20.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 213/5


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Lulju 2011

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2011 tal-Estonja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Estonja, 2011-2015

2011/C 213/02

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tvara strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa ta’ linji ta’ politika ekonomika, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn jeħtieġ azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)

Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għal-linji ta’ politika ekonomika tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill adotta deċiżjoni dwar Linji Gwida għal-linji ta’ politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (2), li flimkien jagħmlu l-“linji gwida integrati”. L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-linji ta’ politika nazzjonali tagħhom dwar l-ekonomija u l-impjiegi.

(3)

Fit-12 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni adottat l-ewwel Stħarriġ Annwali tat-Tkabbir, li kien il-bidu ta’ ċiklu ġdid ta’ governanza ekonomika fl-UE u l-ewwel semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni ta’ politika ex ante u integrata, imsejsa fuq l-istrateġija Ewropa 2020.

(4)

Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet għall-konsolidazzjoni fiskali u r-riforma strutturali (bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar u s-7 ta’ Marzu 2011 u b'żieda mal-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir mill-Kummissjoni). Huwa saħaq fuq il-ħtieġa li tingħata prijorità lir-restawr ta’ baġits tajbin u s-sostenibbiltà fiskali, it-tnaqqis tal-qgħad permezz ta’ riformi fis-suq tax-xogħol u li jsiru sforzi ġodda biex jittejjeb it-tkabbir. Talab lill-Istati Membri biex isarrfu dawn il-prijoritajiet f'miżuri konkreti li jiġu inklużi fil-Programmi ta’ Stabbiltà jew ta’ Konverġenza tagħhom u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.

(5)

Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew stieden ukoll lill-Istati Membri parteċipi fil-Patt Euro Plus biex jippreżentaw l-impenji tagħhom għall-inklużjoni fil-Programmi ta’ Stabbiltà jew ta’ Konverġenza tagħhom u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom.

(6)

Fid-29 ta’ April 2011, l-Estonja ressqet il-Programm ta' Stabbiltà għall-2011 li jkopri l-perijodu 2011-2015 u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2011 tagħha. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(7)

L-Estonja intlaqtet partikolarment ħażin bil-kriżi finanzjarja globali, li kabbret it-treġġigħ lura tal-isplużjoni domestika, immobiljari u tal-konsum. It-telf kumulattiv tal-PDG laħaq 19 % fl-2008-2009 u r-rata tal-qgħad żdiedet għal kważi erba' darbiet u laħqet is-16,8 % sal-2010. Madankollu, l-ekonomija malajr reġgħet irkuprat u t-tkabbir reali tal-PDG huwa mistenni li jiżdied fis-snin li ġejjin. L-esportazzjonijiet kienu l-fatturi prinċipali li mexxew l-irkupru, iżda d-domanda domestika qed tissoda l-iktar permezz ta' investiment b'saħħtu. Il-prospettiva mtejba tat-tkabbir wasslet għal impetu pożittiv fis-suq tax-xogħol. Dan l-aħħar ir-rata tal-impjiegi żdiedet b'mod sinifikanti, għalkemm ir-rata tal-qgħad fuq terminu ta' żmien twil għadha għolja. Filwaqt li l-inflazzjoni żdiedet meta mqabbla mas-sena li għaddiet, huwa mistenni li din timmodera minħabba l-iżviluppi fil-prezzijiet globali tal-komoditajiet.

(8)

Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta’ Stabbiltà skont ir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li x-xenarju makroekonomiku sottostanti għall-proġettazzjonijiet baġitarji huwa plawsibbli. L-istrateġija baġitarja tal-Programm ta’ Stabbiltà fuq terminu medju hija li jinlaħaq l-objettiv ta’ terminu medju, iddefinit bħala bilanċ strutturali sal-2013, u li dan jinżamm matul il-bqija tal-perijodu tal-Programm ta’ Stabbiltà, permezz tal-mira għal surplusis strutturali fl-2013 u iktar 'il quddiem. Il-pożizzjoni baġitarja nominali tal-amministrazzjoni pubblika hija proġettata biex tilħaq surplus sal-2013, filwaqt li fuq perijodu ta' żmien qasir id-defiċit nominali huwa mistenni li jonqos xi ftit minħabba l-impatt ta' darba ta' investimenti ambjentali fil-krediti tal-karbonju. L-aġġustament baġitarju tal-Programm ta’ Stabbiltà jibbaża fuq it-trażżin taż-żieda tan-nefqa pubblika tal-konsum. Il-Programm ta’ Stabbiltà jipprovdi xi informazzjoni dwar miżuri sabiex tintlaħaq il-pożizzjoni fil-mira u r-rekord tal-ilħuq tal-miri fiskali tal-imgħoddi jnaqqas ir-riskju li dawn ma jintlaħqux fis-snin li ġejjin. B'mod partikolari, ir-riformi previsti jfittxu li jkun hemm titjib fl-effiċjenza f'għadd ta' oqsma, bħal pereżempju l-edukazzjoni u l-linji politiċi attivi fis-suq tax-xogħol. Għalhekk ir-riskji u l-miri baġitarji jidhru li huma bejn wieħed u ieħor ibbilanċjati. Minkejja dan, fil-baġits li ġejjin se jkun importanti li jiġu provduti d-dettalji ewlenin ta' miżuri sabiex titjieb iktar l-effiċjenza fl-infiq pubbliku, li b’hekk iservu bħala sisien għall-implimentazzjoni tal-Programm ta' Stabbiltà.

