijiet ta’ annullament meħuda minn korpi responsabbli għall-proċeduri ta’ reviżjoni, meta dawn il-korpi ma jkunux ta’ natura ġuridika?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16. It-talba għal deċiżjoni tar-rinviju ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Diċembru 2008.

17. Is-Symvoulio, il-Gvern tar-Repubblika Ċeka u l-Kummissjoni jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta pożittiva għad-domanda magħmula mill-Anotato Dikastirio, fis-sens li l-Artikolu 2(8) jirrikonoxxi lill-awtoritajiet kontraenti d-dritt għal rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjonijiet tal-korpi responsabbli għall-proċeduri ta’ reviżjoni.

18. Skont l-awtorità ta’ reviżjoni, id-Direttiva 89/665 toffri protezzjoni lill-impriżi iżda mhux lill-awtoritajiet kontraenti, li ma jistgħux jitqiesu li għandhom interess individwali sabiex jippreżentaw rimedju ġudizzjarju kontra l-korpi responsabbli mir-reviżjoni tad-deċiżjonijiet tagħhom.

19. Matul is-seduta tal-25 ta’ Marzu 2010, ġew ippreżentati osservazzjonijiet orali mir-rappreżentanti tas-Symvoulio, tal-awtorità ta’ reviżjoni kif ukoll tal-Kummissjoni.

V – Fuq il-mertu

20. Ir-rinviju preliminari tal-Anotato Dikastirio jqajjem il-kwistjoni, li hija ġdida għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dwar jekk, skont id-Direttiva 89/665, awtorità kontraenti għandux ikollha dritt ta’ reviżjoni tad-deċiżjonijiet ta’ korp pubbliku ieħor, li huwa inkarigat jeżamina mill-ġdid id-deċiżjonijiet tal-imsemmija awtorità, meta, bla ħsara għan-natura pubblika taż-żewġ korpi, dawn għandhom personalità ġuridika differenti, u barra minn hekk, jappartjenu ma’ oqsma differenti tal-amministrazzjoni u, mill-aspett funzjonali, iwettqu rwoli differenti.

21. Ir-risposta għal din id-domanda titlob ċerti kunsiderazzjonijiet preliminari dwar l-istruttura tar-reviżjonijiet previsti mid-Direttiva 89/665, qabel ma wieħed jipproċedi għall-eżami tal-portata tal-Artikolu 2(8) tad-direttiva, li huwa invokat hawnhekk.

22. Mit-tielet premessa tal-preambolu tad-direttiva huwa indikat li “il-ftuħ ta’ l-akkwist pubbliku għall-kompetizzjoni mill-Komunità jeħtieġ żieda sostanzjali fil-garanziji ta’ trasparenza u non-diskriminazzjoni u [...] biex ikun hemm effetti tanġibbli, rimedji effettivi u rapidi għandhom ikunu disponibbli fil-każ ta’ ksur tal-liġi tal-Komunità fil-kamp ta’ l-akkwist pubbliku jew regoli nazzjonali li jimplimentaw dik il-liġi”, dikjarazzjoni li hija konformi mal-miżuri “sostanzjali” (10) intiża li tikkoordina l-proċeduri ta’ għoti tal-kuntratti pubbliċi fuq livell Komunitarju.

23. L-Istati Membri jgawdu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fit-twettiq tas-sistema tal-mezzi ta’ reviżjoni prevista mid-direttiva, li “tistabbilixxi biss il-kundizzjonijiet minimi li l-proċeduri ta’ reviżjoni stabbiliti fis-sistemi legali nazzjonali għandhom ikollhom sabiex jiggarantixxu l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi” (11) .

24. Dan huwa għalfejn, biex wieħed jagħti biss eżempju, id-direttiva ma tinkludi ebda dispożizzjoni speċifika dwar il-kundizzjonijiet tat-terminu relatat mar-rimedji li hija għandha l-għan li tistabbilixxi (12) .

