Rapport Speċjali
Nru02 2019

Perikli kimiċi fl-ikel tagħna: il-politika tal-UE dwar is-sikurezza alimentari tipproteġina, iżda jeżistu ċerti diffikultajiet

Dwar ir-rapport Is-sikurezza alimentari hija ta’ prijorità għolja għall-UE u taffettwa liċ-ċittadini kollha. L-UE timmira li tipproteġi liċ-ċittadini tagħha mill-perikli li jistgħu jkunu preżenti fl-ikel. Aħna vverifikajna jekk il-mudell tas-sikurezza alimentari tal-UE, speċifikament fir-rigward ta’ perikli kimiċi, għandux bażi soda u jekk huwiex qed jiġi implimentat b’mod adegwat. Aħna sibna li dan il-mudell fil-fatt għandu bażi soda u huwa rrispettat fid-dinja kollha, u li ċ-ċittadini Ewropej jibbenefikaw minn wieħed mill-ogħla livelli ta’ aċċertament fid-dinja f’dak li jirrigwarda s-sikurezza tal-ikel tagħhom. Madankollu, aħna sibna wkoll li attwalment il-mudell tas-sikurezza alimentari tal-UE huwa ambizzjuż wisq, u qed jiffaċċja ċerti diffikultajiet. Aħna nagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar kif għandha tindirizza dawn id-diffikultajiet u ttejjeb il-funzjonament tal-mudell tas-sikurezza alimentari.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġej:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

Is-sikurezza alimentari hija ta’ prijorità għolja għall-UE. Hija taffettwa liċ-ċittadini kollha u hija marbuta mill-qrib mal-politiki kummerċjali. Il-politika tal-UE dwar is-sikurezza alimentari timmira li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem u tfittex li tipproteġi liċ-ċittadini tagħha minn tliet tipi ta’ perikli fl-ikel: fiżiċi, bijoloġiċi u kimiċi.

II

Dan l-awditu kkonċentra fuq il-perikli kimiċi, u l-mistoqsija tal-awditjar tagħna kienet “Il-mudell stabbilit mill-UE fir-rigward tas-sikurezza alimentari għandu bażi soda u jiġi implimentat b’mod li l-prodotti li nikkunsmaw fl-UE jkunu sikuri mill-perikli kimiċi?” Aħna sibna li l-mudell għandu bażi soda u li fil-fatt huwa rrispettat fid-dinja kollha. Madankollu, aħna sibna wkoll li attwalment dan huwa ambizzjuż wisq, billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri ma għandhomx il-kapaċità li jimplimentawh bis-sħiħ.

III

Għas-sustanzi kimiċi, il-mudell tal-UE rigward is-sikurezza alimentari jitqies bħala punt ta’ referenza madwar id-dinja kollha u, skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), iċ-ċittadini Ewropej jibbenefikaw minn wieħed mill-ogħla livelli ta’ aċċertament fid-dinja f’dak li jirrigwarda s-sikurezza tal-ikel tagħhom. Is-saħħa ta’ dan il-mudell hija bbażata fuq:

  1. l-istruttura ta’ governanza tiegħu, bid-diviżjoni tar-responsabbiltajiet bejn l-aġenziji deċentralizzati tal-UE u l-Kummissjoni, li tissepara l-valutazzjoni tar-riskji mill-ġestjoni tar-riskji;
  2. l-għan tiegħu li jivvaluta s-sikurezza tas-sustanzi kimiċi qabel ma dawn jintużaw fil-katina alimentari; u
  3. l-allokazzjoni ċara tiegħu tar-responsabbiltajiet bejn is-settur privat u l-awtoritajiet ta’ kontroll pubbliċi.

Barra minn hekk, l-UE tirrikjedi li l-pajjiżi terzi jikkonformaw mal-istandards tal-UE sabiex jiggarantixxu li l-ikel importat fl-UE jkun jissodisfa l-istess standards għoljin ta’ sikurezza.

IV

Madankollu, aħna identifikajna xi diffikultajiet li l-mudell qed jiffaċċja attwalment fir-rigward tal-implimentazzjoni tiegħu. B’mod partikolari, aħna sibna li:

  1. Il-qafas legali tal-UE li jirregola s-sustanzi kimiċi fl-ikel, fl-għalf, fil-pjanti u fl-annimali ħajjin għadu xogħol fl-idejn u għadu ma kisibx il-livell ta’ implimentazzjoni previst fil-liġi tal-UE dwar l-ikel. Barra minn hekk, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), li tipprovdi pariri xjentifiċi biex tinforma d-dritt, ir-regoli u t-tfassil tal-politika fil-livell Ewropew, qed tesperjenza dewmien fix-xogħol tagħha, inkluż fir-rigward tas-sustanzi kimiċi. Dan jaffettwa l-funzjonament xieraq ta’ ċerti partijiet tas-sistema u s-sostenibbiltà tal-mudell fl-intier tiegħu.
    Barra minn hekk, il-kontrolli mwettqa mill-korpi pubbliċi jistgħu jikkostitwixxu biss proporzjon żgħir tal-kontrolli kollha mtwettqa. Aħna sibna li xi wħud mill-kontrolli mwettqa mill-Istati Membri jkopru ċerti gruppi ta’ sustanzi kimiċi b’mod aktar frekwenti minn oħrajn, u li l-qafas legali huwa tant estensiv li l-awtoritajiet pubbliċi waħidhom isibuha diffiċli li jassumu r-responsabbiltajiet kollha li jingħataw lilhom. L-aħjar mod, biex il-mudelli tal-UE jibqa’ kredibbli, huwa billi jikkomplementa s-sistemi ta’ kontroll pubbliċi b’dawk tas-settur privat. Madankollu, is-sinerġiji bejn is-sistema ta’ kontroll pubblika u dik privata għadhom kif bdew jiġu esplorati.
  2. L-UE timmira li tiggarantixxi li l-ikel importat ikun jirrispetta l-istandards għoljin Ewropej fir-rigward tas-sikurezza. Attwalment, l-UE llimitat l-użu ta’ pestiċidi fuq il-bażi ta’ kriterji ta’ periklu. Minkejja dan, ir-residwi ta’ dawn il-pestiċidi jistgħu jkunu tollerati fi prodotti li jiġu importati fl-UE jekk valutazzjoni tar-riskji tkun uriet li ma hemmx riskju għall-konsumaturi.
  3. Is-sistema ta’ kontroll għandha ċerti limitazzjonijiet, billi l-Istati Membri ffaċċjaw xi diffikultajiet biex jiddeterminaw in-natura tal-azzjoni ta’ infurzar li għandha tittieħed f’każ ta’ nuqqas ta' konformità. Barra minn hekk, il-Kummissjoni identifikat xi opportunitajiet biex issaħħaħ il-proċeduri tagħha għall-monitoraġġ u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar l-ikel.
V

Fuq il-bażi ta’ dawn is-sejbiet, filwaqt li nħeġġu lill-Kummissjoni biex tkompli tiżviluppa l-qafas legali b’mod li jkompli jipproteġi liċ-ċittadini mill-perikli kimiċi, aħna nagħmlu tliet rakkomandazzjonijiet. Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. Bħala parti mill-eżerċizzju attwali tal-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) relatat mal-qafas legali li jirregola l-ikel, l-għalf, l-annimali ħajjin u l-pjanti, tivvaluta l-bidliet potenzjali għal-leġiżlazzjoni li tirregola l-perikli kimiċi fid-dawl tal-kapaċità li tapplikaha b’mod konsistenti. Hija għandha tibni fuq ix-xogħol li diġà nbeda biex tħeġġeġ il-komplementarjetà, billi tidentifika t-triq ’il quddiem sabiex l-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri jkunu jistgħu, fejn ikun iġġustifikat, jiddependu b’mod aktar estensiv fuq il-kontrolli li jitwettqu mis-settur privat biex itejjeb il-koordinazzjoni u l-effiċjenza tal-kontrolli u s-sostenibbiltà tal-mudell tal-UE rigward is-sikurezza alimentari.
  2. Għal residwi tal-pestiċidi fl-ikel, tispjega x’azzjoni tkun se tieħu biex iżżomm l-istess livell ta’ aċċertament, kemm għall-ikel li jiġi prodott kif ukoll għal dak li jiġi importat fl-UE, filwaqt li tibqa’ konformi mar-regoli tad-WTO.
  3. Tagħti lill-Istati Membri aktar gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ infurzar. Il-Kummissjoni għandha tibda tuża wkoll l-opportunitajiet li tkun identifikat biex issaħħaħ il-proċeduri tagħha għall-monitoraġġ tal-konformità mar-regoli tal-UE dwar l-ikel.

Introduzzjoni

1

Is-sikurezza alimentari hija ta’ prijorità għolja, kemm għall-UE kif ukoll għaċ-ċittadini kollha tagħha. Il-politika tal-UE dwar is-sikurezza alimentari, li hija msejsa fuq ir-responsabbiltà primarja tal-operaturi privati1, għandha l-għan li tipproteġi lill-persuni minn mard li huwa kkawżat mill-ikel li jieklu. Is-sikurezza alimentari tista’ taffettwa s-saħħa taċ-ċittadini kollha u hija marbuta mill-qrib kemm mal-iżgurar tal-moviment liberu tal-ikel u l-għalf tal-annimali fl-Unjoni kif ukoll mal-iffaċilitar tal-kummerċ globali2 ta’ għalf sikur u ta’ ikel sikur li jkun tajjeb għas-saħħa. Il-liġi Ewropea dwar l-ikel timmira li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-ħajja u s-saħħa tal-bniedem3. Il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza tal-politika, billi ddikjarat li l-garanzija li l-ikel li jinbiegħ fl-UE jibqa’ sikur tinsab fil-qalba ta’ Ewropa li tipproteġi4.

2

Skont l-istimi tad-WHO relatati mal-piż globali ta’ mard li jkun ġej mill-ikel5, l-Ewropa hija waħda mill-postijiet l-aktar sikuri fid-dinja fir-rigward tal-ikel li nieklu.

X’inhuma l-perikli kimiċi fl-ikel?

3

L-għan ta’ mudell tas-sikurezza alimentari huwa li jiġġieled kontra tliet tipi ta’ perikli6: fiżiċi7, bijoloġiċi8 u kimiċi. Dan l-awditu ffoka fuq il-perikli kimiċi.

4

L-ikel kollu fih sustanzi kimiċi. Il-perikli kimiċi huma sustanzi li għandhom il-potenzjal li jikkawżaw effetti avversi fuq is-saħħa li jew iseħħu b’mod naturali jew li jinżdiedu l-produzzjoni jew manipulazzjoni tal-ikel (ara t-Tabella 1). Eżempji jinkludu xi addittivi, pestiċidi u ċerti metalli. Ir-residwi ta’ ċerti sustanzi jistgħu jibqgħu u jkollhom impatt fuq il-bqija tal-katina alimentari jew fuq diversi kategoriji ta’ prodotti. Pereżempju, ir-residwi ta’ pestiċidi użati fit-tkabbir tal-pjanti bħala għalf jistgħu jiġu identifikati aktar tard matul it-testijiet li jsiru fuq l-ikel li joriġina mill-annimali. Għal din ir-raġuni, il-mudell tal-UE rigward is-sikurezza alimentari jsegwi approċċ integrat, li jinkludi azzjonijiet li jkopru l-katina alimentari kollha kemm hi, mill-għalf tal-annimali, is-saħħa tal-annimali, il-protezzjoni tal-pjanti u l-produzzjoni tal-ikel sal-ipproċessar, il-ħżin, it-trasport, l-importazzjoni u l-esportazzjoni, kif ukoll il-bejgħ bl-imnut. Il-perikli kimiċi jistgħu jkunu preżenti fl-ikel kollu, inkluż l-ikel organiku9.

