IL-PROTEZZJONI TAD-DATA PERSONALI

Din l-istqarrija ta’ privatezza tipprovdi informazzjoni dwar l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data personali tiegħek.

L-operazzjoni tal-ipproċessar: OP CRM

Il-Kontrollur tad-Data: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, Unità D.1, Relazzjonijiet mal-Partijiet Ikkonċernati

Ir-referenza tar-reġistrazzjoni:DPR-EC-00495

Werrej

  1. Introduzzjoni
  2. Għaliex u kif nipproċessaw id-data personali tiegħek?
  3. Fuq liema bażi(jiet) legali nipproċessaw id-data personali tiegħek?
  4. Liema data personali niġbru u nkomplu nipproċessaw?
  5. Għal kemm żmien tinżamm id-data personali tiegħek?
  6. Kif inħarsu u nissalvagwardjaw id-data personali tiegħek?
  7. Min għandu aċċess għad-data personali tiegħek u lil min tiġi żvelata?
  8. X’inhuma d-drittijiet tiegħek u kif tista’ teżerċitahom?
  9. Informazzjoni ta’ kuntatt
  10. Fejn tista’ ssib aktar informazzjoni dettaljata?

1. Introduzzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “il-Kummissjoni”) hija impenjata li tipproteġi d-data personali tiegħek u li tirrispetta l-privatezza tiegħek. Il-Kummissjoni tiġbor u tkompli tipproċessa d-data personali skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, (li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001).

Din l-istqarrija ta’ privatezza tispjega r-raġuni għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek, il-mod kif niġbru, nittrattaw u niżguraw il-protezzjoni tad-data personali kollha pprovduta, kif tintuża dik l-informazzjoni, u liema drittijiet tista’ teżerċita b’rabta mad-data personali tiegħek. Din tispeċifika wkoll id-dettalji ta’ kuntatt tal-Kontrollur tad-Data responsabbli li miegħu int tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

L-informazzjoni relatata mal-operazzjoni tal-ipproċessar tal-OP CRM (l-għodda tal-Ġestjoni tar-Relazzjoni mal-Konsumatur tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet) tal-Unità D.1 “Relazzjonijiet mal-Partijiet Ikkonċernati” tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea hija ppreżentata hawn taħt.

2. Għaliex u kif nipproċessaw id-data personali tiegħek?

Il-fini tal-operazzjoni tal-ipproċessar: L-unità D.1 “Relazzjonijiet mal-Partijiet Ikkonċernati” tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tiġbor u tuża l-informazzjoni personali tiegħek biex tistabbilixxi listi postali sabiex tibgħatlek pubblikazzjonijiet stampati kif ukoll informazzjoni bl-email. Is-sistema tintuża biss għal din il-fini.

Is-servizz li għandu kull lista tal-indirizzi biss jista’ juża jew jawtorizza l-użu tad-data minn servizzi interni tal-istituzzjonijiet tal-UE.

L-operazzjoni tal-ipproċessar tikkonsisti fiż-żamma ta’ lista li fiha data personali f’bażi tad-data.

Id-data personali tiegħek mhux se tintuża għal teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzat inkluż it-tfassil ta’ profili.

3. Fuq liema bażi(jiet) legali nipproċessaw id-data personali tiegħek

Nipproċessaw id-data personali tiegħek, minħabba li:

- l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċitar ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-istituzzjoni jew lill-korp tal-Unjoni;

kif ukoll

- inti, bħala s-suġġett tad-data, tkun tajt il-kunsens għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek għal skop speċifiku wieħed jew aktar.

Il-bażi ġuridika għall-ipproċessar: il-mandat tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, id-Deċiżjoni 2009/496/KE tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-26ta’ Ġunju 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

4. Liema data personali niġbru u nkomplu nipproċessaw

Sabiex titwettaq din l-operazzjoni tal-ipproċessar, l-unità D.1 “Relazzjonijiet mal-Partijiet Ikkonċernati” tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tiġbor il-kategoriji ta’ data personali li ġejjin:

obbligatorja

  • kunjom, isem
  • indirizz postali
  • il-verżjoni tal-lingwa preferuta

fakultattiva

  • indirizz tal-email (obbligatorju jekk il-mod preferut ta’ komunikazzjoni huwa bl-email)
  • ritratt jew avatar
  • funzjoni/professjoni
  • numru tat-telefown jew tal-fax
  • settur ta’ attività
  • qasam ta’ interess

L-għoti tad-data personali hija obbligatorja minħabba li tippermettilna nipprovdulek is-servizzi mitluba.

Ksibna d-data personali tiegħek jew mingħandek jew mingħand servizz tal-Awtur tal-Istituzzjonijiet tal-UE jew mill-organigramma disponibbli għall-pubbliku.

5. Għal kemm żmien tinżamm id-data personali tiegħek?

L-unità D.1 “Relazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati” tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet iżżomm biss id-data personali tiegħek għaż-żmien meħtieġ biex jintlaħaq l-għan tal-ġbir jew aktar ipproċessar, jiġifieri biex jingħataw is-servizzi mitluba.

6. Kif inħarsu u nissalvagwardjaw id-data personali tiegħek?

Id-data personali kollha f’format elettroniku (emails, dokumenti, lottijiet ta’ data applowdjati, eċċ.) jinħażnu jew fuq is-servers tal-Kummissjoni Ewropea jew fuq dawk tal-kuntrattur tagħha ARCANIA SASU, Rue des Entreprises, 62221 Noyelles-Sous-Lens, Franza. L-operazzjonijiet tal-ipproċessar jitwettqu kollha skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2017/46 tal-10 ta' Jannar 2017 dwar is-sigurtà tas-sistemi ta' komunikazzjoni u informazzjoni fil-Kummissjoni Ewropea.