25. B’mod partikolari, u fir-rigward tal-punt li jikkonċernana f’dan l-istadju, id-direttiva tillimita ruħha li tiggarantixxi li l-proċeduri ta’ reviżjoni pprovduti fid-direttiva jkunu aċċessibbli “ta’ l-anqas” għal kull persuna li jkollha jew kellha interess li tikseb kuntratt pubbliku partikolari u li tkun sofriet dannu jew qiegħda f’riskju li ssofri dannu minn ksur allegat tad-dritt Komunitarju fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi jew regoli nazzjonali li jittrasponu dan id-dritt (13) .

26. Fi kwalunkwe każ, il-leġiżlatur Komunitarju ried li l-aħħar istanza ta’ sħarriġ ta’ leġittimità fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi tkun ikkostitwita minn korp ġudizzjarju (14) direttament, jiġifieri meta l-istanza ta’ reviżjoni hija qorti, jew indirettament, meta l-qrati jikkunsidraw reviżjoni permezz ta’ deċiżjoni ta’ korp amministrattiv ta’ reviżjoni, li seta’ ġie stabbilit. Din tal-aħħar tirrifletti s-sitwazzjoni ta’ Ċipru, fejn il-ġurisdizzjoni sabiex tiġi deċiża talba għal reviżjoni mressqa kontra l-atti tal-imsemmi korp amministrattiv maħluq għal dan il-għan (l-awtorità ta’ reviżjoni) hija fdata lill-Anotato Dikastirio (Qorti Suprema).

27. Madankollu, mill-mument li d-direttiva tippermetti lill-istanza intermedja tiddeċiedi dwar il-mertu tat-talbiet għal reviżjoni kontra d-deċiżjonijiet tal-awtorità kontraenti, huwa evidenti li b’dan il-mod, ir-reviżjoni ġudizzjarja, li neċessarjament issegwi, tista’ tiċċaħħad, sa ċertu punt, mir- raison d’être tagħha. Fil-fatt, waqt l-istħarriġ ġudizzjarju, isir stħarriġ tal-korrettezza tad-deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva, billi jiġi kkonfermat jew annullat l-att relattiv ta’ għoti, fuq talba tal-persuni li, skont il-każ, huma awtorizzati jippreżentaw tali rikors.

28. Tali kunsiderazzjoni tindika li l-problema mqajma minn dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma kinitx titqajjem, b’definizzjoni, fis-sistemi legali nazzjonali li jkunu għażlu li ma jkollhomx korpi amministrattivi ta’ reviżjoni, iżda li jkunu pprevedew unikament u direttament mezzi ta’ reviżjoni ġudizzjarji. F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu biss ikunu konvenuti. Bil-kontra, fil-mument fejn isir rikors ġudizzjarju kontra deċiżjoni ta’ reviżjoni tal-korp amministrattiv ta’ kontroll, huwa possibbli li, apparti l-impriżi li jsofru dannu minħabba l-imsemmi annullament, jidhru fil-kawża bħala rikorrenti wkoll l-awtoritajiet kontraenti.

29. Huwa għalhekk li, fil-każ preżenti, is-Symvoulio, forsi fit-tentattiv li tevita l-possibbiltà ta’ rikors għad-danni kontriha, titlob stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni tal-awtorità ta’ reviżjoni li annullat l-għoti ta’ kuntratt lil offerent partikolari.

30. Għaldaqstant, għandu jiġi stabbilit jekk, abbażi ta’ tali evalwazzjoni, għandux jiġi rikonoxxut id-dritt invokat mis-Symvoulio.

31. Fl-opinjoni tiegħi, il- locus standi tal-awtorità kontraenti li tikkontesta fid-dritt att ta’ korp amministrattiv responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni li jannulla d-deċiżjoni tagħha ma hijiex meħtieġa u lanqas tirriżulta mid-Direttiva 89/665.

32. Fl-ewwel lok, il-qari flimkien tas-seba’ u tat-tmien premessi ma jimmilitax favur interpretazzjoni li ssostni li l-previżjoni ta’ aċċess għall-proċeduri ta’ sħarriġ ġudizzjarju minn awtorità kontraenti tikkostitwixxi rekwiżit tad-direttiva. Fil-fatt, f’tali premessi tissemma’ biss espressament it-talba għal reviżjoni mill-impriżi, bil-preċiżazzjoni li, jekk impriżi ma jitolbux reviżjoni, “ċertu ksur ma jistax jiġi korrett”.

