ISSN 1831-5380
Mappa tas-sit | Avviż legali | L-Cookies | FAQ | Kuntatt | Ipprintja l-paġna

10.1. Il-punteġġatura

Pupazz imsejken qalb l-elementi ortografiċi, il-punteġġatura ħafna drabi tintuża b’mod fantasjuż: virgoli bejn is-suġġett u l-verb jew il-verb u l-oġġett dirett, virgola qabel konjugazzjoni, nuqqas ta’ virgoletti tal-ftuħ jew l-għeluq, punti ta’ sospensjoni wara argument twil minflok l-eċċ., inċiżi la Ingliża (b’virgoletta waħda), u oħrajn.

Daqqa t’għajn estensiva fl-istadju tal-qari preliminari tal-manuskritt, tista’ tevita biċċa kbira minn dawn l-inkonvenjenzi.

Il-punteġġatura fil-Malti tintuża l-istess bħal fl-Ingliż b’differenza waħda — il-virgoletti. Fejn fil-Malti nużaw il-virgoletti doppji meta qed nikkwotaw diskors dirett, fl-Ingliż jużaw virgoletti singli.

10.1.1. Il-punt (.)

Il-punt normalment ma jinkitibx f’titolu, sottotitolu, kliem li qiegħed f’lista jew wara espressjonijiet li mhumiex sentenzi, u xogħlu fl-aħħar tas-sentenza hu li juri t-tmiem assolut tas-sentenza. Ara l-appendiċi fl-aħħar ta’ dan il-ktejjeb.

“Eċċetra” għandu jkollha punt wieħed (eċċ.) meta tkun fit-tarf tas-sentenza u dan il-punt jitqies bħala punt finali wkoll. L-eċċ. għandha tkun ippreċeduta minn virgola:

[…] kontra l-importazzjoni ta’ ċertu frott taċ-ċitru preparat jew priżervat, eċċ.

L-abbrevjazzjonijiet jiġu segwiti minn punt sakemm ma jispiċċawx bl-ittra li tispiċċa biha l-kelma oriġinali. Pereżempju, niktbu Nru (bla punt) għax Nru tispiċċa bl-u bħalma tispiċċa l-kelma oriġinali numru; l-istess Dr, għax Dottor tispiċċa bir-r, iżda niktbu Art. (bil-punt) għax Artikolu tispiċċa bl-u u mhux bit-t u allura nagħmlu punt biex nuru li l-aħħar ittra f’dik l-abbrevjazzjoni fil-fatt mhix l-aħħar ittra tal-kelma oriġinali; para. (paragrafu), kap. (kapitolu), eż. (eżempju) u p. (paġna):

Ikkonsulta l-Kap. 2, l-Art. 7, para. 1 ta’ dan id-dokument.

Qatt ma niktbu punt qabel punt interrogattiv jew punt esklamattiv, madankollu jista’ jkun hemm abbrevjazzjoni li tispiċċa b’punt qabel punt interrogattiv jew esklamattiv.

In-noti ta’ qiegħ il-paġna dejjem jispiċċaw b’punt fl-aħħar:

ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

10.1.2. Il-virgola (,)

Niktbu virgola (,) biex nindikaw pawsa jew l-iċken intervall fis-sentenza:

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 727/2007 tas-26 ta’ Ġunju 2007 li jemenda l-Annessi I, III, VII u X tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta’ ċerti enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli.
Il-Protokoll għall-ftehim ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Kroazja, min-naħa l-oħra, sabiex tiġi kkonsidrata l-adeżjoni tar-Repubblika […]
[…] jadottaw u josservaw, kif jagħmlu l-Istati Membri l-oħra, it-testi tal-Ftehim, kif ukoll id-Dikjarazzjonijiet Konġunti, u d-Dikjarazzjonijiet Unilaterali […]

Eċċ. dejjem tieħu virgola qabilha:

L-Azzjoni Konġunta tad-9 ta’ Ġunju 1997 adottata mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, sabiex jiġu rfinati l-kriterji għall-kontrolli mmirati, il-metodi ta’ selezzjoni, eċċ.

10.1.3. Il-punt u l-virgola (;)

Meta jkollok serje ta’ temi jew lista li tkun twila u kkumplikata jew li tinvolvi punteġġatura interna, dawn għandhom jiġu separati bil-punt u l-virgola għal raġunijiet ta’ ċarezza:

L-applikanti għandhom:
1.
ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-UE;
2.
ikollhom grad universitarju […] dottorat;
3.
ikollhom mill-inqas 15-il sena esperjenza […] maniġerjali; […]

Nużaw il-punt u l-virgola biex nisseparaw partijiet importanti ta’ frażijiet li ma jkunux magħquda b’konġunzjoni (u, ukoll/wkoll, iżda, imma, jew, inkella) jew li jkun fihom virgola waħda jew iżjed:

L-Unjoni għandha timmira li tippromwovi l-progress ekonomiku u soċjali […] skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Trattat; li tafferma l-identità tagħha […] skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17; li ssaħħaħ il-protezzjoni […] ta’ ċittadinanza tal-Unjoni; li żżomm u tiżviluppa l-Unjoni bħala spazju ta’ libertà […] kontra l-kriminalità; […]

