4.4. Identifikaturi assenjati mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet
Sa mill-2001, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet jaġixxi bħala aġenzija uffiċjali għall-għoti tal-identifikaturi ta’ wara l-pubblikazzjonijiet tal-istituzzjonijiet, entitajiet, aġenziji jew korpi oħrajn tal-Unjoni Ewropea: ISBN (numru internazzjonali standard tal-kotba), ISSN (numru internazzjonali standard tal-pubblikazzjonijiet f’serje u riżorsi kontinwi oħra) u DOI (identifikatur diġitali ta’ oġġett). Dawn l-identifikaturi internazzjonali jintużaw biex jirreġistraw b’mod inekwivokabbli u esklussiv il-pubblikazzjonijiet fid-dinja kollha. Hija indikata wkoll identifikazzjoni interna (numru tal-katalogu) għal kull prodott (kotba, fuljetti, posters, eċċ.) f’kull format (karta, elettroniku, CD/DVD, eċċ.).
L-allokazzjoni tal-identifikaturi tirrikjedi li s-servizzi tal-awtur jipprovdu lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet b’żewġ kopji fiżiċi tal-ktieb, kif ukoll jibagħtu l-verżjoni elettronika (PDF).
Kull meta ssir talba għall-pubblikazzjoni, l-identifikaturi jiġu allokati awtomatikament mill-Uffiċċju.
4.4.1. Numru internazzjonali standard tal-kotba (ISBN)
Kull pubblikazzjoni monografika (ara t-Taqsima 4.3.1) tirċievi numru internazzjonali standard tal-kotba (ISBN) mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet.
L-allokazzjoni ta’ ISNB ma għandha l-ebda sinifikat jew valur legali fir-rigward tal-proprjetà tad-drittijiet fuq il-ktieb ikkonċernat, u lanqas fir-rigward tal-kontenut tiegħu.
Ladarba jkun allokat lill-prodott, l-ISBN ma jistax jiġi mmodifikat, sostitwit jew użat mill-ġdid.
Jintalab ISBN separat:
Fil-każ ta’ diversi volumi, jiġi allokat ISBN għal kull wieħed mill-volumi u ISBN ta’ raggruppament hu allokat għall-volumi kollha. L-ISBN ta’ raggruppament kif ukoll dak ta’ kull wieħed mill-volumi rispettivi għandhom jidhru fuq wara tal-paġna tat-titolu ta’ kull volum.
Meta pubblikazzjoni tiġi ppubblikata b’mod konġunt jew bħala koedizzjoni minn żewġ edituri jew aktar, kull editur jista’ jalloka l-ISBN tiegħu billi jindikah fuq il-paġni tad-drittijiet tal-awtur. Madankollu, fuq il-pubblikazzjoni, għandu jidher biss ISBN wieħed f’forma ta’ barcode.
ISBN għandu jkun allokat ukoll għal pubblikazzjonijiet f’folji separati għal skop determinat (jiġifieri mhux maħsuba biex jiġu ppubblikati b’mod indefinit). Min-naħa l-oħra, il-pubblikazzjonijiet f’folji separati aġġornati kontinwament (riżorsi integrati) jew il-partijiet individwali aġġornati ma għandhomx jirċievu ISBN.
Pożizzjoni u indikazzjoni tal-ISBN
Sa mill-1 ta’ Jannar 2007, in-numru ISBN, li għandu dejjem jidher fuq l-oġġett, jinvolvi 13-il element strutturati f’ħames gruppi, ippreċeduti mill-prefiss ISBN segwit minn spazju:
ISBN 978-92-79-00077-5
Pubblikazzjonijiet stampati
Fuq il-pubblikazzjonijiet stampati, l-ISBN għandu jkun stampat fuq wara tal-paġna tat-titolu flimkien mal-identifikaturi l-oħra kollha (ara l-eżempju fit-Taqsima 5.3.1). Jekk dan ma jkunx possibbli, dan għandu jidher fin-naħa t’isfel tal-paġna tat-titolu jew jiżdied mal-indikazzjoni tad-drittijiet tal-awtur.
Huwa għandu jidher ukoll fuq il-parti t’isfel tal-qoxra ta’ wara (u fil-parti t’isfel tal-qoxra barranija) (ara l-eżempju fit-Taqsima 5.1.1).
Pubblikazzjonijiet elettroniċi jew forom oħra ta’ prodotti mhux stampati
Għall-pubblikazzjonijiet online, l-ISBN għandu jidher fuq il-paġna tal-iskrin li jindika t-titolu jew l-ekwivalenti tiegħu, u/jew fuq l-iskrin li jindika d-drittijiet tal-awtur.
Għal kull prodott ieħor (CD-ROM, DVD, eċċ.), l-ISBN għandu jidher fuq it-tikketta mwaħħla b’mod permanenti fuq il-prodott jew, jekk dan ma jkunx possibbli, fin-naħa t’isfel tal-parti ta’ wara ta’ kull ippakkjar permanenti tal-oġġett (kaxxa, borża, frejm, eċċ.).