Tabella 1

Gruppi ta’ perikli kimiċi suġġetti għar-regolamentazzjoni tal-UE u inklużi fl-ambitu ta’ dan l-awditu

Ingredjent regolat tal-ikel Addittivi tal-ikel
Enzimi tal-ikel
Aromatizzanti tal-ikel
Sorsi tan-nutrijenti (supplimenti tal-ikel / prodotti botaniċi)
Residwi fil-katina alimentari Addittivi tal-għalf
Mediċini veterinarji
Pestiċidi
Kontaminanti Sustanzi niġġiesa ambjentali
Kontaminanti naturali
Kontaminanti tal-proċess
Materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel
5

Il-korpus legali tal-Unjoni Ewropea li jirregola s-sustanzi kimiċi fir-rigward tas-sikurezza alimentari huwa estensiv u frammentat. L-UE adottat bosta biċċiet ta’ leġiżlazzjoni10, inklużi direttivi, regolamenti, deċiżjonijiet u ftehimiet, għal kull qasam speċifiku (addittivi tal-ikel, aromatizzanti, addittivi tal-għalf, pestiċidi, eċċ.). B’mod ġenerali, dan il-korpus legali jirregola madwar 8 000 sustanza kimika (ara l-Anness I).

Riskji għas-saħħa assoċjati mal-perikli kimiċi fl-ikel

6

L-effetti tal-ikel li jkun fih sustanzi kimiċi f’livelli tossiċi huma diffiċli li jiġu kkwantifikati. Studji dwar mard li jkun ġej mill-ikel spiss jinkludu inqas ċifri fir-rigward ta’ mard jew imwiet ikkawżati minn perikli kimiċi11 milli fir-rigward ta’ infezzjonijiet li jkunu ġejjin mill-ikel. Dan jista’ jkun dovut għall-fatt li l-ħsara kkawżata minn ħafna perikli kimiċi ssir evidenti biss fuq terminu twil, li f’xi wħud mill-każijiet tirriżulta mill-interazzjoni u mill-effett kumulattiv tagħhom fuq il-ġisem tagħna.

7

L-ilmenti spontanji dwar prodott speċifiku fis-suq li jkun jaqbeż il-limiti ta’ tossiċità huma għaldaqstant relattivament rari. Is-sistema ta’ kontroll operata mill-awtoritajiet pubbliċi (ara l-paragrafi 13 sa 17) għandha rwol ewlieni fil-protezzjoni tal-konsumaturi minn riskji potenzjali.

8

Is-sustanzi kimiċi fl-ikel – inklużi s-sustanzi li jseħħu b’mod naturali – jistgħu jaġixxu bħala interferenti endokrinali, u l-antibijotiċi użati fuq l-annimali jistgħu jżidu r-resistenza għall-antimikrobiċi. L-Anness II jagħti eżempji ta’ riskji għas-saħħa mhux negliġibbli li huma assoċjati ma’ sustanzi kimiċi fl-ikel.

9

Meta ġew mistoqsija dwar għadd ristrett ta’ problemi relatati mal-ikel, iċ-ċittadini pperċepew l-użu ta’ pestiċidi, antibijotiċi u addittivi fil-produzzjoni tal-ikel bħala l-problema li tinkwetahom l-aktar. Studju reċenti li ġie kkummissjonat mill-EFSA sab li 86 % tar-rispondenti kienu inkwetati ħafna jew pjuttost inkwetati dwar l-użu ta’ dawn is-sustanzi fil-produzzjoni tal-ikel (ara l-Figura 1).

Figura 1

Perċezzjonijiet dwar ir-riskji assoċjati ma’ diversi problemi – fl-UE kollha

Sors: Etienne, J. et al., EU Insights – Consumer perceptions of emerging risks in the food chain (Fehim approfondit tal-UE – Perċezzjonijiet tal-konsumaturi dwar ir-riskji emerġenti fil-katina alimentari), l-EFSA, 18.4.2018. doi:10.2903/sp.efsa.2018.EN-1394 ICF.

Għalfejn l-ikel ikun fih perikli kimiċi?

10

L-ikel jista’ jkun espost għal livelli tossiċi ta’ sustanzi kimiċi permezz ta’ bosta modi, inklużi l-prattiki agrikoli, il-proċessi industrijali, il-ħżin mhux xieraq, il-kontaminazzjoni ambjentali u t-tossini naturali. Il-perikli kimiċi jseħħu fi kwalunkwe punt fil-katina alimentari. Il-Kikkra tal-kafè 1 hawn taħt turi x’tip ta’ perikli kimiċi jista’ jkun hemm fi prodott komuni. Fir-rapport, aħna inkludejna żewġ Kikkri tal-kafè oħra li jagħtu eżempju ta’ kif dan l-istess prodott jiġi affettwat mill-mudell tal-UE rigward is-sikurezza alimentari.

Kikkra tal-kafè 1

Iż-żrieragħ tal-kafè fihom xi tip ta’ periklu kimiku?

Iż-żrieragħ tal-kafè inkaljat li jintużaw biex tipprepara l-kikkra kafè ta’ kuljum jista’ jkun fiha, pereżempju:

  • residwi ta’ pestiċidi li jiġu applikati fuq il-pjanta u li jkunu preżenti fuq iż-żrieragħ (eż. ettakloru),
  • kontaminanti ambjentali bħal metalli tqal li jinsabu fiż-żrieragħ tal-kafè minħabba li l-impjant jassorbihom mill-ħamrija,
  • kontaminanti tal-proċess li jiġu ġġenerati matul il-proċess tal-inkaljar (eż. akrilammid).

Il-Kikkra tal-kafè 2 (taħt il-paragrafu 34) tispjega kif dawn jiġu ċċekkjati.

Sors: Il-QEA.

11

Minbarra l-obbligu legali, l-operaturi tan-negozji tal-ikel għandhom interess reputazzjonali u ekonomiku qawwi sabiex jiżguraw li l-ikel li huma jbigħu jkun sikur. Is-sustanzi kimiċi, bħad-diżinfettanti u l-preservattivi jistgħu jgħinuhom f’dan. Huma għandhom ukoll interessi ekonomiċi li jistgħu jwassluhom biex jużaw sustanzi kimiċi sabiex, pereżempju, inaqqsu l-ispejjeż, jew inkella joffru prodotti, sawriet jew togħmiet ġodda.

12

Is-sustanzi kimiċi li huma suġġetti għal-liġi tal-UE dwar l-ikel jirrappreżentaw biss parti tal-għadd totali ta’ sustanzi kimiċi fis-suq. Il-proporzjon eżatt mhuwiex magħruf. Il-biċċa l-kbira mis-sustanzi kimiċi li jintużaw fl-ikel huma suġġetti għal proċeduri ta’ awtorizzazzjoni ta’ qabel ma joħorġu fis-suq biex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti tal-liġi tal-UE dwar l-ikel, inkluża s-sikurezza alimentari. L-għadd ta’ talbiet għall-awtorizzazzjoni ta’ sustanzi ġodda qed jiżdied kull sena12. Tradizzjonalment, l-UE għandha rwol ewlieni fis-suq globali tas-sustanzi kimiċi agroalimentari. L-EFSA hija l-korp tal-UE li huwa responsabbli għall-valutazzjoni tar-riskji fil-kwistjonijiet kollha li jkopru l-katina alimentari.

Kif taħdem is-sistema tal-UE għall-kontroll tas-sikurezza alimentari

13

Il-maġġoranza tad-dispożizzjonijiet dwar is-sikurezza alimentari jiġu deċiżi fil-livell tal-UE. Il-Kummissjoni, filwaqt li tieħu kont tal-parir li jingħataw mill-aġenziji speċjalizzati tal-UE, tipproponi r-regoli li għandhom jiġu segwiti biex tiġi garantita s-sikurezza tal-ikel li jiġi kkunsmat fl-UE. Id-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari (DĠ SANTE) huwa l-parti tal-Kummissjoni li hija inkarigata minn din il-politika.

14

L-awtoritajiet tal-Istati Membri huma responsabbli għall-infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar il-katina agroalimentari fi ħdan it-territorji tagħhom. L-awtoritajiet kompetenti jorganizzaw sistemi ta’ kontrolli uffiċjali fit-territorju tagħhom biex jivverifikaw li l-attivitajiet tal-operaturi u l-prodotti li jitqiegħdu fis-suq tal-UE jkunu jikkonformaw mal-istandards u mar-rekwiżiti rilevanti. Il-Kummissjoni hija responsabbli għall-adozzjoni ta’ miżuri fil-konfront ta’ pajjiżi terzi (eż. billi tneħħi stabbilimenti minn fuq il-lista) u għat-teħid ta’ azzjoni legali meta l-Istati Membri ma jissodisfawx ir-responsabbiltajiet tagħhom.

15

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 fuq il-Kontrolli Uffiċjali dwar l-Ikel u l-Għalf jifforma l-bażi għall-kontrolli li jitwettqu. Ir-regolament jimmira lejn approċċ integrat u uniformi għall-kontrolli uffiċjali tul il-katina agroalimentari. Huwa jipprovdi l-qafas li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jivverifikaw il-konformità mal-liġi dwar l-ikel u l-għalf u li jipprevjenu, jeliminaw u jnaqqsu għal livelli aċċettabbli r-riskji għall-bnedmin u għall-annimali. Ir-regolament jistabbilixxi wkoll regoli speċifiċi għall-kontrolli uffiċjali li jsiru fuq prodotti importati. Il-qasam tal-perikli kimiċi jiġi regolat ukoll permezz ta’ għadd estensiv ta’ strumenti legali settorjali.

16

L-UE hija l-akbar importatur u esportatur ta’ prodotti agrikoli u alimentari fid-dinja. Il-kontrolli fuq l-importazzjonijiet għandhom l-għan li jiżguraw li dawn ikunu konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE bl-istess mod bħall-ikel li jiġi prodott fl-UE. Il-prinċipju ta’ bażi huwa li l-prodotti alimentari kollha fis-suq tal-UE jridu jkunu sikuri, irrispettivament mill-oriġini tagħhom13.

17

In-negozji involuti fil-katina alimentari huma primarjament responsabbli għas-sikurezza tal-ikel u dawn spiss ikollhom sistemi ta’ aċċertament li jestendu sal-punt tal-provvista.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

18

L-awditu tagħna eżamina l-bażi u l-funzjonament tal-mudell tal-UE rigward is-sikurezza alimentari fil-każ ta’ perikli kimiċi. Bosta fatturi ttieħdu inkunsiderazzjoni fit-teħid ta’ deċiżjoni dwar l-ambitu tal-awditu: ir-rilevanza tar-riskji assoċjati mal-qasam tal-perikli kimiċi, ir-rilevanza tar-responsabbiltà tal-UE fir-rigward tas-sustanzi kimiċi, ir-rilevanza għolja u l-impatt potenzjali ta’ awditu b’fokus bħal dan, kif ukoll l-ambitu kopert minn awditi oħra tal-Qorti, kemm dawk reċenti kif ukoll dawk li għadhom għaddejjin. Il-mistoqsija kumplessiva tal-awditjar kienet:

Il-mudell stabbilit mill-UE fir-rigward tas-sikurezza alimentari għandu bażi soda u jiġi implimentat b’mod li l-prodotti li nikkunsmaw fl-UE jkunu sikuri mill-perikli kimiċi?