33. Fit-tieni lok, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665, filwaqt li jsemmi n-neċessità li tiġi prevista reviżjoni effettiva kontra d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti, jirrikonoxxi preċiżament il-fatt li dawn jistgħu jkunu konvenuti, iżda ma jistax jiġi dedott minn xi dispożizzjoni oħra tad-direttiva stess li dawn għandhom locus standi .

34. Fl-aħħar, din it-teżi, ħafna iktar restrittiva, tiġi kkonfermata mill-Artikolu 1(3) tad-direttiva minħabba li l-possibbiltà li jiġu proposti l-proċeduri ta’ reviżjoni relattivi għandha tiġi ggarantita “ta’ l-anqas” għal kull persuna “li jkollha jew kellha interess li takkwista kuntratt partikolari ta’ provvista pubblika jew xogħlijiet pubbliċi u li tkun sofriet ħsara jew qiegħda f’riskju li ssofri ħsara minn ksur allegat”, formulazzjoni li tidher li tagħti lok, għall-inqas, għall-possibbiltà ta’ esklużjoni tal-awtoritajiet kontraenti. Barra minn hekk, tali dispożizzjoni ma tidhirx li tagħmel referenza għal tali awtoritajiet, minħabba li tawtorizza l-Istati Membri li jeħtieġu li l-persuna li tixtieq titlob reviżjoni għandha tkun qabel innotifikat “lill-awtorità kuntrattwali bil-ksur allegat u bl-intenzjoni tagħha li tfittex reviżjoni”.

35. Huwa minnu wkoll li fil-qari tad-direttiva sal-Artikolu 2(8), wieħed josserva l-użu ta’ lingwaġġ iktar miftuħ, fejn, b’differenza minn partijiet oħra, ma hemmx referenza diretta għall-offerenti (jiġifieri għall-persuni li għandhom interess li jiksbu kuntratt), li fuqha jidher li qed jinsisti s-Symvoulio biex jinvoka d-dritt ta’ reviżjoni bħala awtorità kontraenti.

36. Fil-fatt, matul is-seduta, filwaqt li sar paragun bejn l-Artikolu 1(3) u l-Artikolu 2(8), il-mandatarju tas-Symvoulio sostna li l-imsemmija dispożizzjonijiet mhumiex kunfliġġenti. Huwa sostna li, filwaqt li t-tieni dispożizzjoni tagħmel referenza għar-reviżjoni quddiem korp ġudizzjarju (jew korp li huwa ta’ tali natura skont l-Artikolu 267 TFUE), l-ewwel dispożizzjoni tikkontempla wkoll il-possibbiltà li tiġi ppreżentata talba għal reviżjoni quddiem korp responsabbli li ma huwiex ta’ natura ġudizzjarja, u li l-oġġett tiegħu jista’ jkun biss id-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti. Ir-raġuni għal dan hija li l-allużjoni għal talba ta’ reviżjoni magħmula mill-awtorità kontraenti kontra deċiżjoni tagħha hija kunċettwalment eskluża, b’differenza minn dak li huwa previst mill-Artikolu 2(8).

37. Issa, fl-opinjoni tiegħi, l-ambigwità preżenti fl-Artikolu 2(8) tad-direttiva ma hijiex biżżejjed sabiex tbiddel il-kunsiderazzjonijiet preċedenti. L-Artikolu 2(8) jillimita ruħu li jipprevedi l-possibbiltà li korp amministrattiv wieħed jieħu ħsieb ir-reviżjoni, u jpoġġi f’kull każ, ir-rekwiżit, fit-termini msemmija diġà, li f’tali każijiet tiġi ammessa reviżjoni ġudizzjarja vera u proprja, quddiem korp li jixbah korp ġudizzjarju skont l-Artikolu 267 TFUE, mingħajr ma jiġu ppreċiżati mill-ġdid, il-persuni li għandhom locus standi f’dan ir-rigward.