Il-punt u l-virgola jagħti wkoll dak id-distakk bejn żewġ elementi indipendenti jew iżjed f’sentenza, illi kieku kienu waħedhom kienu jistgħu jagħmlu sens b’mod awtonomu u komplut iżda, mifrudin, jikkontribwixxu aħjar għas-sħuħija tas-sens tat-test:

Ebda ftehim ma jorbot lil Stat Membru li r-rappreżentant tiegħu fil-Kunsill jiddikjara li l-Istat jeħtieġ jaderixxi mar-regoli tal-proċeduri kostituzzjonali tiegħu; il-membri l-oħra tal-Kunsill jistgħu jaqblu, madankollu, li l-ftehim għandu japplika b’mod proviżorju.

10.1.4. Iż-żewġ punti (:)

Tużax iż-żewġ punti fit-tmiem ta’ titoli jew biex tintroduċi tabella jew graff li tkun fit-test.

Kemm il-punt u l-virgola kif ukoll iż-żewġ punti jitqiegħdu dejjem qrib tal-ittra jew in-numru ta’ qabilhom u mhux bi spazju bejniethom. L-ispazju, madankollu, isir qabel tibda t-tieni parti tas-sentenza.

Nużaw iż-żewġ punti wkoll meta nkunu qed nintroduċu diskors dirett, kwotazzjoni, spjegazzjoni, numerazzjoni jew eżempju.

10.1.5. Il-parentesi tondi ()

Il-parentesi tondi jilqgħu fihom kumment/frażi li jippreċiżaw fatt fid-diskors ewlieni:

Magħmul f’Maastricht fis-seba’ jum ta’ Frar tas-sena elf disa’ mija u tnejn u disgħin (lista ta’ plenipotenzjarji mhux riprodotta).

Il-parentesi normalment ma jkunux ippreċeduti b’xi punteġġatura, u jekk ikun hemm sentenza sħiħa bejn il-parentesi, il-punt jitqiegħed qabel tagħlaq it-tieni u l-aħħar parentesi.

10.1.6. Il-parentesi kwadri []

Jekk fi kwotazzjoni jkun hemm kelma jew parti mill-kwotazzjoni nieqsa, din għandha tiġi indikata bi tliet puntini bejn parentesi kwadri.

Il-parentesi kwadri jintużaw ukoll biex jiżolaw preċiżazzjoni fid-diskors prinċipali:

F’kull wieħed mill-Istati Membri, il-Bank għandu […] minn proprjetà mobbli jew immobbli u jista’ jkun parti minn proċeduri legali [Ara wkoll l-Artikolu 9(4) tat-Trattat ta’ Amsterdam, li jaqra hekk: Il-Komunitajiet Ewropej għandhom igawdu, fit-territorji tal-Istati Membri, dawk il-privileġġi u […] jirrigwarda l-Bank Ċentrali Ewropew, l-Istitut Monetarju Ewropew, u l-Bank Ewropew tal-Investiment]. Il-proprjetà tal-Bank […]

10.1.7. Il-virgoletti doppji jew singli (“ ” jew ‘ ’)

Il-virgoletti ġeneralment jintużaw biex jinkwadraw kwotazzjoni jew terminu jew frażi:

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)
“Ilma tal-wiċċ”, “ilma ta’ taħt l-art”, “ilma intern”, “ilmijiet temporanji”, “ilma tal-kosta” u “baċir ta’ xmara” għandhom l-istess tifsira bħal fid-Direttiva 2000/60/KE;
(2)
“Awtorità kompetenti” tfisser l-awtorità jew awtoritajiet ta’ Stat Membru […];
(3)
“L-istaġun tal-għawm” tfisser il-perjodu li matulu numru kbir ta’ għawwiema […];
(4)
“Miżuri ta’ mmaniġġjar” tfisser il-miżuri li ttieħdu fir-rigward tal-ilma għall-għawm […];

Meta nużaw il-virgoletti ma nagħmlux spazju la fil-bidu u lanqas fl-aħħar. Kwotazzjoni nagħmluha bejn virgoletti doppji (“ ”) iżda nużaw virgoletti singli (‘ ’) meta nkunu qed nikkwotaw kwotazzjoni ġo kwotazzjoni:

Rapport maħruġ mill-UE saħaq li “it-triq għall-progress hija t-teknoloġija u l-iżvilupp sostenibbli u mhux kif qal l-ambaxxatur Iraqi ‘l-investiment fl-armi tal-qerda tal-massa’”.

Il-punteġġatura fil-kwotazzjonijiet għandha titqiegħed skont is-sens tal-istess kwotazzjoni; jekk il-punteġġatura hija parti mill-kwotazzjoni tintuża, jekk le ma nikkwotawhiex (jiġifieri ma tidħolx bejn il-virgoletti). Ara wkoll it-Taqsimiet 4.2.3 (il-virgoletti) u 5.10 (il-punteġġatura fil-kwotazzjonijiet).