19

B'mod partikolari, aħna eżaminajna:

  • jekk il-mudell tal-UE rigward is-sikurezza alimentari għas-sustanzi kimiċi jitqiesx li huwa konformi mal-aħjar prattika internazzjonali.
  • jekk l-UE għandhiex bażi legali soda biex tiggarantixxi r-rispett tar-rekwiżiti ewlenin tal-UE relatati mas-sustanzi kimiċi fl-ikel, fl-għalf tal-annimali, fl-annimali ħajjin u fil-pjanti f’dak li jirrigwarda l-importazzjonijiet;
  • l-implimentazzjoni tal-mudell, b’mod partikolari l-kompletezza tal-qafas legali, il-funzjonament tas-sistema ta’ kontroll u jekk il-mudell huwiex vijabbli fuq terminu medju.

L-awditu ma kellux l-għan li jevalwa mill-ġdid il-valutazzjonijiet xjentifiċi li twettqu fi-rigward ta’ problemi relatati mas-sikurezza tal-ikel.

20

Fil-valutazzjoni tal-operat tas-sistemi ta’ kontroll fl-Istati Membri, aħna ikkunsidrajna s-sena l-aktar reċenti li fiha dokumenti kompleti dwar l-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ kienu disponibbli (jiġifieri l-2016).

21

Aħna wettaqna l-awditu bejn Diċembru 2017 u Mejju 2018. Ġbarna evidenza għall-awditjar permezz ta’:

  • Analiżijiet dokumentarji u intervisti mal-Kummissjoni (Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari) u mal-EFSA, l-awtorità tal-UE li, flimkien mal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, tipprovdi pariri xjentifiċi dwar is-sikurezza alimentari14; aħna eżaminajna u analizzajna wkoll il-proċeduri, il-linji gwida, il-korrispondenza mal-Istati Membri, il-minuti tal-laqgħat kif ukoll l-evalwazzjonijiet esterni u r-rapporti tal-awditjar tal-Kummissjoni.
  • Żjarat fi tliet Stati Membri: l-Italja, in-Netherlands u s-Slovenja15. F’kull wieħed minn dawn l-Istati Membri, aħna żorna l-ministeri rilevanti tal-gvern, l-operaturi tan-negozji tal-ikel u l-punti ewlenin fis-sistemi ta’ kontroll tal-Istati Membri (bħal postijiet ta’ spezzjoni fil-fruntiera). Matul iż-żjarat fl-Istati Membri aħna ċċekkjajna l-operat tas-sistemi ta’ kontroll tagħhom kif ukoll il-fluss ta’ informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni u lill-EFSA dwar ir-riżultati tal-kontrolli u d-data xjentifika.
  • Laqgħat mal-esperti li, bħala parti mix-xogħol tagħhom fl-Istati Membri jew fl-EFSA, jieħdu sehem f’fora internazzjonali u jkollhom aċċess għal informazzjoni aġġornata fil-qasam tal-perikli kimiċi u tas-sikurezza alimentari inġenerali.

Osservazzjonijiet

Il-mudell tal-UE rigward is-sikurezza alimentari li jiġi applikat għas-sustanzi kimiċi huwa punt ta’ referenza fid-dinja kollha

22

Din it-taqsima tar-rapport tippreżenta dawk l-elementi li jagħmlu l-mudell tal-UE punt ta’ referenza fid-dinja kollha. It-taqsima tiddeskrivi wkoll il-bażi legali tal-UE li tirrikjedi li l-pajjiżi terzi jikkonformaw mal-istandards tal-UE meta jkunu qed jesportaw lejn l-UE, sabiex jiġi ggarantit li l-prodotti li jkunu ġejjin mill-UE u dawk li jiġu importati jkunu jissodisfaw l-istess standards għoljin ta’ sikurezza.

Is-saħħa tal-mudell tal-UE hija bbażata fuq għadd ta’ elementi distintivi

23

Fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) tal-Kummissjoni16, ir-riżultati reċenti tal-Kontroll tal-Idoneità fuq il-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel17, il-biċċa prinċipali tal-leġiżlazzjoni tal-UE li tirregola s-settur alimentari, jirrikonoxxu għadd ta’ attributi pożittivi tal-mudell tal-UE rigward is-sikurezza alimentari. L-istudji li analizzajna u l-esperti li ltqajna magħhom (ara l-paragrafu 21) kollha kienu jqisu li dan il-mudell bħala punt ta’ referenza18 19 20. Minkejja l-fatt li l-mudell tal-UE huwa wieħed mill-aktar żviluppati, l-ispejjeż tal-konformità għall-bdiewa fl-UE huma, b’mod ġenerali, f’konformità ma’ dawk f’partijiet oħra fid-dinja21. Hemm bosta elementi li jitqiesu li huma distintivi u karatteristiċi tas-saħħa tal-mudell tal-UE. Din it-taqsima tiddiskuti tlieta minn dawn l-elementi.

Il-mudell tal-UE jirrikonoxxi b’mod ċar u jiddistingwi bejn tliet komponenti tal-analiżi tar-riskji

24

Id-dritt tal-UE, u b’mod partikolari l-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel (ir-Regolament (KE) Nru 178/2002)22, jiddistingwi bejn tliet komponenti tal-analiżi tar-riskji fil-livell tal-UE: l-istima (valutazzjoni) tar-riskji, l-amministrazzjoni (ġestjoni) tar-riskji, u l-komunikazzjoni tar-riskji (ara l-Figura 2).

Figura 2

It-tliet komponenti tal-analiżi tar-riskji fil-livell tal-UE

* L-EMA hija responsabbli għall-valutazzjoni tar-riskji tal-UE fil-qasam tal-prodotti mediċinali (b’mod partikolari l-mediċina veterinarja).

** Fatturi soċjetali, ekonomiċi, tradizzjonali, etiċi u ambjentali kif ukoll il-fattibbiltà tal-kontrolli.

Sors: Il-QEA.

25

Sabiex tiżgura s-separazzjoni ta’ dawn it-tliet komponenti, il-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel, fl-2002, stabbiliet Aġenzija Ewropea indipendenti bl-iskop li tipprovdi valutazzjonijiet xjentifiċi tar-riskji dwar is-sikurezza alimentari: l-EFSA23. L-istabbilment ta’ dan il-korp ippermetta lil dawk inkarigati mit-tfassil tal-politika tal-UE dwar is-sikurezza alimentari mhux biss li jirreaġixxu għall-kriżijiet tas-saħħa pubblika iżda wkoll li jimplimentaw sistema sħiħa ta’ sikurezza tal-ikel li tinkorpora standards u mekkaniżmi għall-iżgurar tal-konformità ma’ dawn l-istandards. Il-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel kienet tipprevedi li dan il-korp ikollu setgħat suffiċjenti biex jistabbilixxi l-pedamenti għal mudell tas-sikurezza alimentari bbażat fuq ix-xjenza.

L-approċċ tal-UE għas-sikurezza alimentari japplika l-prinċipju ta’ prekawzjoni, fejn ikun meħtieġ

26

Il-“prinċipju ta’ prekawzjoni” huwa għodda ta’ ġestjoni tar-riskji li hija rikonoxxuta fil-Liġi Ġnerali tal-UE dwar l-Ikel24 (ara l-Kaxxa 1). Fejn ikun hemm motivi raġonevoli għal tħassib u l-inċertezza xjentifika tkun tippersisti, il-prinċipju jista’ jiġi invokat matul il-proċess ta’ ġestjoni tar-riskju u tista’ tiġi eżerċitata kawtela.

Kaxxa 1

Il-prinċipju ta’ prekawzjoni kif iddefinit fil-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel

Il-prinċipju ta’ prekawzjoni jirreferi għal sitwazzjoni speċifika fejn:

  • ikun hemm motivi raġonevoli għal tħassib li jeżisti livell inaċċettabbli ta’ riskju għas-saħħa
  • l-informazzjoni ta’ sostenn u d-data disponibbli mhumiex kompleti biżżejjed biex jippermettu li ssir valutazzjoni komprensiva tar-riskji.

Meta jiffaċċjaw dawn iċ-ċirkustanzi speċifiċi, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jew il-maniġers tar-riskju jistgħu jieħdu miżuri jew azzjonijiet oħra bbażati fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni, filwaqt li jfittxu data xjentifika u data oħra li jkunu aktar kompleti. Dawn il-miżuri għandhom jikkonformaw mal-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni u tal-proporzjonalità u għandhom ikunu proviżorji saż-żmien meta tkun tista’ tinġabar u tiġi analizzata informazzjoni aktar komprensiva rigward ir-riskju.

27

Fil-Komunikazzjoni tagħha tas-sena 2000 dwar il-prinċipju ta’ prekawzjoni, il-Kummissjoni speċifikat li jenħtieġ li l-prinċipju jiġi applikat b’għadd ta’ restrizzjonijiet25. Il-prinċipju jista’ jiġi applikat fejn tkun twettqet valutazzjoni tar-riskji u jkun ġie konkluż li, minkejja li jeżisti riskju konkret, aktar informazzjoni xjentifika għadha meħtieġa biex tiġi ddeterminata l-firxa ta’ dan ir-riskju (ara l-Figura 3). Il-prinċipju ta’ prekawzjoni (…) jipprovdi bażi għal azzjoni meta x-xjenza ma tkunx tista’ tagħti tweġiba ċara26. B’hekk, huwa jippermetti li l-maniġer tar-riskji jieħu miżuri proviżorji filwaqt li jkun qed jistenna aktar informazzjoni xjentifika meħtieġa sabiex ikun jista’ jwettaq valutazzjoni komprensiva tar-riskji.

Figura 3

L-użu tal-prinċipju ta’ prekawzjoni

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni.

28

Il-prinċipju ta’ prekawzjoni għandu kemm is-sostenituri kif ukoll il-kritiċi. Is-sostenituri jiddikjaraw li dan il-prinċipju huwa għodda tajba għall-protezzjoni tal-pubbliku minn effetti avversi potenzjali (f’dan il-każ, perikli kimiċi). Il-kritiċi jibżgħu li l-applikazzjoni tal-prinċipju xxekkel l-innovazzjoni u hija għalja bla bżonn. Fil-Komunikazzjoni tagħha tas-sena 2000, il-Kummissjoni ppruvat tibbilanċja l-libertà u d-drittijiet tal-individwi, tal-industrija u tal-organizzazzjonijiet mal-ħtieġa li tnaqqas ir-riskju ta’ effetti avversi fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti.

29

Taħt il-Ftehim dwar l-Applikazzjoni tal-Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji (il-“Ftehim SPS”)27, il-Membri tad-WHO jimpenjaw lilhom infushom biex jiżviluppaw l-istandards tagħhom fir-rigward tas-saħħa skont kriterji bbażati fuq ir-riskju28. Dan jippreżenta benefiċċji importanti għall-UE, li hija wieħed mill-esportaturi ewlenin tal-ikel. Fil-leġiżlazzjoni li tirregola l-kummerċjalizzazzjoni u l-użu ta’ pestiċidi, il-qafas legali attwali tal-UE jikkombina żewġ tipi ta’ kriterji: dawk ibbażati fuq ir-riskju (fil-biċċa l-kbira mill-każijiet) u dawk “ta’ esklużjoni” bbażati fuq il-periklu (ara l-Kaxxa 2). Il-kriterji bbażati fuq ir-riskju jimplikaw li sustanza speċifika għandha tgħaddi mill-proċess kollu kemm hu ta’ valutazzjoni tar-riskji29 biex jiġu ddeterminati l-limiti tas-sikurezza tagħha, filwaqt li l-kriterji bbażati fuq il-periklu jipprojbixxu ċerti sustanzi30 purament fuq il-bażi li dawn jitqiesu li huma potenzjalment perikolużi (eż. karċinoġeniċi), mingħajr il-ħtieġa għal valutazzjoni sħiħa tar-riskji.