38. Fl-aħħar, għandu jiġi miċħud l-argument ippreżentat mis-Symvoulio, li taqbel miegħu l-Kummissjoni, li jipprovdi li jekk ma jiġix ammess il- locus standi tal-awtorità kontraenti, tkun qed tonqos l-opportunità li titwettaq applikazzjoni diretta u uniformi tad-dritt Komunitarju, minħabba li tiġi eskluża l-opportunità li titqajjem domanda preliminari f’każijiet bħal dak preżenti, fejn l-ebda impriża ma talbet reviżjoni tad-deċiżjoni tal-imsemmija awtorità quddiem il-qrati.

39. Minn naħa waħda, l-opportunità ulterjuri eventwali li wieħed jipproċedi għall-kjarifika tad-dritt Komunitarju ma tistax tikkundizzjona direttament ir-regolament tal-kwistjoni speċifika tal- locus standi , li taqa’ fl-ambitu tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri. Barra minn hekk, wieħed għandu jistenna li, f’każijiet normali, huma l-offerenti stess li jitolbu reviżjoni tad-deċiżjonijiet ta’ annullament li huma kkunsidrati infondati, u li, bħala konsegwenza, tqum l-opportunità li jsir rinviju preliminari.

40. Minkejja dan, bħala klawżola ta’ garanzija, l-istess direttiva, fl-Artikolu 3, tpoġġi għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni “mekkaniżmu speċifiku” meta tikkunsidra li jkun ġie kommess ksur ċar u manifest tad-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar kuntratti ta’ provvista pubblika fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt. Għal dan il-għan, id-dispożizzjoni inkwistjoni tippermetti li jittieħdu passi xierqa għall-korrezzjoni immedjata ta’ kull ksur allegat.

41. Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jippermettuli li nikkonkludi li d-Direttiva 89/665 la tesprimi ruħha direttament u lanqas indirettament dwar il-mezzi ta’ reviżjoni li għandhom jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kontraenti. Dan huwa biżżejjed biex tingħata risposta negattiva għad-domanda magħmula mill-Anotato Dikastirio. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, tali konklużjoni għandha tkun ikkorroborata b’kunsiderazzjonijiet addizzjonali.

42. Fil-punt 18 tal-osservazzjonijiet tiegħu, is-Symvoulio sostna li l-imsemmija restrizzjoni tippreġudikah b’mod serju, minħabba li, minn naħa waħda, il-kuntratt pubbliku ser jingħata lil persuna ġuridika differenti mill-offerent li tali korp jikkunsidra li huwa l-iktar addattat, u għaliex, min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi eskluż li l-istess korp jiġi kkunsidrat responsabbli għad-danni li jirriżultaw minn għoti li ġie sussegwentement annullat mill-awtorità ta’ reviżjoni. U ċertament wieħed ma jistax jiċħad li s-Symvoulio huwa persuna ġuridika taħt id-dritt pubbliku, li ġie mogħti l-eżerċizzju ta’ poteri amministrattivi speċifiċi għall-ġestjoni effettiva tal-ilmijiet (15) u f’dan l-ambitu jassumi r-rwol ta’ awtorità kontraenti, u jokkupa f’kull każ pożizzjoni differenti minn dik tal-awtorità ta’ reviżjoni .(16)

43. F’dan is-sens, u minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi dwar il-pożizzjoni strutturali tas-Symvoulio fis-sistema Ċiprijotta u lanqas fuq ir-rapport ta’ dan mal-awtorità ta’ reviżjoni (17), is-seduta rnexxielha tikkonstata li ma huwiex konvinċenti l-argument tal-awtorità ta’ reviżjoni li jipprovdi li l-intervent tal-imsemmija żewġ korpi jiżviluppa fi ħdan proċedura ta’ għoti unitarja, u fuq din il-bażi, li ż-żewġ korpi mhumiex indipendenti.

44. Din it-teżi tiġi opposta, minn naħa waħda, mill-loġika tar-reviżjoni deskritta mill-Artikolu 2(8) tad-Direttiva 89/665, minħabba li t-talba tal-offerenti li jitolbu r-revoka tal-għoti tkun ippreġudikata ħafna fil-każ fejn ma jiġix rikonoxxut grad determinat ta’ indipendenza bejn il-korp ta’ reviżjoni u l-awtorità kontraenti. Tali evalwazzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2007/66 li, fil-kuntest ta’ talba ta’ reviżjoni kontra deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt, jalludi għall-“korp tal-prim’istanza, li hu indipendenti mill-awtorità kontraenti”.