L-ISBN għandu jkun ukoll inkluż fid-data kollha dwar il-pubblikazzjoni jew il-prodott.
Fil-każ ta’ pubblikazzjoni f’formati differenti, jekk dawn ikunu miġbura flimkien f’lott wieħed, jintalab ISBN wieħed; jekk dawn ikunu oġġett ta’ distribuzzjoni separata, kull verżjoni għandha tingħata ISBN. Barra minn hekk, l-ISBN kollha għandhom jidhru flimkien f’kull verżjoni, b’indikazzjoni mqassra tal-format, bħal fl-eżempju li ġej:
EPUB
HTMLISBN 978-951-45-9693-3
ISBN 978-951-45-9694-0
ISBN 978-951-45-9695-7
ISBN 978-951-45-9696-4
L-ISBN għandu jidher ukoll fuq il-materjal kollu li jakkumpanja lill-pubblikazzjoni.
Aġenzija internazzjonali tal-ISBN:
https://www.isbn-international.org (EN)
Gwida tal-implimentazzjoni tal-ISBN:
https://www.isbn-international.org/content/isbn-users-manual (EN)
Mistoqsijiet dwar l-ISBN:
https://www.isbn.org/faqs_general_questions (EN)
Sistema EAN.UCC:
https://www.gs1.org/ (EN)
ISO 2108:2017: numru internazzjonali standard tal-ktieb (ISBN):
https://www.iso.org/standard/65483.html (EN)
L-istandards ISO jistgħu jinkisbu mingħand il-membri tal-ISO, li l-lista tagħhom tinsab fuq is-sit:
https://www.iso.org/members.html (EN)
4.4.2. Numru internazzjonali standard tal-pubblikazzjonijiet fis-serje (ISSN)
Ir-riżorsi kontinwi (pubblikazzjonijiet f’serje u riżorsi integrati permanenti) (ara t-Taqsima 4.3.2) għandhom jiġu identifikati permezz ta’ numru internazzjonali standard tal-pubblikazzjonijiet fis-serje (ISSN), allokat mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet.
L-allokazzjoni ta’ ISSN ma għandha l-ebda sinifikat jew valur legali fir-rigward tal-proprjetà tad-drittijiet fuq il-ktieb ikkonċernat, u lanqas fir-rigward tal-kontenut tiegħu.
ISSN hu allokat b’mod uniku:
Fil-każ ta’ diversi volumi, ISSN hu allokat għat-titolu ewlieni, indipendentement min-numru ta’ volumi li jiffurmawh. L-ISSN għandu jkun allokat ukoll għal ġabra ta’ monografiji bħala tali (f’dan il-każ l-ISBN jiġi allokat għal kull volum tal-ġabra).
L-ISSN hu marbut b’mod permanenti ma’ “titolu ewlieni”, maħluq permezz tan-network tal-ISSN waqt ir-reġistrazzjoni tar-riżorsa. It-titolu ewlieni huwa uniku għal kull riżorsa kontinwa.
Għandu jiġi allokat ISSN ġdid (u titolu ewlieni ġdid) għal riżorsa kontinwa:
L-ISSN proprju (u għalhekk titolu ewlieni partikolari) għandu jiġi allokat għal kull suppliment jew għal kull sottoserje li takkumpanja eventwalment ir-riżorsa kontinwa.
Pożizzjoni u indikazzjoni tal-ISSN
L-ISSN jikkonsisti f’żewġ gruppi ta’ erba’ numri (numri Għarab) separati permezz ta’ sing, ippreċeduti mill-abbrevjazzjoni ISSN segwita minn spazju. L-aħħar element (element ta’ kontroll) jista’ jkun X:
ISSN 0251-1479
ISSN 1831-855X
L-ISSN għandu jidher b’mod ċar fuq jew fl-ewwel kunsinna ta’ pubblikazzjoni f’serje, kif ukoll fuq jew f’kull kunsinna suċċessiva, kif ukoll f’kull verżjoni ta’ riżorsa integrata permanenti.
Meta l-ISSN ikun akkumpanjat minn identifikatur ieħor (bħal ISBN fil-każ ta’ volum ta’ kollezzjoni), iż-żewġ numri għandhom jidhru flimkien, kull wieħed identifikat bil-prefiss meħtieġ (ISBN, ISSN, doi, eċċ.).
Jekk riżorsa kontinwa jkollha diversi ISSN minħabba t-titoli differenti (bħat-titolu ta’ kollezzjoni prinċipali u t-titoli tas-sottokollezzjonijiet tagħha), l-ISSN għandhom jidhru kollha fuq tali riżorsa, b’distinzjoni, pereżempju, bl-għajnuna ta’ titolu komplut u mqassar bejn parentesi.
