Publications Office of the EU (OP Portal)

Stqarrija ta’ privatezza dwar il-protezzjoni tad-data personali tiegħek

Din l-istqarrija ta’ privatezza tipprovdi informazzjoni dwar l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data personali tiegħek.

Operazzjoni tal-ipproċessar: Ir-reġistrazzjoni tal-Utent fuq is-sit web “Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea” (Portal tal-OP), inklużi Pubblikazzjonijiet tal-UE (ex-EU Bookshop)

Kontrollur tad-Data: Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, unità C.1, “Portal tal-OP”

Referenza tar-rekord: DPR-EC-00449

Werrej

  1. Introduzzjoni
  2. Għaliex u kif nipproċessaw id-data personali tiegħek?
  3. Fuq liema bażi(jiet) legali nipproċessaw id-data personali tiegħek?
  4. Liema data personali niġbru u nkomplu nipproċessaw?
  5. Għal kemm żmien tinżamm id-data personali tiegħek?
  6. Kif nipproteġu u nissalvagwardjaw id-data personali tiegħek?
  7. Min għandu aċċess għad-data personali tiegħek u lil min tiġi żvelata?
  8. X’inhuma d-drittijiet tiegħek u kif tista’ teżerċitahom?
  9. Informazzjoni ta’ kuntatt
  10. Fejn tista’ ssib informazzjoni aktar iddettaljata?

1. Introduzzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “il-Kummissjoni”) hi impenjata li tipproteġi d-data personali tiegħek u li tirrispetta l-privatezza tiegħek. Il-Kummissjoni tiġbor u tkompli tipproċessa d-data personali skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, (li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001).

Din l-istqarrija ta’ privatezza tispjega r-raġuni għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek, il-mod kif niġbru, nittrattaw u niżguraw il-protezzjoni tad-data personali kollha pprovduta, kif tintuża dik l-informazzjoni, u liema drittijiet tista’ teżerċita b’rabta mad-data personali tiegħek. Hi tispeċifika wkoll id-dettalji ta’ kuntatt tal-Kontrollur tad-Data responsabbli li tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek miegħu, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

L-informazzjoni relatata mal-ipproċessar tar-reġistrazzjoni tal-utenti fis-sit web “Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea” (Portal tal-OP), inklużi Pubblikazzjonijiet tal-UE (ex-EU Bookshop) li saret mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, unità C.1, “Portal tal-OP” hi ppreżentata hawn taħt.

2. Għaliex niġbru, inżommu u nipproċessaw id-data tiegħek?

Finijiet tal-operazzjoni tal-ipproċessar: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, unità C.1, “Portal tal-OP” jiġbor u juża l-informazzjoni personali tiegħek għar-reġistrazzjoni tal-utent fuq is-sit web “Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea”, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Portal tal-OP”, u jinkludi s-servizzi marbuta mal-ordni tal-pubblikazzjonijiet stampati fil-paġna tal-Pubblikazzjoni tal-UE.

L-operazzjoni tal-ipproċessar tikkonsisti fiż-żamma ta’ lista li fiha data personali f’bażi tad-data.

Id-data tintuża wkoll b’mod anonimu għall-istudji u/jew għall-finijiet ta’ statistika bil-għan li s-servizz jitjieb.

Id-data personali tiegħek mhux se tintuża għal teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzat inkluż it-tfassil ta’ profili.

3. Fuq liema bażi(jiet) legali nipproċessaw id-data personali tiegħek

Nipproċessaw id-data personali tiegħek, minħabba li:

- l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċitar ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-istituzzjoni jew lill-korp tal-Unjoni;

kif ukoll

- inti, bħala s-suġġett tad-data, tkun tajt il-kunsens għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek għal skop speċifiku wieħed jew aktar.