Il-kuntratturi tal-Kummissjoni huma marbuta bi klawżola kuntrattwali speċifika għal kwalunkwe operazzjoni ta’ pproċessar tad-data tiegħek f’isem il-Kummissjoni, u bl-obbligi ta’ kunfidenzjalità li jirriżultaw mit-traspożizzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data fl-Istati Membri tal-UE (ir-Regolament (UE) 2016/679 tar-RĠPD).

Sabiex tipproteġi d-data personali tiegħek, il-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ għadd ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi. Il-miżuri tekniċi jinkludu azzjonijiet xierqa biex jindirizzaw is-sigurtà online, ir-riskju tat-telf ta’ data, il-modifika ta' data jew l-aċċess mhux awtorizzat, filwaqt li jitqies ir-riskju ppreżentat mill-ipproċessar u n-natura tad-data personali li qed tiġi pproċessata. Il-miżuri organizzazzjonali jinkludu r-restrizzjoni tal-aċċess għad-data personali għall-persuni awtorizzati biss bi ħtieġa leġittima ta’ tagħrif għall-finijiet ta’ din l-operazzjoni tal-ipproċessar.

7. Min għandu aċċess għad-data personali tiegħek u lil min tiġi żvelata?

L-aċċess għad-data personali tiegħek huwa pprovdut lill-istaff tal-Kummissjoni responsabbli għat-twettiq ta’ din l-operazzjoni tal-ipproċessar u lill-istaff awtorizzat skont il-prinċipju tal-“ħtieġa ta’ tagħrif”. Dan l-istaff jirrispetta ftehimiet statutorji, u fejn meħtieġ, ftehimiet addizzjonali ta’ kunfidenzjalità.

Fil-każ ta’ ordnijiet għal pubblikazzjonijiet stampati, id-data tiegħek tiġi ttrasferita lill-kuntrattur tagħna ARCANIA SASU, Rue des Entreprises, 62221 Noyelles-Sous-Lens, Franza.

L-informazzjoni li niġbru mhux se tingħata lil xi parti terza, ħlief sal-limitu u għall-fini li nistgħu nkunu meħtieġa nagħmlu dan bil-liġi.

8. X’inhuma d-drittijiet tiegħek u kif tista’ teżerċitahom?

Inti għandek drittijiet speċifiċi bħala “suġġett tad-data” skont il-Kapitolu III (l-Artikoli 14-25) tar-Regolament (UE) 2018/1725, b’mod partikolari d-dritt li taċċessa, tikkoreġi jew tħassar id-data personali tiegħek u d-dritt li tillimita l-ipproċessar tad-data personali tiegħek. Fejn applikabbli, għandek ukoll id-dritt li toġġezzjona għall-ipproċessar jew id-dritt għall-portabbiltà tad-data.

Għandek id-dritt li toġġezzjona għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek, li titwettaq skont l-Artikolu 5(1)(a).

Inti tajt il-kunsens tiegħek biex tipprovdi d-data personali tiegħek lill-unità D.1 “Relazzjonijiet mal-Partijiet Ikkonċernati” tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet għall-operazzjoni preżenti tal-ipproċessar. Tista’ tirtira l-kunsens tiegħek fi kwalunkwe ħin billi tinnotifika lill-Kontrollur tad-Data. L-irtirar mhux se jaffettwa l-legalità tal-ipproċessar imwettaq qabel ma int tkun irtirajt il-kunsens.

Int tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek billi tikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data, jew f’każ ta’ kunflitt lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data. Jekk ikun meħtieġ, tista’ tindirizza wkoll lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. L-informazzjoni ta’ kuntatt tagħhom tinsab taħt l-Intestatura 9 hawn taħt.

Meta tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek fil-kuntest ta’ operazzjoni jew ta' diversi operazzjonijiet tal-ipproċessar speċifiċi, jekk jogħġbok ipprovdi d-deskrizzjoni tagħhom (jiġifieri r-referenza/i tar-reġistrazzjoni tagħhom kif speċifikat taħt l-Intestatura 10 hawn taħt) fit-talba tiegħek.

9. Informazzjoni ta’ kuntatt

  • Il-Kontrollur tad-Data

Jekk tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, jew jekk għandek xi kummenti, mistoqsijiet jew tħassib, jew jekk tixtieq tressaq ilment rigward il-ġbir u l-użu tad-data personali tiegħek, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data, l-unità D.1 “Relazzjonijiet mal-Partijiet Ikkonċernati” tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet:

OP-D1-SECRETARIAT@publications.europa.eu.

  • L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD) tal-Kummissjoni:

Tista’ tikkuntattja lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (DATA-PROTECTION-OFFICER@ec.europa.eu) fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-ipproċessar tad-data personali tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725.

  • Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD)

Inti għandek id-dritt għal rikors (jiġifieri tista’ tressaq ilment) għand il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (edps@edps.europa.eu) jekk jidhirlek li nkisru d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 b’riżultat tal-ipproċessar tad-data personali mill-Kontrollur tad-Data.

10.Fejn tista’ ssib aktar informazzjoni dettaljata?

L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni (UPD) jippubblika r-reġistru tal-operazzjonijiet kollha tal-ipproċessar dwar id-data personali mill-Kummissjoni, li ġew dokumentati u notifikati lilu. Tista’ taċċessa r-reġistru minn dan il-link li ġej: http://ec.europa.eu/dpo-register.

Din l-operazzjoni tal-ipproċessar speċifika ġiet inkluża fir-reġistru pubbliku tal-UPD bir-Referenza tar-reġistru li ġejja DPR-EC-00495.

]]>