Fil-każ ta’ pubblikazzjoni fuq mezzi differenti (bl-allokazzjoni tal-ISSN u ta’ titoli ewlenin differenti), l-ISSN kollegati jistgħu jidhru fuq ir-riżorsi kontinwi, filwaqt li jistabbilixxu distinzjoni bejniethom, bħal fl-eżempju li ġej:
HTMLISSN 1562-6585
ISSN 1063-7710
Għax-xogħlijiet stampati, fuq kull pubblikazzjoni għandu jidher, fir-rokna ta’ fuq, fuq il-lemin tal-qoxra jew, jekk ma jkunx hemm qoxra, b’mod ċar u li jidher sew, preferibbilment fl-ordni li ġej: paġna tat-titolu, nota marġinali, spazju vojt, qoxra ta’ wara, indikazzjoni fl-aħħar tal-ktieb (colophon) jew paġni editorjali.
Għax-xogħlijiet fuq mezzi elettroniċi (xogħlijiet online, CD-ROM, eċċ.), dan għandu jidher fuq il-paġna tal-iskrin li jindika t-titolu jew, fin-nuqqas ta’ dan, fuq il-menù prinċipali, u, jekk ikun possibbli, fuq kull tikketta mwaħħla b’mod permanenti mal-pubblikazzjoni. Jekk ma jkunx possibbli li jitwaħħal l-ISSN fuq il-prodott jew fuq it-tikketta tiegħu, dan għandu jidher fuq il-kontenitur.
Għar-riżorsi online, dan għandu jidher ukoll fil-metadata (fil-qasam tal-identifikazzjoni).
L-ISSN ta’ kollegament (ISSN-L)
Skont it-tifsira tal-istandard ISO 3297:2020 (ISSN), l-ISSN ta’ kollegament (ISSN-L) hu allokat għal riżorsa kontinwa (ara t-Taqsima 4.3.2) għar-raggruppament tal-mezzi fiżiċi differenti tar-riżorsa kkonċernata, indipendentement min-numru ta’ mezzi (kull wieħed minn dawn il-mezzi għandu jkollu fuqu ISSN separat).
L-ISSN-L jippreżenta ruħu bħala sekwenza ta’ żewġ gruppi ta’ erba’ numri separati b’sing, preċeduti mill-abbrevjazzjoni ISSN-L segwita minn spazju:
ISSN-L 0251-1479
L-ISSN-L għandu jiġi mmodifikat meta t-titoli tal-mezzi fiżiċi kollha ta’ riżorsa jkunu oġġett ta’ modifika li tirriżulta fl-istess ħin. Għaldaqstant, hu allokat ISSN ġdid għal kull mezz separat bħalma hu allokat ISSN-L ġdid, b’mod globali.
Ċentru internazzjonali tal-ISSN:
https://www.issn.org (EN)
Manwal tal-ISSN:
https://www.issn.org2-23364-ISSN-Manual.php (EN)
ISO 3297:2020: numru internazzjonali standard tal-pubblikazzjonijiet fis-serje (ISSN) :
https://www.iso.org/standard/73846.html (EN)
L-istandards ISO jistgħu jinkisbu mingħand il-membri tal-ISO, li l-lista tagħhom tinsab fuq is-sit:
https://www.iso.org/members.html (EN)
4.4.3. Identifikatur ta’ oġġett diġitali (DOI)
Id-DOI (digital object identifier) huwa sistema ta’ identifikazzjoni ta’ prodott f’ambjent diġitali maħsub biex jiżgura l-kontinwità tal-hyperlinks. Dan jista’ jkun applikat għal:
Kull DOI huwa uniku u permanenti. Dokument iżomm id-DOI tiegħu matul l-eżistenza kollha tiegħu jew f’każ li jiġi eliminat dan id-dokument, id-DOI ma jistax jerġa’ jiġi użat.
In-numru DOI jikkonsisti fi prefiss u f’suffiss separati bi żbarra. Dan għandu jkun ippreżentat kif ġej (ippreċedut mill-abbrevjazzjoni “doi” b’ittri żgħar segwita minn żewġ punti, mingħajr spazju):
doi:10.2788/14231
Bħala prinċipju, il-pożizzjoni tiegħu ssegwi l-istess prinċipji applikati għall-ISBN jew l-ISSN.
International DOI Foundation (IDF):
https://www.doi.org (EN)
The DOI® handbook:
https://www.doi.org/hb.html (EN)
Informazzjoni u linji gwida dwar id-DOI:
https://www.crossref.org/education/metadata/persistent-identifiers/doi-display-guidelines (EN)
4.4.4. Numru tal-katalogu
Minbarra l-identifikaturi internazzjonali, ix-xogħlijiet kollha mwettqa mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet huma mmarkati b’identifikatur intern, jiġifieri n-numru tal-katalogu.
Dan huwa għodda ta' ġestjoni interna tal-Uffiċċju, użat għal finijiet ta’ tixrid. Dan jintuża, fost affarijiet oħra, biex jirreġistra l-pubblikazzjonijiet fil-katalogi. Jintuża wkoll bħala mezz ta’ identifikazzjoni f’diversi applikazzjonijiet tal-informatika.
In-numru tal-katalogu huwa stampat fuq il-qoxra ta’ wara, fir-rokna ta’ fuq, fuq in-naħa tal-lemin; jekk ma jkunx hemm qoxra, dan għandu jidher b’mod li jkun jidher sew fuq il-ktieb.