(9)

Ir-rata tal-qgħad fit-tul għadha għolja u r-rati tal-qgħad kienu x'aktarx diverġenti u persisteni fir-reġjuni kollha. Minkejja ż-żidiet konsiderevoli li kien hemm mill-2009 'l hawn, il-finanzjament tal-linji politiċi attivi tas-suq tax-xogħol għadu wieħed mill-iktar baxxi fl-UE, u jwassal għal ammont żgħir ta' nies qiegħda li jirċievu appoġġ attiv. Is-suq tax-xogħol tal-Estonja huwa pjuttost flessibbli, imsaħħaħ bid-deċiżjoni li ż-żidiet fil-kopertura tal-benefiċċju tal-assigurazzjoni tal-qgħad fil-pakkett tal-Liġi tax-Xogħol ikunu posposti għall-2013. Minkejja din il-flessibbiltà, l-ingranaġġ tat-taxxa (tax wedge) fuq ix-xogħol fl-Estonja huwa pjuttost għoli, u dan jista' jħalli impatt negattiv fuq il-provvista tal-ħaddiema u d-domanda għall-ħaddiema. Din il-problema hija partikolarment gravi fil-kuntest tar-rata għolja tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u dawk bi ftit kompetenzi professjonali, li huma esposti għal riskju li jbatu l-faqar. Ir-riformi previsti sabiex jitnaqqsu l-kontirbuzzjonijiet tal-assigurazzjoni soċjali jindirizzaw il-kwistjonijiet it-tajbin iżda jeħtieġ li dawn jitwettqu filwaqt li tissaħħaħ il-pożizzjoni baġitarja. Hemm lok għal titjib fl-effiċjenza permezz ta' testijiet iktar stretti tal-mezzi sabiex jittejbu l-miri għal benefiċċji oħra.

(10)

L-intensità tar-riżorsi tal-Estonja hija waħda mill-ogħla fl-UE. Din hija parzjalment ir-riżultat ta' struttura produttiva kkonċentrata fuq setturi u industriji b'konsum għoli ta' enerġija. Fattur ieħor determinanti huwa l-prestazzjoni baxxa fl-effiċjenza enerġetika fil-livell settorjali. Fil-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha, l-Estonja tindika mira ta' frankar eneġetiku nazzjonali ta' 9 % fl-2016 meta mqabbel mat-tbassir (16 % sal-2020 tal-PNR). Barra minn hekk, hemm ftit informazzjoni dwar kif u meta se jiġu implimentati l-miżuri u dwar ir-riżultati mistennija tagħhom. Għalhekk, hemm iktar potenzjal għat-tijib fl-effiċjenza enerġetika. Iż-żieda fl-effiċjenza enerġetika x'aktarx ikollha impatt pożittiv fuq l-ambjent u fuq is-sigurtà tal-provvista tal-eneġija, iżda din iż-żieda tista' tnaqqas ukoll il-pressjonijiet ta’ inflazzjoni u ttejjeb il-kompetittività tal-kost.

(11)

Minkejja l-proporzjon globali li huwa għoli ta' nies b'livell ta' edukazzjoni terzjarja, iktar riformi fis-sistema edukattiva fil-livelli kollha jistgħu jgħinu sabiex jiġu indirizzati lakuni fil-ħiliet, l-għadd kbir ta' skejjel u istituzzjonijiet ta' edukazzjoni terzjarja, u n-nuqqas ta' direzzjoni fl-edukazzjoni professjonali li jirrizulta fi proporzjon kbir ta' nies mingħajr kwalifika professjonali. Fil-kuntest tax-xejriet demografiċi ta' bħalissa, it-titjib fil-kwalità tal-kapital uman huwa importanti għat-tkabbir potenzjali fuq teminu medju. B'mod partikolari, l-iżgurar li l-edukazzjoni terzjarja hija mmirata lejn oqsma li huma ta' importanza ewlenija fl-ekonomija (pereżempju l-inġinerija) jista' jappoġġa l-ibbilanċjar mill-ġdid lejn setturi negozzjabbli li għaddej bħalissa. L-implimentazzjoni tar-riforma edukattiva għandha tikkontribwixxi wkoll sabiex tittejjeb l-effiċjenza fis-settur pubbliku, billi s-sistema tal-ġestjoni tal-edukazzjoni attwali hija frammentata wisq f'livell lokali, u dan iwassal kemm għal sussidji ineffiċjenti kif ukoll għal servizz ta' kwalità baxxa.