Kaxxa 2

Differenza bejn periklu u riskju

Il-qafas legali tal-UE jagħmel differenza bejn il-kriterji bbażati fuq il-periklu u dawk ibbażati fuq ir-riskju. Il-pestiċidi li ma jissodisfawx il-kriterji ta’ esklużjoni bbażati fuq il-periklu, ma jistgħux jitqiegħdu fuq is-suq jew jintużaw fl-UE. Ir-residwi ta’ dawn il-pestiċidi jistgħu jkunu tollerati fi prodotti importati jekk valutazzjoni tar-riskji tkun uriet li ma hemmx riskju għall-konsumaturi.

Sors: L-EFSA.

30

Skont ir-regoli tad-WTO, il-pajjiżi importaturi ma jistgħux jużaw biss il-kriterji bbażati fuq il-periklu bħala bażi għall-esklużjoni ta’ importazzjonijiet potenzjali31. Reċentement, il-Kummissjoni kellha diskussjonijiet mal-Istati Membri, li jivvalutaw it-talbiet għal tolleranzi tal-importazzjoni (ara l-paragrafu 38), dwar il-mod kif għandhom jiġu implimentati r-rekwiżiti legali stabbiliti fiż-żewġ Regolamenti tal-UE applikabbli għall-awtorizzazzjonijiet tal-pestiċidi u r-residwi tal-pestiċidi32, filwaqt li jaderixxu mal-impenji tagħhom skont il-Ftehim SPS33.

Id-dritt tal-UE jalloka r-responsabbiltà primarja għas-sikurezza tal-ikel lin-negozji tal-ikel

31

L-operaturi tan-negozji tal-ikel u tal-għalf jinkludu, pereżempju, il-bdiewa, is-sajjieda, il-proċessuri, id-distributuri, l-importaturi u l-bejjiegħa bl-imnut. Dawn huma kollha suġġetti għal rekwiżiti legali ġenerali u speċifiċi34 . Skont il-liġi tal-UE dwar l-ikel, ir-responsabbiltà għall-iżgurar tal-konformità ma’ din il-leġiżlazzjoni – u b’mod partikolari għas-sikurezza tal-ikel – hija primarjament tal-operaturi tan-negozji tal-ikel (jew tal-għalf)35. Biex jikkomplementaw u jappoġġaw dan il-prinċipju, l-awtoritajiet tal-Istati Membri huma meħtieġa jiżguraw li jitwettqu kontrolli xierqa u effettivi, u l-Kummissjoni hija meħtieġa timmonitorja l-qafas fl-intier tiegħu biex tiżgura li dan ikun qed jiffunzjona kif suppost (ara l-Figura 4).

Figura 4

Struttura tal-kontrolli privati u pubbliċi fil-qasam tas-sikurezza alimentari

Nota: L-operaturi tan-negozji tal-ikel jistgħu wkoll ikunu suġġetti għal kontrolli addizzjonali taħt skemi privati ta’ ċertifikazzjoni u jinkluduhom fl-istruttura tal-kontrolli fuq is-sikurezza alimentari. Madankollu, huma mhumiex suġġetti għal kontrolli uffiċjali li jitwettqu mill-Istati Membri jew għall-monitoraġġ mill-Kummissjoni.

Sors: Il-QEA.

32

Minħabba l-volum kbir ta’ ikel, għalf, annimali ħajjin u pjanti li huma suġġetti għal-liġijiet tal-UE dwar is-sikurezza alimentari (kimika), huwa importanti li jkun hemm koordinazzjoni tajba kemm tal-kontrolli privati36 kif ukoll ta’ dawk pubbliċi, sabiex ir-riżorsi jintużaw b’mod effiċjenti. Biex jipprovdu eżempju tal-għadd ta’ kontrolli involuti37, fl-2016, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri analizzaw 84 657 kampjun għal residwi tal-pestiċidi (inklużi kampjuni li ġew iċċekkjati mill-Iżlanda u min-Norveġja) u 706 764 kampjun għal sustanzi u residwi koperti bid-Direttiva 96/23/KE38.

33

Fl-2016, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-Istati Membri setgħux jippjanaw il-kontrolli uffiċjali tagħhom fuq l-għalf abbażi ta’ kontrolli mwettqa mis-settur privat39 u fl-2017, hija esplorat is-sinerġiji possibbli bejn il-kontrolli uffiċjali, il-kontrolli interni mwettqa mill-operaturi tan-negozji tal-ikel u l-iskemi privati ta’ ċertifikazzjoni40. Bħala eżitu tal-eżerċizzju dwar l-għalf li sar fl-2016, il-Kummissjoni identifikat kemm il-benefiċċji potenzjali, kif ukoll id-diffikultajiet, ta’ interazzjoni aktar mill-qrib bejn is-sistema ta’ kontrolli uffiċjali tal-għalf u l-iskemi privati ta’ assigurazzjoni.

34

Filwaqt li l-awtoritajiet tal-Istati Membri qablu li huwa importanti li l-kwalità ta’ dawn l-iskemi privati u l-kontrolli interni tal-operaturi tan-negozji tal-ikel jiġu mmonitorjati kif suppost, mill-inqas żewġ awtoritajiet tal-Istati Membri esprimew tħassib fir-rigward ta’ dawn l-iżviluppi41. Fosthom il-fatt li hemm relazzjoni finanzjarja bejn l-operaturi tan-negozji tal-ikel u l-korpi taċ-ċertifikazzjoni u li l-awditi għall-iskemi jiġu prinċipalment mħabbra, u għaldaqstant l-affidabbiltà tal-informazzjoni tista’ tiġi affettwata b’mod negattiv. Tħassib ieħor huwa li ċerti rekwiżiti legali mhumiex replikati b’mod preċiż fis-sistemi tal-Istandards dwar is-Sikurezza Alimentari għas-Settur Privat eż. il-limiti ta’ residwi.

Kikkra tal-kafè 2

Il-kumpaniji tal-kafè kif jiċċekkjaw il-prodott tagħhom?

Iż-żrieragħ li jintużaw għall-kafè huma kważi ċertament importati u jista’ jkun li ġew ipproċessati minn operatur tan-negozji tal-ikel fl-UE.

Dan l-operatur għandu sistema ta’ ġestjoni HACCP (Analiżi tal-Perikli u Punti Kritiċi ta' Kontroll) biex jidentifika, fost affarijiet oħra, kull periklu kimiku relatat man-negozju tiegħu. L-operaturi jistabbilixxu proċeduri speċifiċi bħal tindif regolari tal-faċilitajiet (għall-prevenzjoni ta’ kontaminanti ambjentali), testijiet fil-laboratorju għal kull vjeġġ ta’ prodott mhux ipproċessat hekk kif dan jasal, sistemi kompjuterizzati għall-kontroll tal-livelli massimi ta’ sħana matul il-proċess tal-inkaljar (għall-kontroll tal-ġenerazzjoni ta’ akrilammid), u ħafna oħrajn.

Minbarra dan, ġeneralment l-operaturi jwettqu kontrolli addizzjonali biex jissodisfaw talbiet speċifiċi mingħand il-konsumaturi diretti tagħhom (eż. biex jiggarantixxu n-nuqqas ta’ sustanzi speċifiċi).

Jekk tixtieq tkun taf x’jiċċekkjaw l-awtoritajiet pubbliċi, mur għall-Kikkra tal-kafe 3 (taħt il-paragrafu 61).

Ikel li jiġi importat minn pajjiżi terzi għandu jissodisfa l-istandards tal-UE

35

Madwar 13 % tal-prodotti kkunsmati fl-UE jiġu importati42. Barra mit-territorju tal-UE, l-istandards tas-sikurezza alimentari jistgħu jkunu differenti minn dawk applikati fl-UE. Flimkien ma’ 188 pajjiż, l-UE taħdem għall-iżvilupp tal-Codex Alimentarius, li huwa ġabra ta’ standards, linji gwida u kodiċijiet ta’ prattika. Il-Codex jipprovdi qafas essenzjali, li jallinja ħafna kwistjonijiet relatati mal-istandards alimentari. Iżda, filwaqt li għadd ta’ pajjiżi japplikaw l-istandards maqbula fil-Codex, hemm limitazzjonijiet fir-rigward tal-istandardizzazzjoni li dan jista’ jipprovdi43. Skont il-Kummissjoni, pereżempju, madwar nofs il-livelli massimi ta’ residwi għall-pestiċidi li ġew stabbiliti fi snin reċenti kienu ndaqs fil-Codex u fil-leġiżlazzjoni tal-UE.

36

Fuq is-sit web u fil-komunikazzjonijiet pubbliċi tagħha, il-Kummissjoni tiddikjara li regoli tal-importazzjoni stretti fir-rigward tal-iġjene tal-ikel u l-għalf, tas-sikurezza tal-konsumaturi u tal-istatus ta’ saħħa tal-annimali għandhom l-għan li jiżguraw li l-importazzjonijiet kollha jkunu jissodisfaw l-istess standards għoljin bħal dawk tal-prodotti li jkunu ġejjin mill-UE nfisha44. Ir-rapport Annwali l-aktar reċenti tal-EFSA dwar ir-residwi tal-pestiċidi jindika li l-importazzjonijiet għandhom probabbiltà doppja li jkunu suġġetti għall-ittestjar bħall-produzzjoni domestika. Dan jirrifletti l-applikazzjoni ta’ mudell tar-riskji għas-sikurezza alimentari45.

37

L-UE żżomm ir-relazzjonijiet kummerċjali ma’ pajjiżi terzi b’żewġ modi: 1) permezz ta’ ftehimiet bilaterali, u 2) mingħajr ftehimiet bilaterali speċifiċi. Fiż-żewġ każijiet, il-pajjiżi terzi huma meħtieġa jikkonformaw mal-istandards tal-UE meta jesportaw lejn l-UE.

38

F’każijiet iġġustifikati, il-pajjiżi terzi jistgħu jitolbu lill-UE timmodifika ċerti limiti (eż. il-Limiti Massimi ta’ Residwi għal pestiċida speċifiku jew għal prodott alimentari speċifiku). Dan il-mekkaniżmu huwa magħruf bħala “tolleranza tal-importazzjoni”. Stat Membru maħtur, l-ewwel jivvaluta t-talba u d-dokumentazzjoni li tintbagħat mill-pajjiż terz. Imbagħad, ibbażat fuq il-valutazzjoni tar-riskji tal-Istat Membru l-EFSA toħroġ opinjoni. Jekk din l-opinjoni tkun favorevoli u tistabbilixxi li s-sikurezza tal-konsumaturi ma titpoġġiex f’riskju, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li taċċetta t-talba tal-pajjiż terz għal tolleranza tal-importazzjoni u li temenda l-qafas legali tal-UE biex ikun jissodisfa l-ħtiġijiet tagħha (eż. billi tistabbilixxi MRL speċifiku tal-UE). Il-pajjiżi terzi jistgħu japplikaw ukoll għal tolleranzi tal-importazzjoni għal ikel li jkun fih sustanzi attivi li ma jkunux awtorizzati fl-UE46. B’hekk, fil-każ ta’ tolleranzi tal-importazzjoni, l-UE żviluppat qafas legali sabiex tirrikjedi lill-pajjiżi terzi li jesportaw lejn l-UE biex jikkonformaw mal-istess standards tas-sikurezza alimentari bħal dawk meħtieġa mill-produtturi tal-UE (ara l-paragrafu 30).