Ismijiet ta’ kotba, espressjonijiet jew kliem mhux bil-Malti ma jitqegħdux bejn il-virgoletti għax dawn ġeneralment ikunu diġà miktubin korsiv. Mhux meħtieġ li tpoġġihom f’virgoletti u korsiv jew b’tipa skura fl-istess ħin.

10.1.8. Is-sing qasir (-)

Ir-regoli tas-sing qasir (-, hyphen) jimxu mar-regoli grammatikali tal-Malti u niktbuh fl-artiklu (eż. iz-zokkor, iċ-ċifra, is-seduta, eċċ.), fin-numri bejn ħdax u dsatax (li jemenda għal ħdax-il darba […], perjodu massimu ta’ ħmistax-il xahar wara l-adeżjoni […], it-Tmintax-il Direttiva tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 1989 […]), f’ċerti każijiet wara l-kelma “kemm” biż-żieda tal-partiċella “-il” (eż. jekk kemm-il darba l-liġi nazzjonali […], jinżammu responsabbli kemm-il darba l-prodott finalizzat […]).

Is-sing qasir jintuża wkoll f’bosta ismijiet ta’ pajjiżi, ftehimiet, summits, strateġiji, eċċ.

EU-27
Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE
Summit UE-LAC
Strateġija Konġunta UE-Afrika

10.1.9. Is-sing twil (—) (–)

Hemm żewġ tipi ta’ sing twil li jintużaw għal skopijiet differenti:

a) em-dash, — (Alt 0151): dan is-sing twil għandu l-irwol li jdaħħal fit-test kunċett sekondarju, iżda li jimxi id f’id mal-kunċett ewlieni tas-sentenza billi jkollu rabta tematika mill-qrib mal-bqija tas-sentenza:

Il-partijiet kontraenti għolja — waqt li jixtiequ jagħtu dettalji iktar kompleti dwar is-sistema ta’ negozju applikabbli għall-importazzjonijiet fil-Komunità Ekonomika Ewropea ta’ prodotti petrolifiċi irfinati fl-Antilles Olandiżi — ftiehmu dwar id-dispożizzjonijiet […]

Is-sing twil jintuża wkoll biex jippreżenta l-elementi differenti f’lista, kif ukoll biex jindika data nieqsa fil-listi jew fit-tabelli.

b) en-dash, – (Alt 0150): dan is-sing twil jintuża biex jindika sensiela ta’ paġni jew firxa ta’ snin. Jintuza wkoll bħala simbolu matematiku (minus) biex jindika kwantità negattiva:

pp. 12–28 (fil-ĠU p. 12–28)

2009–10 (iżda 1999–2010)

– 2 °C

– 10 %

10.1.10. Il-puntini ([…])

Il-puntini ([…]) huma sinjal ta’ interruzzjoni biex jindikaw espressjoni mhux kompluta li t-tifsira tagħha tista’ tinftiehem, biex jindikaw pawsa jew biex jippreparaw lill-qarrej li ġejja metafora.

Sabiex tiġi evitata l-konfużjoni jkun aħjar jekk il-puntini ma jintużawx qrib l-abbrevjazzjoni, eċċ.

Il-puntini qatt ma jkunu itwal minn tliet punti […] u jekk jinzertaw fit-tarf ta’ sentenza, il-punt ma nżiduhx.

10.1.11. L-iżbarra (solidus) (/)

L-iżbarra (/) fit-test isservi biex turi alternattivi għas-sentenza (u/jew), tfisser ukoll għal kull (km/h) kif ukoll fi frazzjonijiet (3/4).

Is-snin finanzjarji, skolastiċi, sportivi u snin oħrajn li ma jaħbtux mas-sena kalendarja jużaw l-iżbarra bħal pereżempju 2002/2003 tfisser sena ta’ 12-il xahar, iżda 2002–2003 tfisser perjodu ta’ ammont ta’ snin (f’dan il-każ sentejn).

10.1.12. Il-punt interrogattiv (?)

Kull mistoqsija għandha tiġi segwita dejjem bil-punt interrogattiv (?). L-ittra li jkun imiss wara tinkiteb dejjem kapitali:

Għidli, ja xemx, fil-mixja ta’ kull sena,
li tkejjel biha l-ġrajja tal-bnedmin,
qatt rajt ħaġa isbaħ minn Sant’Jiermu tagħna?
Qatt rajt iljuni eħrex mill-Maltin? […]
(silta meħuda mill-poeżija L-Għanja tar-Rebħa ta’ Dun Karm)

10.1.13. Il-punt esklamattiv (!)

Il-punt esklamattiv (!) jintuża wara kelma, sentenza jew frażi esklamatorja.

Omm! … xi ħlewwa, xi tjieba ta’ isem!
Omm, il-kelma tal-faraġ fil-hemm, […]
(silta meħuda mill-poeżija Waħdi ta’ Dun Karm)
Data tal-aħħar aġġornament: 24.7.2019
It-tarf ta’ fuq tal-paġna
Il-paġna ta’ qabelIl-paġna li jmiss