Bażi ġuridika għall-ipproċessar: il-mandat tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, id-Deċiżjoni 2009/496/KE tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-26 ta’ Ġunju 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

4. Liema data personali niġbru u nkomplu nipproċessaw

Sabiex titwettaq din l-operazzjoni tal-ipproċessar l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, l-unità C.1, "Portal tal-OP" jiġbor il-kategoriji segwenti tad-data personali:

Data mandatarja għal kont sħiħ:

  • Isem
  • Kunjom
  • Indirizz tal-email
  • Password (kriptata)

Data mandatarja għal kont b’sign-on wieħed (data miksuba minn servizzi esterni bħal Facebook, Twitter jew EU Login):

  • UserId
  • Email (mhux għal Twitter)
  • Isem
  • Kunjom

Data fakultattiva:

  • Numru tat-telefown
  • Tema ta’ interess
  • Rwol preferit
  • Tip ta' indirizz
  • Isem (jista’ jkun differenti mid-data mandatarja)
  • Kunjom (jista’ jkun differenti mid-data mandatarja)
  • Indirizz tat-triq
  • Kodiċi postali
  • Belt
  • Pajjiż
  • Email (jista’ jkun differenti mill-indirizz mandatarju)
  • Numru tat-telefown tal-indirizz
  • Tip ta’ persuna
  • Organizzazzjoni
  • Dipartiment
  • Funzjoni

Il-forniment ta’ data personali mhux mandatarju biex tibbrawżja l-Portal tal-OP. Madankollu, il-forniment ta’ data personali hu mandatarju jekk tixtieq tibbenefika minn servizzi tal-kont sħaħ addizzjonali bħal “L-Indirizzi tiegħi”, “Il-listi tiegħi”, “Il-widgets tiegħi”, “Il-Profil Tiegħi”, “It-twissijiet tiegħi”, “L-annotazzjonijiet tiegħi”, “Il-klassifikazzjonijiet tiegħi”, “It-tiftixiet tiegħi” u “L-RSS feeds tiegħi”.

Barra minn hekk, il-forniment ta’ data personali hu mandatarju jekk tordna biex tintbagħat pubblikazzjoni fid-dar tiegħek.

5. Għal kemm żmien tinżamm id-data personali tiegħek?

L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, l-unità C.1, "Portal tal-OP" iżomm biss id-data personali tiegħek għaż-żmien meħtieġ biex jintlaħaq l-għan tal-ġbir jew aktar ipproċessar, jiġifieri biex jingħataw is-servizzi mitluba. Fil-każ ta’ ħolqien ta’ kont sħiħ, tista’ tħassar id-data personali tiegħek inti stess jekk tixtieq (opzjoni “Ħassar il-kont”).

F’każ ta’ inattività għal tliet snin, nibagħtulek messaġġ fl-aħħar ta’ dan il-perjodu. Jekk ma tweġibx fi żmien xahar, inħassru awtomatikament il-kont tiegħek.

6. Kif nipproteġu u nissalvagwardjaw id-data personali tiegħek?

Id-data personali kollha f’format elettroniku (emails, dokumenti, lottijiet ta’ data applowdjati, eċċ.) jinħażnu fuq is-servers tal-Kummissjoni Ewropea jew fuq dawk tal-kuntrattur tagħha ARCANIA SASU li hu inkarigat mit-twettiq tal-ordnijiet fiżiċi. L-operazzjonijiet tal-ipproċessar jitwettqu kollha skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2017/46 tal-10 ta' Jannar 2017 dwar is-sigurtà tas-sistemi ta' komunikazzjoni u informazzjoni fil-Kummissjoni Ewropea.

Il-kuntratturi tal-Kummissjoni huma marbutin bi klawsola kuntrattwali speċifika għal kull operazzjoni tal-ipproċessar tad-data tiegħek f’isem il-Kummissjoni, kif ukoll bl-obbligi ta’ kunfidenzjalità li jitnisslu mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (“GDPR” ir-Regolament (UE) 2016/679).

Sabiex tipproteġi d-data personali tiegħek, il-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ għadd ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi. Il-miżuri tekniċi jinkludu azzjonijiet xierqa li jindirizzaw is-sigurtà online, ir-riskju ta’ telf tad-data, it-tibdil tad-data jew l-aċċess mhux awtorizzat, filwaqt li jitqies ir-riskju ppreżentat mill-ipproċessar u n-natura tad-data personali li tkun qed tiġi pproċessata. Il-miżuri organizzattivi jinkludu r-restrizzjoni tal-aċċess għad-data personali għall-persuni awtorizzati biss bi ħtieġa leġittima ta’ tagħrif għall-finijiet ta’ din l-operazzjoni tal-ipproċessar.

