ISSN 1831-5380
Mappa tas-sit | Avviż legali | L-Cookies | FAQ | Kuntatt | Ipprintja l-paġna

Prefazju

Waħda mill-prijoritajiet u d-dmirijiet vitali tal-Unjoni Ewropea hija d-diffużjoni tal-informazzjoni fil-lingwi kollha.

Ħafna nies mhumiex konxji tal-involviment u l-kumplessità li ġġib magħha din il-ħidma. Lanqas ma huma konxji tal-ammont (dejjem jiżdied) u l-karattru multilingwi tad-dokumentazzjoni li titqassam. Dan iseħħ biss permezz tal-iżvilupp kontinwu tat-tekniki użati, flimkien ma’ sforz kostanti ta’ razzjonalizzazzjoni sabiex dan il-kompitu jkun jista’ jseħħ kuljum.

Il-Gwida tal-Istil Interistituzzjonali tagħmel parti minn din il-perspettiva. Dan ix-xogħol, li jkompli proċedura mibdija fl-1993 bil-Vademecum tal-editur, huwa l-frott ta’ sensiela twila ta’ negozjati li ħadu sehem attiv fihom l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni Ewropea. Il-ġestjoni ta’ proġett għall-istandardizzazzjoni lingwistika f’numru daqshekk konsiderevoli ta’ lingwi, tqieset bħala xi ħaga utopika. Madankollu, ir-riżultat ta’ dan ix-xogħol straordinarju huwa ta’ suċċess kbir, peress li l-24 verżjoni huma disponibbli fuq is-sit web tal-Gwida tal-Istil (https://publications.europa.eu/code//).

Erbgħa u għoxrin komunità lingwistika rnexxielhom jistabbilixxu skema ta’ xogħol komuni, hekk li biha tkun garantita l-istabbiltà fid-dehra, li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jridu jagħtu liċ-ċittadin. Din il-ħidma — fattur ta’ koeżjoni bejn gruppi lingwistiċi differenti, kif ukoll bejn l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organizzazzjonijiet deċentralizzati (aġenziji) li żdiedu tul dawn l-aħħar snin — turi li l-multilingwiżmu mhux bilfors iservi ta’ sors ta’ nuqqas ta’ qbil. L-Ewropa trid twieġeb għall-ħtiġijiet ta’ kulħadd u permezz ta’ din l-għodda rnexxielha tgħaqqad ir-riżorsi lingwistiċi tagħha biex tittrasforma dak li jidher bħala nuqqas ta’ qbil, f’fattur inkomparabbli ta’ unjoni fost dawk kollha li huma msejħa sabiex jikkontribwixxu fit-testi maħruġa mill-Unjoni Ewropea.

Il-konklużjonijiet tal-Kumitat Interistituzzjonali tal-Gwida tal-Istil japplikaw għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha tal-Unjoni, u l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet għandu jieħu ħsieb li dawn jiġu implimentati. Il-ħarsien tal-Gwida tal-Istil hi l-garanzija tal-immaġni ta’ Ewropa deċiża li taqdi liċ-ċittadin: dan jiggarantilu servizz fil-lingwa tiegħu filwaqt li tkun żgurata l-armonija u l-uniċità tal-messaġġ imxandar ma’ kulħadd.

Martine REICHERTS
Id-Direttur Ġenerali,
L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet

NB:
It-test ta’ dan il-prefazju kien ippubblikat oriġinalment bil-Franċiż.
Data tal-aħħar aġġornament: 23.7.2019
It-tarf ta’ fuq tal-paġna
Il-paġna ta’ qabelIl-paġna li jmiss