Il-mudell qed jiffaċċja diffikultajiet

39

Din il-parti tar-rapport tidentifika d-diffikultajiet li attwalment il-mudell tal-UE rigward is-sikurezza alimentari qed jiffaċċja. It-taqsimiet li ġejjin jispjegaw il-livell ta’ kompletezza tal-qafas legali; għadd ta’ elementi li jeżistu u li jikkompromettu s-sostenibbiltà tal-mudell rigward is-sikurezza almentari fuq terminu medju; u l-limitazzjonijiet tas-sistema ta’ kontroll.

Xi elementi tad-dispożizzjonijiet legali tal-UE għadhom jeħtieġu implimentazzjoni jew azzjoni

40

Fis-snin minn meta l-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel ġiet adottata fl-2002, daħlu fis-seħħ diversi regolamenti li jirregolaw il-perikli kimiċi fl-ikel, fl-għalf, fl-annimali ħajjin u fil-pjanti. Xi elementi tad-dispożizzjonijiet legali tal-UE għadhom jeħtieġu implimentazzjoni u azzjoni mill-Kummissjoni (ara l-paragrafu 53 u l-Anness III). Xi wħud minn dawn l-elementi huma għalhekk koperti minn miżuri nazzjonali. Aħna sibna li dan affettwa l-infurzabbiltà tal-qafas legali u l-funzjonament xieraq tas-suq, kif ukoll jista’ jikkomprometti l-livell ta’ protezzjoni mill-perikli kimiċi li dawk li jfasslu l-liġijiet tal-UE pprevedew fl-2002. It-Tabella 2 tipprovdi eżempji ta’ elementi ta’ dispożizzjonijiet legali tal-UE li għadhom jeħtieġu implimentazzjoni jew azzjoni mill-Kummissjoni.

Tabella 2

Elementi tad-dispożizzjonijiet legali tal-UE li għad iridu jiġu implimentati u li għad trid tittieħed azzjoni dwarhom

Tip ta’ sustanza Elementi pendenti
Addittivi tal-ikel Evalwazzjoni mill-ġdid kompleta
Metodoloġija għall-kejl tal-konsum ta’ addittivi tal-ikel
Enzimi tal-ikel Adozzjoni ta’ lista ta’ enzimi awtorizzati tal-ikel
Aromatizzanti tal-ikel Aġġornament tal-lista ta’ aromatizzanti tal-ikel
Metodoloġija għall-kejl tal-konsum ta’ aromatizzanti tal-ikel
Sorsi tan-nutrijenti (supplimenti tal-ikel/prodotti botaniċi) Stabbiliment tal-livelli massimi u minimi ta’ vitamini u minerali
Residwi tal-pestiċidi Armonizzazzjoni ta’ fatturi tal-ipproċessar
Metodoloġija għall-istabbiliment tal-MRL għall-esponiment kumulattiv
41

Aħna sibna li, attwalment, id-dritt tal-UE jkopri xi wħud mill-gruppi ta’ sustanzi (eż. ir-residwi tal-pestiċidi, il-mediċini veterinarji) f’aktar dettall minn oħrajn (eż. l-enzimi, il-materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel). Il-Kummissjoni ma wettqitx jew ikkummissjonat valutazzjoni trażversali tar-riskji li tiġġustifika dawn id-differenzi.

Is-sostenibbiltà tal-mudell tal-UE rigward is-sikurezza alimentari qed tiġi ttestjata

42

Filwaqt li l-elementi tal-qafas legali dwar is-sustanzi kimiċi fl-ikel, fl-għalf, fil-pjanti u fl-annimali ħajjin għadhom qed jiġu żviluppati (ara l-paragrafu 40 u l-Anness III), l-industrija tal-kimika qed tkompli tikber. Qed issir pressjoni konsiderevoli biex jiġu awtorizzati sustanzi ġodda. Kif ġie osservat fl-evalwazzjoni esterna mwettqa fl-2012 mill-kumpanija Ernst & Young, l-għadd ta’ prodotti awtorizzati ilu jiżdied gradwalment mill-2006, flimkien mal-għadd ta’ applikazzjonijiet li saru u li ġew approvati. Fir-rapport tiegħu, l-evalwatur osserva wkoll li l-applikazzjonijiet ikopru aktar minn 60 % tal-output tal-EFSA. Aktar minn terz ta’ dawn l-applikazzjonijiet jirrigwardaw prodotti ġodda. Din is-sitwazzjoni tqiegħed pressjoni fuq il-kapaċità tal-EFSA u tista’ titlob li xi riżorsi jiġu ddedikati għall-valutazzjonijiet mitluba mill-industrija. Fil-fatt, diversi dipartimenti tal-EFSA kkonfermaw li kien hemm dewmien kbir, speċjalment fil-qasam tal-ingredjenti regolati tal-ikel. Madankollu, minkejja progress reċenti, dan id-dewmien għadu ma ġiex indirizzat b’mod effettiv.

43

L-Istati Membri mhux dejjem jipprovdu d-data meħtieġa għat-twettiq tal-valutazzjonijiet xjentifiċi47, minkejja li huma meħtieġa jagħmlu dan skont il-liġi jew huma mitluba jagħmlu dan mill-EFSA. Id-dewmien fil-valutazzjonijiet xjentifiċi, inklużi dawk imwettqa mill-EFSA, jaffettwa l-kapaċità ta’ dawk li jfasslu l-liġijiet biex jgħaddu testi leġiżlattivi ġodda jew biex jemendaw dawk eżistenti. Ir-raġunijiet għal dan id-dewmien huma r-riżorsi limitati u l-fatt li l-korpi xjentifiċi jsibuha diffiċli li jżommu livell għoli ta’ kompetenza xjentifika, eż. minħabba għadd insuffiċjenti ta’ esperti.

44

Il-qafas legali issa huwa tant estensiv li l-awtoritajiet pubbliċi ma jistgħux iwettqu ttestjar estensiv għas-sustanzi kollha li huma regolati (ara l-paragrafu 50 u l-Anness I).

45

Dawn il-fatturi jheddu l-vijabbiltà tal-mudell fuq terminu ta’ żmien aktar fit-tul, minħabba li, fil-forma attwali tiegħu, ma jistax jissodisfa l-aspettattivi tiegħu. L-EFSA diġà rrikonoxxiet li s-sostenibbiltà hija qasam li jeħtieġ aktar attenzjoni fis-snin li ġejjin. Il-Kummissjoni bdiet ukoll tirrifletti dwar dan permezz tal-eżerċizzju REFIT u ta’ evalwazzjonijiet settorjali.

Limitazzjonijiet fis-sistema ta’ kontroll

Is-sistema ta’ kontroll għal prodotti li jiġu manifatturati jew imkabbra fl-UE

46

L-Istati Membri huma responsabbli għall-infurzar tal-leġiżlazzjoni li tapplika għall-katina agroalimentari kollha “mill-għalqa sal-platt” (ara l-Figura 5). Skont id-dritt tal-UE, l-awtoritajiet tal-Istati Membri rilevanti jwettqu kontrolli biex jivverifikaw li l-attivitajiet u l-prodotti tal-operaturi, li jitqiegħdu fis-suq tal-UE, ikunu jikkonformaw mal-istandards u r-rekwiżiti rilevanti. Huma għandhom iwettqu dawn il-kontrolli b’mod regolari, abbażi tar-riskju u bi frekwenza xierqa48.

Figura 5

Sistema ta’ kontroll għall-katina agroalimentari fl-Istati Membri

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea.

47

Aħna sibna li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jispezzjonaw is-sistemi ta’ kontroll li l-operaturi tan-negozji tal-ikel stabbilew biex jindirizzaw ir-riskji kimiċi u r-riżultati miksuba49. L-ispezzjonijiet jistgħu jaqbdu xi dgħufijiet fl-użu ta’ ingredjenti regolati tal-ikel jew ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u ta’ mediċini veterinarji li jistgħu jirriżultaw f’residwi eċċessivi ta’ dawn il-prodotti, jew f’residwi ta’ sustanzi mhux awtorizzati fil-prodotti tal-ikel. Barra minn hekk, l-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jieħdu kampjuni għall-analiżijiet fil-laboratorju abbażi ta’ pjanijiet ta’ kontroll.

© L-Unjoni Ewropea, 2014.

It-testijiet imwettqa mill-Istati Membri fuq l-ikel li jitqiegħed fis-suq fl-UE jkopru ċerti gruppi ta’ sustanzi kimiċi b’mod aktar frekwenti minn oħrajn

48

L-Istati Membri mhumiex obbligati li jinkludu, fil-pjanijiet tagħhom, is-sustanzi kollha li huma regolati mill-UE, iżda dawn għandhom jippjanaw il-kontrolli tagħhom fuq il-bażi tar-riskju. It-tliet Stati Membri li żorna jwettqu analiżi tar-riskji għal kull pjan individwali, jiġifieri, normalment, b’mod separat għal gruppi differenti ta’ sustanzi. Madankollu, ebda wieħed minn dawn l-Istati Membri ma wettaq valutazzjoni trażversali tar-riskji biex jikklassifika l-gruppi differenti ta’ sustanzi kimiċi skont il-livell ta’ riskju tagħhom.

49

Aħna analizzajna r-rapporti dwar l-analiżijiet fil-laboratorju għal gruppi differenti ta’ sustanzi kimiċi fit-tliet Stati Membri li żorna50. Aħna sibna li dawn l-Istati Membri jkopru xi wħud mill-gruppi ta’ sustanzi b’mod aktar approfondit minn oħrajn. Huma jiffukaw il-kontrolli tagħhom fuq ir-residwi tal-pestiċidi, il-mediċini veterinarji u l-kontaminanti51 iżda mhux dejjem ikopru l-ingredjenti regolati, bħall-aromatizzanti u l-enzimi tal-ikel. Il-Figura 6 turi l-għadd ta’ kampjuni52 li twettqu fl-2016 għal gruppi differenti ta’ sustanzi kimiċi fit-tliet Stati Membri li saritilhom żjara.

Figura 6

Kampjuni li ġew ittestjati fl-2016 mill-Istati Membri li saritilhom żjara

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq rapporti ta’ kontroll tal-Istati Membri.

50

L-armonizzazzjoni inkompleta tad-dispożizzjonijiet legali fil-livell tal-UE (ara l-paragrafi 40 u 41) tista’ tispjega parzjalment l-għadd baxx – u f’xi każijiet in-nuqqas – ta’ kontrolli fuq ċerti sustanzi (eż. fl-enzimi u fil-materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel, ara l-Figura 7). Filwaqt li l-qafas legali attwali tal-UE jippermetti lill-Istati Membri jwettqu ċerti kontrolli fuq l-addittivi u l-aromatizzanti, huma jwettqu għadd baxx ta’ kontrolli fir-rigward ta’ dawn is-sustanzi. Dan jirrifletti l-fatt li l-Istati Membri għandhom riżorsi limitati u għalihom mhuwiex fattibbli li jittestjaw is-sustanzi kollha53. It-Tabella 3 tippreżenta sommarju tar-riskji potenzjali li ma jiġux koperti mill-Istati Membri jekk dawn jeskludu ċerti ingredjenti regolati tal-ikel mill-kontrolli tagħhom.

Tabella 3

Riskji potenzjali relatati ma’ ċerti sustanzi miżjuda mal-ikel

Grupp ta’ sustanzi Riskji
Addittivi tal-ikel
  • Addittivi oħra għajr dawk awtorizzati jistgħu jintużaw
  • Addittivi użati jistgħu ma jkunux jikkonformaw mal-kriterji ta’ purità
  • Addittivi awtorizzati jistgħu jintużaw fi kwantitajiet eċċessivi
  • Verifikazzjoni insuffiċjenti tal-quantum satis (ebda livell massimu speċifiku, li għandu jintuża skont il-prattika tajba tal-manifattura)
Aromatizzanti tal-ikel
(inklużi l-ħwawar bl-affumikazzjoni)
  • Aromatizzanti oħra għajr dawk awtorizzati jistgħu jintużaw
  • Aromatizzanti awtorizzati jistgħu jintużaw fi kwantitajiet eċċessivi
Enzimi tal-ikel
  • Enzimi perikolużi jistgħu jintużaw
  • Enzimi jistgħu jintużaw fi kwantitajiet eċċessivi

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq analiżi tal-leġiżlazzjonji attwali.