45. Issa, minkejja dak li ġie espost s’issa, għandu jiġi indikat aspett ieħor. Ladarba ġie kkonstatat li d-Direttiva 89/665 ma fiha l-ebda element li jista’ jindika d-disponibbiltà ta’ mezzi ta’ reviżjoni għall-awtoritajiet kontraenti, anki fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ta’ annullament meħuda minn korp amministrattiv ta’ stħarriġ, huwa ċar li d-dannu sostnut mis-Symvoulio, fil-limiti fejn jista’ jiġi ġġustifikat, jappartjeni biss mal-aspett tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, jiġifieri fil-kuntest tas-sistemi legali nazzjonali rilevanti li fih għandu jiġi invokat.

46. Madankollu, għad fadal li tiġi żviluppata l-aħħar kunsiderazzjoni finali, jiġifieri li l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri ma hijiex assoluta. Fil-fatt, meta tali awtonomija tiġi eżerċitata fl-ambitu tad-dritt Komunitarju, hija ssib l-aħħar limiti tagħha fil-prinċipji ġenerali ta’ tali sistema u, b’mod partikolari fil-każ inkwistjoni, kemm fil-valur tal-“istat ta’ dritt” (18) kif ukoll fir-rispett tad-drittijiet fundamentali, inklużi, b’mod speċjali, id-dritt ta’ rimedju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (19) .

47. Madankollu, għall-fini tal-każ preżenti, huwa biżżejjed li wieħed josserva li l-kwalità ta’ persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku tal-imsemmija awtoritajiet kontraenti tirrendi iktar problematika, għal tali entitajiet, il-possibbiltà li jagħmlu użu mill-Artikolu 47 tal-Karta (20) li, minbarra dan, ma ġietx espliċitament invokata fil-proċedura preżenti.

48. Fl-aħħar, jirriżulta iktar diffiċli, fil-każ preżenti, li wieħed jiddeduċi l- locus standi tal-awtorità kontraenti mill-valur tal-istat tad-dritt. Ċertament mhemmx dubju li struttura proċedurali ekwilibrata tagħmel parti mill-immaġni tal-istat tad-dritt u li, minn tali prospettiva, il-fatt li l-awtorità kontraenti tiċċaħħad mill-aċċess għar-rimedju ġudizzjarju fil-każ fejn deċiżjoni ta’ għoti tagħha tiġi annullata minn korp amministrattiv jista’ jirriżulta sorprendenti.

49. Minkejja dan, f’dan ir-rigward, m’għandux jiġi injorat il-fatt li, fl-ewwel lok, qabelxejn huma l-impriżi parteċipanti li ngħataw il-kuntratt li ġie annullat sussegwentement li kienu “naturalment” ikunu awtorizzati - jekk wieħed jista’ jgħid hekk – li jikkontestaw fid-dritt id-deċiżjoni ta’ annullament, fl-eżerċizzju ta’ locus standi li, evidentement, qatt ma ġie kkontestat.

50. Min-naħa l-oħra huwa importanti li wieħed ifakkar li, skont l-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 89/665, l-Istati Membri “għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet meħuda minn korpi responsabbli għall-proċeduri ta’ reviżjoni għandhom jiġu effettivament applikati.” Tali dispożizzjoni ma tagħmilx distinzjoni bejn korpi ġudizzjarji u mhux ġudizzjarji, u għal din ir-raġuni, l-obbligu ta’ titjib tal-implementazzjoni tal-proċeduri ma jistax jiġi ostakolat lil hinn minn dak li huwa neċessarju billi jkun hemm dewmien fil-proċeduri legali u minħabba inċertezza legali li tmur li hinn minn dak li tipprevedi d-direttiva.