(12)

L-Estonja għamlet għadd ta’ impenji fil-Patt Euro Plus. Dawn jinkludu miżuri li jindirizzaw is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, l-impjiegi, u l-kompetittività. Mill-aspett fiskali, il-Patt jieħu l-impenn li jilħaq bilanċ baġitarju sal-2013 u surplus fl-2014; li jinkludi rekwiżit ta' bilanċ baġitarju fis-settur pubbliku fil-liġi bażi baġitarja tal-Istat. kif ukoll l-ewwel passi għar-riforma tal-iskemi ta' pensjoni speċjali. Hemm previsti xi inċentivi fuq it-taxxa sabiex jiġu promossi l-impjiegi. Għal dak li jirrigwarda l-kompetittività, il-miżuri jiffokaw fuq l-innovazzjoni, l-edukazzjoni għolja u r-riforma tas-servizz pubbliku. L-impenji fil-Patt jirriflettu l-aġenda ppreżentata fil-Programm Nazzjonali ta' Riforma. L-objettivi stabbiliti fil-Patt jibbenefikaw minn iktar miżuri sabiex isaħħu l-linji politiċi tas-suq tax-xogħol, kif ukoll jindirizzaw l-effiċjenza tar-riżorsi u s-suq tal-enerġija. L-impenji tal-Patt Euro Plus ġew ivvalutati u tqiesu fir-rakkomandazzjonijiet.

(13)

Il-Kummissjoni vvalutat il-Programm ta' Stabbiltà u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma, u l-impenji tal-Patt Euro Plus għall-Estonja. Mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika sostenibbli fiskali u soċjoekonomika fl-Estonja imma wkoll lejn kemm jikkonformaw mar-regoli u l-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa tat-tisħiħ tal-governanza ekonomika kumplessiva tal-UE billi jiġi pprovdut kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Hija tqis li filwaqt li l-miżuri sabiex tintalħaq il-pożizzjoni baġitarja fil-mira għandhom jiġu speċifikati fil-baġits li ġejjin, ir-rekord tal-awtoritajiet Estonjani tal-imgħoddi jnaqqas ir-riskju li l-miri fiskali ma jintlaħqux. Għandhom jittieħdu iktar passi sabiex jissaħħu l-linji politiċi tas-suq tax-xogħol u biex jiġu pprovduti inċentivi aħjar għax-xogħol, sabiex jittejjeb il-kapital uman permezz ta' riforma fuq skala kbira tal-edukazzjoni kif ukoll bl-indirizzar tal-effiċjenza tar-riżorsi u tas-suq tal-enerġija.

(14)

Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Stabbiltà tal-Estonja 2011 u l-opinjoni (3) tiegħu hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt. B'kunsiderazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Estonja,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Estonja tieħu azzjoni fil-perijodu bejn l-2011-2012 sabiex:

1.

Tilħaq surplus strutturali sa mhux iktar tard mill-2013, filwaqt li fl-2012 tillimita d-defiċit għal mhux iktar minn 2,1 % tal-PDG, filwaqt li żżomm kontroll strett fuq in-nefqa u t-titjib tal-effiċjenza tal-infiq pubbliku.

2.

Tieħu passi sabiex tappoġġa d-domanda għall-ħaddiema u sabiex jonqos ir-riskju tal-faqar, billi tnaqqas il-piż tat-taxxa u tas-siġurtà soċjali mingħajr implikazzjonijiet ta' baġit, u wkoll billi ttejjeb l-effikaċja tal-linji politiċi attivi fis-suq tax-xogħol, anke billi timmira miżuri lejn iż-żgħażagħ u dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil, speċjalment f'oqsma b'rata għolja ta' qgħad.

3.

Tiżgura l-implimentazzjoni ta' inċentivi ppjanati sabiex tnaqqas l-intensità fl-użu tal-enerġija u ttejjeb l-effiċjenza enerġetika tal-ekonomija, immirati lejn is-setturi tal-bini u tat-trasport, anke billi tiżgura funzjonament aħjar tas-suq.

4.

Filwaqt li timplimenta rifroma fis-sistema edukattiva, għandha tingħata prijorità lill-miżuri li jtejbu l-kwalità u d-diponibbiltà ta' edukazzjoni pre-skolastika, u ttejjeb il-kwalità u disponibbiltà tal-edukazzjoni professjonali. Tiffoka r-riżultati tal-edukazzjoni l-iktar fuq il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, u tipprovdi opportunitajiet għall-ħaddiema bi ftit kompetenzi professjonali sabiex jipparteċipaw fit-tagħlim tul il-ħajja.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

J. VINCENT-ROSTOWSKI


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1; Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kap 10, Vol 01, p. 84.

(2)  Miżmuma għall-2011 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/308/UE tad- 19 ta’ Mejju 2011 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 138, 26.5.2011, p. 56).

(3)  Prevista fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.