Aktar gwida dwar it-trattament tal-każijiet ta’ ksur

51

Jekk l-awtoritajiet tal-Istati Membri jidentifikaw każ ta’ ksur matul l-ispezzjonijiet uffiċjali, huma jridu jieħdu azzjoni biex jiżguraw li l-ikel perikoluż ma jitqiegħedx fis-suq, u li l-operatur jirrimedja s-sitwazzjoni. Il-miżuri ta’ infurzar possibbli fil-livell tal-Istati Membri, jinkludu l-qerda ta’ prodott partikolari jew l-irtirar tiegħu mis-suq, is-sospensjoni jew l-għeluq tal-attività. Barra minn hekk, l-Istati Membri jridu jistabbilixxu r-regoli proprji tagħhom dwar is-sanzjonijiet, li għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi54.

52

Aħna eżaminajna r-regoli nazzjonali u l-azzjonijiet ta’ infurzar applikati mill-Istati Membri li żorna. Osservajna li huma stabbilew regoli stabbiliti fir-rigward ta’ sanzjonijiet għall-każijiet ta’ ksur li huma relatati mal-perikli kimiċi. Jekk it-testijiet fil-laboratorju juru li kampjun ikun jaqbeż limitu stabbilit fid-dritt tal-UE, l-Istati Membri jagħtu segwitu għall-każ ta’ ksur u jwettqu valutazzjoni tas-sikurezza. Jekk l-Istati Membri jivvalutaw li l-prodott inkwistjoni jkun sikur, normalment, huma jibdew billi jagħtu twissija jew iżidu l-kontrolli. Fejn il-valutazzjoni tas-sikurezza turi li jkun hemm riskju għas-saħħa, huma jagħtu l-multi.

53

Madankollu, aħna sibna li fejn l-Istati Membri kienu identifikaw każ ta’ nuqqas ta' konformità, huma kienu jiffaċċjaw diffikultajiet biex jiddeterminaw l-azzjoni ta’ infurzar li setgħu jieħdu għal każ ta’ ksur speċifiku. L-Istati Membri ma jistgħux jirreferu għal valur stabbilit bħala bażi biex jiddeterminaw in-natura tal-azzjonijiet ta’ infurzar li għandhom jittieħdu f’każ ta’ nuqqas ta' konformità.

Il-Kummissjoni tanalizza l-azzjonijiet meħudin mill-Istati Membri

54

Il-Kummissjoni żżur l-Istati Membri biex tiċċekkja l-azzjoni li tkun ittieħdet mill-awtoriatjiet nazzjonali biex jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-UE. Hija tista’ tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-awtoritatjiet nazzjonali u twettaq segwitu tal-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet. Hija tista’ wkoll tidentifika problemi li jkunu qed jaffettwaw l-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE permezz ta’ mekkaniżmi oħra, bħal ilmenti, monitoraġġ tar-rappurtar mill-Istati Membri, notifiki tal-abbozz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali u kontrolli tat-traspożizzjoni.

55

Fejn il-Kummissjoni tidentifika każ ta’ nuqqas ta' konformità, hija jkollha għadd ta’ alternattivi li jkunu jvarjaw minn djalogu fi kwalunkwe livell xieraq għal proċeduri formali ta’ ksur. Hija tista’ wkoll tibgħat ittri ta’ livell għoli, tibda proċedimenti legali u tista’ wkoll jew tissospendi, jew inkella timponi kundizzjonijiet speċjali fuq il-bejgħ ta’ ċerti prodotti tal-ikel. Il-Kummissjoni trid tieħu dawn il-miżuri meta dan l-ikel x’aktarx li jkun jikkostitwixxi riskju serju għas-saħħa tal-bniedem u meta jkun hemm evidenza ta’ falliment serju fis-sistemi ta’ kontroll tal-Istat Membru. Sa issa, hija għamlet dan f’mill-inqas każ wieħed fejn ipprojbiet il-bejgħ ta’ ġobon li ġie prodott bl-użu ta’ ħalib li kien fih residwi antibijotiċi.

56

Aħna analizzajna r-rakkomandazzjonijiet li rriżultaw minn awditi li l-Kummissjoni wettqet fl-2016. Aħna sibna rakkomandazzjonijiet tal-awditjar dwar il-pestiċidi, il-kontaminanti u l-mediċini veterinarji. Il-Kummissjoni ma għamlitx rakkomandazzjonijiet u ma applikatx miżuri ta’ infurzar kontra l-Istati Membri fir-rigward ta’ ingredjenti regolati tal-ikel.

Is-sistema ta’ kontroll għall-prodotti li jiġu kkunsmati fl-UE iżda li jiġu manifatturati jew imkabbra xi mkien ieħor

57

Il-kontrolli fil-fruntieri huma importanti, minħabba l-fatt li meta l-prodotti li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi jaslu fl-UE huwa l-ewwel mument li fih dawn il-prodotti jkunu disponibbli għall-kontrolli min-naħa tal-awtoritajiet tal-Istati Membri. L-importazzjonijiet, ladarba jkunu fit-territorju tal-UE, ikunu suġġetti għall-istess sistema ta’ kontroll bħal dik tal-produzzjoni domestika. Il-biċċa l-kbira mill-ikel li nimportaw ma joriġinax mill-annimali, inklużi żrieragħ, frott u ħxejjex, kafè, te u ħwawar (ara l-Figura 7).

Figura 7

Importazzjonijiet ta’ tipi differenti ta’ ikel u ta’ għalf fl-2016

Nota: Ix-xaħmijiet u ż-żjut jistgħu jkunu joriġinaw kemm mill-annimali kif ukoll minn sorsi oħra mhux tal-annimali, u jistgħu jkunu kemm għall-konsum mill-bniedem kif ukoll għall-konsum mhux mill-bniedem.

Sors: Il-QEA, skont l-Eurostat, ibbażat fuq il-piż.

58

Is-sistema ta’ kontroll tal-UE għall-importazzjoniiet hija bbażata fuq ir-riskju għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti. L-importazzjonijiet li jippreżentaw riskju ogħla jridu jissodisfaw kundizzjonijiet aktar stretti biex jidħlu fl-UE u, għaldaqstant, jirrikjedu kontrolli ta’ livell ogħla minn dawk tal-importazzjonijiet li jippreżentaw riskju aktar baxx. L-approċċ tal-UE jqis li l-ikel li joriġina mill-annimali jinvolvi livell ta’ riskju li huwa ogħla55 minn dak li jippreżenta l-ikel li ma joriġinax mill-annimali. B’riżultat ta’ dan, l-importazzjonijiet tal-ikel li ma joriġinax mill-annimali, huma normalment suġġetti għal inqas kontrolli minn dawk tal-ikel li joriġina mill-annimali, dment li ma jkunx hemm riskju regolat speċifiku (ara l-paragrafu 60).

59

L-ikel li joriġina mill-annimali jista’ jidħol fl-UE ladarba l-Kummissjoni tkun approvat il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu56 u l-istabbilimenti li jinsabu f’pajjiżi terzi, abbażi ta’ listi proposti minn dawn il-pajjiżi57 58.

60

Inġenerali, id-dispożizzjonijiet legali tal-UE jħallu f’idejn l-Istati Membri biex jiddeterminaw il-frekwenza u n-natura tal-kontrolli fuq l-importazzjonijiet ta’ ikel li ma joriġinax mill-annimali. Il-Kaxxa 3 tipprovdi informazzjoni dwar l-eċċezzjonijiet għal din ir-regola ġenerali u tippreżenta fil-qosor il-proċeduri ta’ kontroll speċjali u l-kundizzjonijiet ta’ importazzjoni li huma applikabbli f’dawn il-każijiet għall-konsenji tal-ikel li ma joriġinax mill-annimali fil-fruntieri esterni tal-UE.

Kaxxa 3

Eċċezzjonijiet għal prodotti li ma joriġinawx mill-annimali

L-UE żiedet il-livell tal-kontrolli mwettqa fuq ċertu għalf u ikel li ma joriġinawx mill-annimali u li jippreżentaw riskju magħruf jew emerġenti59. Il-Figura 8 tiddeskrivi l-perikli kimiċi li jiġu koperti minn dawn il-kontrolli rinfurzati60.

Figura 8

Riskji kimiċi li huma koperti mill-kontrolli rinfurzati mwettqa fuq l-ikel li ma joriġinax mill-annimali

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq ir-Regolament (KE) Nru 669/2009.

Barra minn hekk, l-UE stabbiliet kundizzjonijiet speċjali għall-ikel li ma joriġinax mill-annimali u li jippreżenta riskju ta’ livell għoli61. Dawn il-kundizzjonijiet jirrikjedu li l-pajjiżi terzi jipprovdu ċertifikat tas-saħħa, flimkien mar-riżultati tal-kontrolli fil-laboratorju.

61

L-Istati Membri huma responsabbli għall-kontrolli li jitwettqu fil-fruntieri esterni tal-UE. Huma jwettqu kontrolli dokumentarji, tal-identità u fiżiċi biex jivverifikaw li l-prodotti li joriġinaw mill-annimali kif ukoll għal dawk li ma joriġinawx mill-annimali jkunu jikkonformaw mad-deskrizzjoni tagħhom u jkunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ importazzjoni tal-UE (ara l-Figura 9).

Figura 9

Tipi differenti ta’ kontrolli

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004.

Kikkra tal-kafè 3

L-awtoritajiet pubbliċi kif jiċċekkjaw iż-żrieragħ tal-kafè?

Iż-żrieragħ tal-kafè li jitkabbru barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea jistgħu jidħlu fl-UE minn, pereżempju, port fi Stat Membru. Peress li d-dritt tal-UE ma jinkludix il-kontrolli fuq il-kafè, l-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri huma liberi li jiddeċiedu jekk iwettqux dawn il-kontrolli fil-fruntieri esterni tal-UE.

Ladarba jidħlu fit-territorju tal-UE, iż-żrieragħ tal-kafè jkunu suġġetti għal kontrolli uffiċċjali, bħall-prodotti li jitkabbru/jiġu manifatturati fl-UE. Abbażi tal-pjanijiet settorjali tagħhom (għall-pestiċidi, il-kontaminanti, eċċ.), l-awtoritajiet pubbliċi jispezzjonaw il-bini tal-operaturi tan-negozji tal-ikel (fabbriki, faċilitajiet ta’ ħżin, supermarkets, risotranti, eċċ.) u jiċċekkjaw l-proċeduri tagħhom għall-prevenzjoni u d-detezzjoni ta’ perikli kimiċi. L-ispetturi jistgħu wkoll jieħdu kampjuni u jibagħtuhom f’laboratorju biex jiġi ddeterminat jekk iż-żrieragħ tal-kafè, kemm dawk mhux ipproċessati kif ukoll dawk inkaljati, ikunx fihom kwantità perikoluża ta’ residwi tal-pestiċidi, ta’ kontaminanti u/jew ta’ ingredjenti regolati li ma jkunux awtorizzati.