51. Fl-opinjoni tiegħi, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti għandhom ikunu biżżejjed sabiex wieħed isostni li, fil-każ preżenti, ir-restrizzjoni tal- locus standi tal-awtorità kontraenti, hija proporzjonata minn perspettiva hekk wiesgħa bħal ma huwa l-istat ta’ dritt. Għaldaqstant, biex nikkonkludi, lanqas minn dan l-aħħar argument ma jista’ jiġi sostnut li l-awtonomija proċedurali, eżerċitata minn Stat Membru fl-ambitu tad-Direttiva 89/665 ma kienet tinvolvi ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, tal-valuri jew tad-drittijiet fundamentali pprovduti minn dan tal-aħħar.

VI – Konklużjoni

52. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari kif ġej:

“L-Artikolu 2(8) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvisti pubbliċi u xogħlijiet pubbliċi ma jeskludix interpretazzjoni li abbażi tagħha awtorità kontraenti tiċċaħħad mid-dritt għal rimedju ġudizzjarju kontra deċiżjoni ta’ annullament meħuda minn korp responsabbli għall-proċeduri ta’ reviżjoni”.

(1) .

(2)  – Tista’ tintalab reviżjoni kontra d-deċiżjonijiet ta’ dan il-korp quddiem l-istess qorti, f’sede plenarja.

(3)  – Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta' Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvisti pubbliċi u xogħlijiet pubbliċi (ĠU L 395, p. 33).

(4) 4  – Dispożizzjoni fformulata skont l-Artikolu 41 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU L 209, p. 1). B’konformità mal-Artikolu 33 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi (ĠU L 199, p. 1), mal-Artikolu 36 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi (ĠU L 199, p. 54), kif ukoll mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 82 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU L 134, p. 114), u skont it-tabelli ta’ korrelazzjoni annessi mad-direttivi ċċitati, ir-referenzi għad-Direttivi 71/305, 77/62 u 92/50/KEE msemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 għandhom jiġu kkunsidrati bħala referenzi għad-Direttiva 2004/18.

(5)  – Permezz tad-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2007, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/665/KEE u 92/13/KEE fir-rigward tat-titjib fl-effettività ta’ proċeduri ta’ reviżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (ĠU L 335, p. 31), li ma tapplikax ad casum minħabba raġunijiet kronoloġiċi, id-dispożizzjoni inkluża fl-Artikolu 2(8) issa saret l-Artikolu 2(9), mingħajr tibdil fil-mertu. Madankollu, fil-verżjoni fil-lingwa Spanjola, ir-referenza inkluża fl-Artikolu 2(8) għall-“organismo de base” ġiet issostitwita mal-espressjoni iktar preċiża ta’ “organo de recurso”.

(6)  – Kif irriżulta waqt is-seduta, iċ-ċirkoskrizzjoni territorjali tas-Symvoulio tinkludi ż-żona metropolitana ta’ Nikosija u hija ggvernata mis-sindku tal-istess muniċipalità.

(7)  – Il-partijiet li intervjenew fil-talba preżenti għal deċiżjoni preliminari jonqsu milli jsemmu r-raġunijiet speċifiċi li wasslu lill-awtorità ta’ reviżjoni biex tirrevoka d-deċiżjoni tas-Symvoulio.

(8)  – B’hekk tat lok għar-rikors irreġistrat bin-numru 629/2006.

(9)  – Irreġistrat fir-reġistru bin-numru 106/2006.

(10)  – Li fil-preżenti tinkludi, bażikament, id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u fis-settur postali (ĠU L 134, p. 1) u d-Direttiva 2004/18/KE.

(11)  – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ġunju 2003, GAT (C-315/01, Ġabra p. I-6351) punt 45 u d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ottubru 2007, Consorzio Elisoccorso San Raffaele (Ġabra p. I-8189, punt 21).

(12)  – Skont is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Diċembru 2002, Universale-Bau et (C-470/99, Ġabra p. I-11617, punt 71) u tat-28 ta’ Jannar 2010, Uniplex (UK) Ltd (C-406/08, Ġabra I-817, punt 26), “is-sistema nazzjonali ta’ kull Stat Membru għandha tiddefinixxi l-kundizzjonijiet tat-terminu”.

(13)  – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ottubru 2007, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20.

