ISSN 1831-5380
Mappa tas-sit | Avviż legali | L-Cookies | FAQ | Kuntatt | Ipprintja l-paġna

5.9.2. Ir-referenzi għat-Trattati

Fir-referenzi għall-Artikoli tat-Trattati, għandha ssir attenzjoni partikolari għall-istadji storiċi differenti, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam man-numerazzjoni mill-ġdid tat-Trattat tal-UE. Wara kull emenda tat-Trattati, l-atti preċedenti għall-emenda bħal din iridu jippreservaw in-numerazzjoni u t-titolu tal-oriġini.

It-Trattat ta’ Pariġi (1952)
(firma: 18.4.1951, dħul fis-seħħ: 23.7.1952)

Il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA) twaqqfet permezz tat-Trattat ta’ Pariġi, li skada fit-23 ta’ Lulju 2002.

It-Trattati ta’ Ruma (1958)
(firma: 25.3.1957, dħul fis-seħħ:1.1.1958)

Il-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE) u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom jew KEEA) inħolqu permezz tat-Trattati ta’ Ruma.

It-Trattat ta’ Brussell (1967)
(firma: 8.4.1965, dħul fis-seħħ: 1.7.1967)

It-Trattat ta’ Brussell, magħruf ukoll bħala t-“Trattat li Jgħaqqad”, kellu l-għan li jimmodernizza l-istituzzjonijiet Ewropej billi jistabbilixxi Kummissjoni unika u Kunsill uniku minflok it-tliet Komunitajiet li kien hemm dak iż-żmien (il-KEFA, il-KEE u l-Euratom). Dan tħassar permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam.

It-Trattat ta’ Maastricht (1993)
(firma: 7.2.1992, dħul fis-seħħ: 1.11.1993)

Malli daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Maastricht, jew “it-Trattat tal-Unjoni Ewropea” (it-Trattat tal-UE, jew it-TUE), l-isem “Komunità Ekonomika Ewropea” ġie sostitwit b’dak ta’ “il-Komunità Ewropea”. It-Trattat tal-KEE nbidel u sar it-Trattat tal-KE.

It-Trattat tal-UE kien jikkonsisti minn Artikoli indikati permezz ta’ ittri jew permezz ta’ ittri u ċifri: “l-Artikolu A jew l-Artikolu K.1 tat-Trattat tal-UE”). Għandha tingħata attenzjoni biex ma jintużawx referenzi żbaljati tat-tip “l-Artikolu 130 A tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea”, li hija referenza għat-Trattat tal-KE.

Bl-istess mod, ma għandhiex tintuża l-formula “hekk kif emendat(a) permezz tat-Trattat tal-UE” (pereżempju, għandu jinkiteb, “l-Artikolu 130 A tat-Trattat tal-KE”, u mhux “l-Artikolu 130 A tat-Trattat tal-KE hekk kif emendat permezz tat-Trattat tal-UE”).

It-Trattat ta’ Amsterdam (1999)
(firma: 2.10.1997, dħul fis-seħħ: 1.5.1999)

Skont l-Artikolu 12 tat-Trattat ta’ Amsterdam, it-Trattat tal-UE kien soġġett għal numerazzjoni mill-ġdid tal-Artikoli (l-Artikoli A, B, C, eċċ. ġew numerati mill-ġdid biex saru l-Artikolu 1, 2, 3…), b’konformità ma’ tabella ta’ korrelazzjoni li tinsab fit-Trattat imsemmi.

It-Trattat ta’ Amsterdam:
https://publications.europa.eu/s/fp3W

It-Trattat ta’ Nizza (2003)
(firma: 26.6.2001, dħul fis-seħħ: 1.2.2003)

It-Trattat ta’ Nizza kellu l-għan li jirriforma l-istituzzjonijiet biex jiżgura li l-UE tkun tista’ tkompli tiffunzjona effettivament wara t-tkabbir għal 25 Stat Membru.

It-Trattat ta’ Lisbona (2009)
(firma: 13.12.2007, dħul fis-seħħ: 1.12.2009)

Skont l-Artikolu 5 tat-Trattat ta’ Lisbona, it-Trattat tal-UE reġa’ kien soġġett għal numerazzjoni mill-ġdid, b’konformità ma’ tabella ta’ korrelazzjoni mehmuża mat-Trattat ta’ Lisbona.

Tabella ta’ korrelazzjoni, it-Trattat ta’ Lisbona:
https://eur-lex.europa.eu/resource.html?uri=cellar:8d1c14fc-6be7-4d4e-8416-f28cfc7b3b60.0016.01/DOC_17&format=PDFPDF

It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (it-Trattat tal-KE, jew TKE) ġie emendat u msejjaħ it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-Trattat FUE, jew TFUE).

Il-kunċett ta’ “Komunità Ewropea” fis-sens tat-Trattat tal-KE ġie sostitwit minn “Unjoni Ewropea”. B’konsegwenza ta’ dan, it-termini “Komunitarju/Komunitarji” u “tal-Komunità” jridu jiġu sostitwiti minn “tal-Unjoni” jew il-forom kollha xierqa:

il-politika tal-Unjoni (u mhux il-politika Komunitarja)
il-muniti ta’ Pajjiżi Terzi (u mhux il-muniti ta’ Pajjiżi mhux Komunitarji)
NB:
Madankollu, “Komunità” u “Komunitarja/Komunitarju” jibqgħu aċċettati f’dak li għandu x’jaqsam mal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (it-Trattat tal-Euratom) u għandom jibqgħu jintużaw f’referenzi storiċi.
Ara wkoll it-Taqsima 3.4.1 (l-ordni ta’ ċitazzjoni tat-Trattati fl-Atti).
Data tal-aħħar aġġornament: 24.7.2019
It-tarf ta’ fuq tal-paġna
Il-paġna ta’ qabelIl-paġna li jmiss