Huma primarjament l-Istati Membri li jiddeċiedu jekk jitwettqux kontrolli biex jiġu identifikati l-perikli kimiċi

62

Id-dritt tal-UE jimponi frekwenzi għall-kontrolli fiżiċi ta’ prodotti importati li joriġinaw mill-annimali (ara l-Figura 10) u għal ċerti prodotti li ma joriġinawx mill-annimali (ara l-Figura 11). Il-kontrolli fiżiċi jinkludu t-teħid ta’ kampjuni għal testijiet fil-laboratorju, iżda b’mod ġenerali l-frekwenzi minimi ma jiġux stabbiliti fil-livell tal-UE, ħlief għal għadd limitat ta’ prodotti importati62. Għaldaqstant, huma primarjament l-Istati Membri li jiddeċiedu jekk jitwettqux testijiet fil-laboratorju biex jidentifikaw perikli kimiċi.

Figura 10

Kontrolli fil-fruntieri fuq is-sikurezza alimentari tal-ikel li joriġina mill-annimali

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 94/360/KE u r-Regoalment (KE) Nru 882/2004.

Figura 11

Kontrolli fil-fruntieri li jitwettqu fuq is-sikurezza alimentari tal-ikel li ma joriġinax mill-annimali

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-UE.

63

Is-Sistema ta’ Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf (RASFF) hija għodda li ġiet stabbilita mill-UE u li tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jiskambjaw b’mod rapidu informazzjoni dwar ir-riskji għas-saħħa relatati mal-ikel u l-għalf. Aħna sibna li l-RASFF intużat ħafna bħala sors ta’ informazzjoni għall-ippjanar ta’ testijiet fil-laboratorju fi tliet Stati Membri li żorna, billi hija tipprovdi informazzjoni importanti dwar ir-riskji.

64

L-awditu tagħna żvela li l-proċeduri ta’ kontroll tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri jiffukaw fuq id-detezzjoni ta’ residwi tal-mediċini veterinarji, ta’ xi kontaminanti u pestiċidi, abbażi tad-Direttiva 96/23/KE għal prodotti li joriġinaw mill-annimali. Il-kontrolli fiżiċi li jitwettqu fil-fruntieri esterni tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-ikel li ma joriġinax mill-annimali jkopru prinċipalment ir-residwi tal-pestiċidi u l-kontaminanti.

65

Aħna sibna wkoll li, b’mod partikolari, fl-Istati Membri li saritilhom żjara, ma jitwettqux kontrolli fuq l-aromatizzanti, l-enzimi u s-supplimenti tal-ikel, kemm għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali kif ukoll għal dawk li ma joriġinawx mill-annimali. Barra minn hekk, l-ikel li joriġina mill-annimali rarament jiġi kkontrollat fir-rigward tal-addittivi, kif ukoll ta’ pestiċidi u kontaminanti regolati mill-istrumenti legali tal-UE għajr id-Direttiva 96/23/KE. Il-Kaxxa 4 tagħti eżempju ta’ pjan stabbilit minn Stat Membru li ma jinkludix testijiet fuq il-gruppi kollha ta’ perikli kimiċi.

Kaxxa 4

Eżempju ta’ pjan stabbilit minn Stat Membru li ma jinkludix testijiet fuq il-perikli kimiċi kollha għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali

In-Netherlands jiddefinixxu t-testijiet fil-laboratorju li jitwettqu fuq il-perikli kimiċi fil-pjan tagħhom relatat mar-residwi. Il-Pjan tal-2016 kien jipprevedi l-ittestjar ta’ 1 % tal-konsenji importati għad-detezzjoni ta’ residwi tal-mediċini veterinarji, ta’ għadd żgħir ta’ kontaminanti u ta’ residwi tal-pestiċidi. Ebda kontroll ma kien ippjanat li jsir fuq l-ingredjenti regolati tal-ikel jew fuq il-pestiċidi u l-kontaminanti regolati mill-istrumenti legali tal-UE għajr id-Direttiva 96/23/KE.

Il-miżuri ta’ infurzar mhux qed jintużaw bl-aktar mod estensiv possibbli

66

Aħna analizzajna l-azzjonijiet li l-Istati Membri jieħdu meta jidentifikaw ikel importat li ma jkunx jikkonforma mar-rekwiżiti tal-UE. L-awtoritajiet tal-Istati Membri jivvalutaw is-sikurezza tal-prodotti alimentari li jiġu importati bl-istess mod kif jivvalutaw il-prodotti li joriġinaw mill-UE (il-paragrafi 52 u 53). L-Istati Membri jew jirrifjutaw il-konsenja jew inkella jirtiraw il-prodotti mis-suq u jordnaw lill-importaturi biex iħallsu l-ispejjeż tal-laboratorju. Ebda wieħed mit-tliet Stati Membri li saritilhom żjara ma jimponi penali ulterjuri fuq l-importaturi.

67

Il-Kummissjoni tista’ tindirizza n-nuqqasijiet billi tifformula rakkomandazzjonijiet tal-awditjar, twettaq awditi ta’ segwitu, tibgħat ittri ta’ livell għoli u torganizza laqgħat mar-rappreżentanti tal-pajjiżi terzi involuti. Għall-kuntrarju tal-Istati Membri, il-Kummissjoni tista’ tissospendi jew timponi kundizzjonijiet speċjali fuq l-importazzjonijiet63, u fil-fatt hija tuża dawn il-mezzi64. Hija stabbiliet ukoll kundizzjonijiet speċjali li jirrikjedu li l-awtoritajiet fil-pajjiżi terzi jwettqu ċerti kontrolli, bħal analiżijiet fil-laboratorju, qabel ma jesportaw prodotti alimentari65.

68

Id-dritt tal-UE jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tneħħi minn fuq il-lista dawk l-istabbilimenti li jkunu bbażati fil-pajjiżi terzi u li jipproduċu ikel li joriġina mill-annimali66. Il-Kummissjoni sserraħ fuq il-pajjiżi terzi għall-elenkar u t-tneħħija minn fuq il-lista tal-istabbilimenti. Madankollu, il-Kummissjoni tista’ tneħħihom minn fuq il-lista fil-każ li l-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiżi terzi ma jagħtux garanzija suffiċjenti fir-rigward tal-istabbilimenti. Sa ftit ilu, il-Kummissjoni ma kinitx tuża din il-prerogattiva ta’ tneħħija minn fuq il-lista67. Is-servizzi tal-Kummissjoni ssuġġerew li l-proċedura legali attwali għat-tneħħija ta’ stabbiliment minn fuq il-lista għandha terġa’ tiġi kkunsidrata mill-ġdid.

69

Is-servizzi tal-Kummissjoni identifikaw opportunitajiet biex jittejjeb il-mod kif il-Kummissjoni tittratta d-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-pajjiżi terzi meta jkunu qed jippruvaw jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ importazzjoni tal-UE. Dawn jinkludu t-tisħiħ tal-użu li hija tagħmel mill-awditjar eżistenti u mill-attivitajiet ta’ segwitu sabiex tħeġġeġ il-konformità u tirriżolvi l-problemi identifikati.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

70

Dan l-awditu kien ikkonċentrat fuq il-perikli kimiċi, li l-effetti dannużi tagħhom spiss jistgħu ma jkunux immedjatament evidenti minħabba li jkunu fuq terminu twil u kumulattivi. Il-mistoqsija prinċipali tal-awditjar tagħna kienet “Il-mudell stabbilit mill-UE fir-rigward tas-sikurezza alimentari għandu bażi soda u jiġi implimentat b’mod li l-prodotti li nikkunsmaw fl-UE jkunu sikuri mill-perikli kimiċi?”. Aħna sibna li l-mudell għandu bażi soda, u li jitqies bħala mudell ta’ referenza fid-dinja kollha u jipprovdi liċ-ċittadini tal-UE livell għoli ta’ sikurezza alimentari. Madankollu, aħna sibna wkoll li attwalment dan huwa ambizzjuż wisq, billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri ma għandhomx il-kapaċità li jimplimentawh bis-sħiħ.

71

Aħna identifikajna għadd ta’ inkonsistenzi u diffikultajiet li attwalment il-mudell tal-UE rigward is-sikurezza alimentari qed jiffaċċja.

72

Il-qafas legali li jirregola s-sikurezza tas-sustanzi kimiċi fl-ikel, fl-għalf, fil-pjanti u fl-annimali ħajjin għadu xogħol fl-idejn u għadu ma kisibx il-livell ta’ implimentazzjoni previst fil-liġi tal-UE dwar l-ikel (ara l-paragrafu 40). Barra minn hekk, id-diversi dipartimenti tal-EFSA li jivvalutaw it-talbiet relatati mal-użu ta’ sustanzi kimiċi fl-ikel u li jagħtu pariri xjentifiċi biex jinfurmaw id-dritt, ir-regoli u t-tfassil tal-politiki fil-livell Ewropew qed ikunu suġġetti għal dewmien kbir (ara l-paragrafu 42). Dan jaffettwa l-funzjonament xieraq ta’ ċerti partijiet tas-sistema u s-sostenibbiltà tal-mudell fl-intier tiegħu (ara l-paragrafi 46 sa 69).

73

Il-kontrolli mwettqa mill-korpi pubbliċi jistgħu jikkostitwixxu biss proporzjon żgħir tal-kontrolli kollha li jitwettqu. Aħna sibna li xi wħud mill-kontrolli tal-Istati Membri jkopru ċerti gruppi ta’ sustanzi kimiċi b’mod aktar frekwenti minn oħrajn (ara l-paragrafi 48 sa 50 u l-paragrafi 62 sa 65), u li l-qafas legali huwa tant estensiv li l-awtoritajiet pubbliċi waħidhom isibuha diffiċli li jassumu r-responsabbiltajiet kollha li jingħataw lilhom (ara l-paragrafi 43 sa 45). Biex jibqa’ kredibbli, Ii-mudell tal-UE jista’ idealment jikkomplementa s-sistemi ta’ kontroll pubbliċi b’dawk tas-settur privat. Madankollu, is-sinerġiji bejn is-sistema ta’ kontroll pubblika u dik privata għadhom kif bdew jiġu esplorati (ara l-paragrafi 32 sa 34). Għalhekk:

Rakkomandazzjoni 1 – Tiġi riveduta l-leġiżlazzjoni u jsir titjib fil-komplementarjetà bejn is-sistemi ta’ kontroll pubbliċi u dawk privati

  1. Jenħtieġ li l-Kummissjoni, bħala parti mill-eżerċizzju attwali tal-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) relatat mal-qafas legali li jirregola l-ikel, l-għalf, l-annimali ħajjin u l-pjanti, tivvaluta l-bidliet potenzjali għal-leġiżlazzjoni li tirregola l-perikli kimiċi fid-dawl tal-kapaċità li tapplikaha b’mod konsistenti.
  2. Data mmirata għall-implimentazzjoni: l-2020.

  3. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tibni fuq ix-xogħol li diġà nbeda biex tħeġġeġ din il-komplementarjetà, billi tidentifika t-triq ’il quddiem, sabiex l-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri, fejn ikun iġġustifikat, ikunu jistgħu jserrħu b’mod aktar estensiv fuq il-kontrolli li jitwettqu mis-settur privat biex itejbu l-effiċjenza tal-kontrolli u s-sostenibbiltà tal-mudell tal-UE rigward is-sikurezza alimentari.
  4. Data mmirata għall-implimentazzjoni: l-2020.