(14)  – Kunċett li, taħt tali effetti, jinkludi mhux biss il-korp ġudizzjarju bħala tali, mill-perspettiva tal-aspett organiku f’kull Stat Membru, u li l-protezzjoni tiegħu tinkiseb permezz ta’ “reviżjoni ġudizzjarja”, iżda wkoll minn “tribunal fis-sens tal-Artikolu 177 tat-Trattat [...] indipendentement mill-awtorità li tikkuntratta kif ukoll il-korp ta’ reviżjoni”, peress li l-Artikolu 2(8) tad-Direttiva 89/665 jippermetti wkoll li tali korp jiġi fdat bl-eżami tal-awtorità kontraenti jew tal-korp amministrattiv responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni.

(15)  – Fil-fatt, is-Symvoulio jirrappreżenta wkoll l-interessi tal-kollettività għall-ġestjoni korretta tal-ilmijiet, liema rwol, kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, tali korp jiżvolġi bis-sħiħ taħt ir-responsabbiltà tiegħu, u jinkludi d-distribuzzjoni u t-trattament tal-ilmijiet fiż-żona metropolitana ta’ Nikosija, u għalhekk barra mill-konfini territorjali ta’ tali lokalità.

(16)  – Abbażi tal-osservazzjonijiet magħmula mill-partijiet intervenjenti fil-proċedura preliminari preżenti jirriżulta b’mod ċar li s-Symvoulio tikkostitwixxi “awtorità kontraenti” u li l-awtorità ta’ reviżjoni hija “korp ta’ natura mhux ġudizzjarja, responsabbli għall-proċeduri ta’ reviżjoni”, u għal din ir-raġuni huwa biżżejjed li wieħed jiċċita d-Direttiva 89/665 sabiex jasal għall-konklużjoni li l-imsemmija żewġ korpi amministrattivi, mill-anqas mill-aspett funzjonali, iwettqu funzjonijiet differenti.

(17)  – Mhux ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja li teżamina d-dritt nazzjonali, peress li l-mekkaniżmu għal deċiżjonijiet preliminari huwa bbażat fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-korpi ġudizzjarji nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, li hija mistennija li tesprimi ruħha biss fuq l-interpretazzjoni jew, eventwalment, fuq il-validità ta’ regola tal-Unjoni, abbażi ta’ fatti li jiġu ppreżentati quddiemha mill-qorti tar-rinviju; ara f’dan is-sens is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ġunju 1994, AC ATEL Electronics Vertriebs (C-30/93, Ġabra p. I-2305, punt 16); tal-20 ta’ Marzu 1997, Phytheron International (C-352/95, Ġabra p. I 1729, punt 11); u tas-16 ta’ Lulju 1998, Dumon u Froment (C-235/95, Ġabra p. I-4531, punti 25 – 27).

(18)  – L-Artikolu 2 TUE jikkunsidra l-“istat tad-dritt” bħala “valur” komuni għall-Istati Membri; bil-kontra, il-preambolu tal-Karta tad-Drittijiet Fondamentali tal-Unjoni Ewropea, tas-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU C 364, p. 1), fil-verżjoni tat-12 ta’ Diċembru 2007, addattata fi Strasburgu (ĠU C 303, p. 1; iktar ’il quddiem: il-“Karta”) tirreferi għalih bħala “prinċipju”. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jipprovdi, f’dan ir-rigward li “l-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta' l-Unjoni”.

(19)  – Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1989, Wachauf (Kawża 5/88, Ġabra p. 2609, punt 18) u tal-10 ta’ Lulju 2003, Booker Aquaculture u Hydro Seafood (C-20/00 u C-64/00, Ġabra p. I-7411, punti 65 et seq. ).

(20)  – L-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jostakola l-possibbiltà li l-entitajiet pubbliċi jinvokaw id-drittijiet li huma rikonoxxuti lilhom quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet Umani; minkejja dan, il-Qorti ta’ Strasbourg estendiet, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem lill-persuni ġuridiċi determinati rregolati mid-dritt pubbliku: pereżempju, fis-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1994, Les Saints Monastères vs Il-Greċja, Serie A Nru. 301 A, p. 34-35, punt 49, dejjem jekk tali entitajiet ma jeżerċitawx prerogattivi ta’ poteri pubbliċi, li ovvjament, mhux il-każ tas-Symvoulio.