7. Min għandu aċċess għad-data personali tiegħek u lil min tiġi żvelata?

L-aċċess għad-data personali tiegħek hu pprovdut lill-persunal tal-Kummissjoni responsabbli għat-twettiq ta’ din l-operazzjoni tal-ipproċessar u lill-persunal awtorizzat skont il-prinċipju tal-“ħtieġa ta’ tagħrif”. Dan l-istaff jirrispetta ftehimiet statutorji, u fejn meħtieġ, ftehimiet addizzjonali ta’ kunfidenzjalità.

L-informazzjoni li niġbru mhux se tingħata lil xi parti terza.

8. X’inhuma d-drittijiet tiegħek u kif tista’ teżerċitahom?

Inti għandek drittijiet speċifiċi bħala “suġġett tad-data” skont il-Kapitolu III (l-Artikoli 14-25) tar-Regolament (UE) 2018/1725, b’mod partikolari d-dritt li taċċessa, tikkoreġi jew tħassar id-data personali tiegħek u d-dritt li tillimita l-ipproċessar tad-data personali tiegħek. Jekk ikun japplika, għandek ukoll id-dritt li toġġezzjona għall-ipproċessar jew id-dritt għall-portabbiltà tad-data.

Inti tajt il-kunsens tiegħek biex tipprovdi d-data personali tiegħek lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, l-unità C.1, "Portal tal-OP” għall-operazzjoni tal-ipproċessar preżenti. Tista’ tirtira l-kunsens tiegħek fi kwalunkwe ħin billi tinnotifika lill-Kontrollur tad-Data. L-irtirar mhux se jaffettwa l-legalità tal-ipproċessar imwettaq qabel ma int tkun irtirajt il-kunsens.

Int tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek billi tikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data, jew f’każ ta’ kunflitt lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data. Jekk ikun meħtieġ, tista’ tindirizza wkoll lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. L-informazzjoni ta’ kuntatt tagħhom tingħata taħt l-Intestatura 9 hawn taħt.

Meta tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek fil-kuntest ta’ operazzjoni tal-ipproċessar speċifika waħda jew aktar, jekk jogħġbok ipprovdi d-deskrizzjoni tagħhom (jiġifieri r-Referenza/i tar-rekord tagħhom kif speċifikat taħt l-Intestatura 10 hawn taħt) fit-talba tiegħek.

9. Informazzjoni ta’ kuntatt

- Il-Kontrollur tad-Data

Jekk tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, jew jekk għandek xi kummenti, mistoqsijiet jew tħassib, jew jekk tixtieq tressaq ilment rigward il-ġbir u l-użu tad-data personali tiegħek, ikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, l-unità C.1, "Portal tal-OP", info@publications.europa.eu.

- L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD) tal-Kummissjoni

Tista’ tikkuntattja lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data ((data-protection-officer@ec.europa.eu)) rigward kwistjonijiet relatati mal-ipproċessar tad-data personali tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725.

- Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD)

Inti għandek id-dritt tirrikorri (jiġifieri tista’ tressaq ilment) għand il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (dps@edps.europa.eu) jekk jidhirlek li nkisru d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 b’riżultat tal-ipproċessar tad-data personali mill-Kontrollur tad-Data.

10. Fejn tista’ ssib aktar informazzjoni ddettaljata?

L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni (UPD) jippubblika r-reġistru tal-operazzjonijiet kollha tal-ipproċessar dwar id-data personali mill-Kummissjoni, li ġew iddokumentati u nnotifikati lilu. Tista’ taċċessa r-reġistru minn dan il-link li ġej: http://ec.europa.eu/dpo-register

Din l-operazzjoni tal-ipproċessar speċifika ġiet inkluża fir-reġistru pubbliku tal-UPD bir-Referenza tar-rekord li ġejja: DPR-EC-00449