74

Punt tajjeb tal-mudell tal-UE huwa l-fatt li dan jimmira li jiggarantixxi li l-prodotti li jkunu ġejjin mill-UE u dawk importati jkunu jissodisfaw l-istess standards għoljin ta’ sikurezza, u b’hekk jipproteġi lill-konsumaturi. Aħna sibna li l-UE għandha stabbiliti bażi ġuridika suffiċjenti u sistema ta’ kontrolli biex jiżguraw li l-prodotti jkunu jikkonformaw mal-istandards tal-UE irrispettivament mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

75

Aħna sibna wkoll li, biex jiġi żgurat li l-importazzjonijiet tal-ikel ikunu jirrispettaw l-istandards ta’ sikurezza tal-UE, ċerti residwi tal-pestiċidi jkunu suġġetti għal valutazzjoni tar-riskji, u jingħataw tolleranzi tal-importazzjoni. Dan jippermetti li jittieħed kont ta’ kundizzjonijiet speċifiċi fil-pajjiżi terzi (ara l-paragrafi 29, 30 u 38). Għalhekk:

Rakkomandazzjoni 2 – Jinżamm l-istess livell ta’ aċċertament, kemm għall-ikel li jiġi prodott kif ukoll għal dak li jiġi importat fl-UE

Għal residwi tal-pestiċidi fl-ikel, tispjega x’azzjoni tkun se tieħu biex iżżomm l-istess livell ta’ aċċertament, kemm għall-ikel li jiġi prodott kif ukoll għal dak li jiġi importat fl-UE, filwaqt li tibqa’ konformi mar-regoli tad-WTO.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: l-2019.

76

Filwaqt li josservaw l-interess tal-operaturi tan-negozji tal-ikel u l-għalf fiż-żamma ta’ livell għoli ta’ sikurezza alimentari, l-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri qed jiffaċċjaw diffikultajiet biex jiddeterminaw in-natura tal-azzjoni ta’ infurzar li għandha tittieħed f’każ ta’ nuqqas ta' konformità (ara l-paragrafi 51 sa 53 u 66). Il-Kummissjoni identifikat opportunitajiet biex issaħħaħ il-proċeduri tagħha għall-monitoraġġ u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar l-ikel (ara l-paragrafi 54 sa 56 u 67 sa 69). Għalhekk:

Rakkomandazzjoni 3 – Tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni konsistenti tal-liġi tal-UE dwar l-ikel

  1. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħti lill-Istati Membri aktar gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ infurzar.
  2. Data mmirata għall-implimentazzjoni: l-2020.

  3. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tibda tuża l-opportunitajiet li identifikat biex issaħħaħ il-proċeduri tagħha għall-monitoraġġ tal-konformità mar-regoli tal-UE dwar l-ikel.
  4. Data mmirata għall-implimentazzjoni: l-2020.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla I, immexxija mis-Sur Nikolaos MILIONIS, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-14 ta’ Novembru 2018.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE
President

Annessi

Anness I

Sustanzi kimiċi regolati fid-dispożizzjonijiet legali tal-UE dwar l-ikel u l-għalf

Awtorizzati Mhux awtorizzati
Addittivi tal-Ikel 334 addittiv E tal-ikel 
Sors: Ir-Regolament Nru 1333/2008 tas-16 ta’ Diċembru 2008.
ANNESS II: Lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel approvati biex jintużaw fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu. Parti B - Lista tal-Addittivi kollha
Aromatizzanti tal-ikel 2 549 sustanza approvata fl-aromatizzanti tal-ikel
Sors: Ir-Regolament Nru 1334/2008 tas-16 ta’ Diċembru 2008
Anness I, Tabella I: Lista ta’ aromatizzanti u ta’ materjali tas-sors li ġew approvati għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel
10 ħwawar bl-affumikazzjoni awtorizzati
Sors: Ir-Regolament Nru 1321/2013 tal-10 ta’ Diċembru 2013 – Lista ta’ prodotti primarji awtorizzati ta’ taħwir bl-affumikazzjoni għall-użu bħala tali fl-ikel jew fuq l-ikel u/jew għall-produzzjoni ta’ taħwir bl-affumikazzjoni derivati
15-il sustanza
Sors: Ir-Regolament Nru 1334/2008 tas-16 ta’ Diċembru 2008 (verżjoni konsolidata).
Anness III, Parti A: Sustanzi li ma jistgħux jiġu miżjuda bħala tali mal-ikel
Addittivi tal-għalf 1 584 addittiv tal-għalf
Sors: Ir-Reġsitru tal-Addittivi tal-Għalf tal-11 ta’ Ottubru 2017 skont ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003. Anness I: Lista ta’ addittivi
236 addittiv li għalihom ma ġiet ippreżentata ebda applikazzjoni għal evalwazzjoni mill-ġdid
Sors: Ir-Reġsitru tal-Addittivi tal-Għalf tal-11 ta’ Ottubru 2017 skont ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003. Anness II – Lista ta’ addittivi li għalihom ma ġiet ippreżentata ebda applikazzjoni għal evalwazzjoni mill-ġdid qabel id-data ta’ skadenza tat-8 ta’ Novembru 2010
Ir-Regolament Nru 1831/2003 tat-22 ta’ Settembru 2003/l-Artikolu 17: Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u taġġorna r-Reġistru tal-Komunità tal-Additivi tal-Għalf
Materjali li jiġu f’Kuntatt mal-Ikel 885 sustanza FCM awtorizzati
Sors: Ir-Regolament Nru 10/2011 tal-14 ta’ Jannar 2011 (verżjoni konsolidata): Anness I “Lista tal-Unjoni ta’ monomeri awtorizzati, ta’ sustanzi oħra ta’ bidu, ta’ makromolekuli li nkisbu mill-fermentazzjoni bil-mikrobi, ta’ addittivi u ta’ aġenti li jgħinu l-produzzjoni tal-polimer”, it-Tabella I - Lista ta’ sustanzi awtorizzati fil-manifattura ta’ FCM fil-plastik
34 restrizzjoni tal-gruppi ta’ sustanzi FCM
Sors: Ir-Regolament Nru 10/2011 tal-14 ta’ Jannar 2011. Anness I / Tabella II - Restrizzjoni tal-grupp ta’ sustanzi FCM
Artikolu 5 – Ir-Regolament Nru 1935/2004 tas-27 ta’ Ottubru 2004
105 sustanzi jew gruppi ta’ sustanzi
Sors: Id-Direttiva 2007/42 tad-29 ta’ Ġunju 2007. Annex II – Lista ta’ sustanzi jew gruppi ta’ sustanzi li minnhom it-tertuqi riġenerati taċ-ċelluloża li jintużaw bħala materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel huma permessi
3 sustanzi mhux awtorizzati
Sors: Ir-Regolament 1895/2005
Sustanza waħda mhux awtorizzata
Sors: Ir-Regolament (KE) Nru 10/2011 u r-Regolament (UE) 2018/213.
Pestiċidi 492 sustanza attiva
Parti A u Parti B – Lista ta’ sustanzi attivi approvati
20  fil-Parti C – Sustanzi bażiċi
13  fil-Parti D – Sustanzi attivi ta’ riskju żgħir
71  fil-Parti E – Kandidati għas-sostituzzjoni
Sors: Id-database tal-UE dwar il-Pestiċidi (Ottubru 2018)
833 sustanza attiva
li mhumiex approvati taħt ir-Regolament Nru 1107/2009
38 sustanza li għadhom pendenti
20 sustanza “Li mhumiex prodott għall-protezzjoni tal-pjanti”
Sors: Id-database tal-UE dwar il-Pestiċidi
(Ottubru 2018)
Kontaminanti 59 Kontaminant/sustanza mhux mixtieqa
- Kontaminanti inorganiċi u komposti nitroġeniċi (inklużi metalli): 9 sustanzi
- Mikotossini: 9 sustanzi
- Tossini inerenti tal-pjanti: 7 sustanzi
- Komposti organoklorurati (ħlief Diossini u PCB) 10 sustanzi
- Diossini u PCBssustanzi
- Kontaminanti tal-ipproċessar: 3 sustanzi
- Impuritajiet botaniċi perikolużi sustanzi
- Addittivi awtorizzati tal-għalf (koċċidijostatiċi) fl-għalf mhux fil-mira wara trażmissjoni inevitabbli: 11-il sustanza
Sors: Id-Direttiva 2002/32 tas-7 ta’ Mejju 2002 (verżjoni konsolidata)
Għalf: Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2006/576/KE tas-17 ta’ Awwissu 2006 (verżjoni konsolidata).
Ikel: Ir-Regolament (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 (verżjoni konsolidata)
Mediċini veterinarji (inklużi l-ormoni) 666 sustanza farmakoloġikament attiva
Sors: Ir-Regolament 37/2010 tat-22 ta’ Diċembru 2009
Anness, Tabella 1 – Sustanzi approvati
1 grupp ta’ sustanzi
Sors: Id-Direttiva 96/22/KE tad-29 ta’ April 1996 (verżjoni konsolidata). Anness II: Lista ta’ sustanzi pprojbiti:
Lista B: sustanzi pprojbiti b’derogi
9 sustanzi
Sors: Ir-Regolament 37/2010 tat-22 ta’ Diċembru 2009
Anness, Tabella 2 – Sustanzi pprojbiti
3 sustanza jew gruppi ta’ sustanzi
Sors: Id-Direttiva 96/22/KE tad-29 ta’ April 1996 (verżjoni konsolidata). Anness II - Lista ta’ sustanzi pprojbiti. Lista A: sustanzi pprojbiti
1 grupp ta’ sustanzi
Sors: Id-Direttiva 96/22/KE tad-29 ta’ April 1996. Anness III Lista ta’ sustanzi proviżorjament ipprojbiti
- - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - -
6 gruppi ta’ sustanzi
Grupp A — Sustanzi li jkollhom effett anaboliku u sustanzi mhux awtorizzati
3 gruppi ta’ sustanzi
Grupp B — Drogi u kontaminanti veterinarji
Sors: Id-Direttiva 96/23/KE tad-29 ta’ April 1996. Anness I

Anness II

Eżempji ta’ sustanzi kimiċi u l-effetti assoċjati tagħhom

Sustanza Eżempji ta’ prodotti li jista’ jkun fihom is-sustanza Eżempji ta’ effetti assoċjati
Pestiċidi (meta jintużaw b’mod illegali) Pjanti (ċereali, ħxejjex, frott)
għalf, annimali
Trabi tat-twelid b’piż baxx u trabi prematuri, diversi difetti fit-twelid, diversi tipi ta’ kanċer, mard tal-qalb iskemiku, mard ċerebrovaskulari
Kulur Aħmar 2G mhux awtorizzat (128) Ċertu zalzett u laħam tal-burgers Ġenotossiċità, karċinoġeniċità
Metilmerkurju Ħut (tonn, marlin, pixxispad, lizz) Żvilupp konjittiv affettwat, diżabbiltà intellettwali, marda ta’ Parkinson, sindromu ta’ nuqqas ta’ attenzjoni, marda ta’ Minamata
Ċomb Kontaminazzjoni ta’ ikel / ilma / ħamrija, pjanti Diversi difetti fit-twelid, anemija, metamoglobinemija, żvilupp konjittiv affettwat, diżabbiltà intellettwali, marda ta’ Parkinson, sindromu ta’ nuqqas ta’ attenzjoni, marda ta’ Minamata, telf tas-smigħ, mard tal-qalb iskemiku, mard ċerebrovaskulari, kalkulus renali, mard renali kroniku
Kadmju Pjanti (ross u ċereali oħra, għelejjel tal-għeruq, ħxejjex) Mard tal-qalb iskemiku, mard ċerebrovaskulari, kalkulus renali, mard renali kroniku, osteoporożi, gotta
Diossini Għalf, prodotti li joriġinaw mill-annimali (prodotti tal-ħalib, laħam, bajd) Bosta kanċers, inkluż tal-pulmun, tal-ġilda, tal-fwied, tal-moħħ, tal-kliewi, tal-prostata, tal-mudullun u tal-bużżieqa tal-awrina
Aflatossina Pjanti (b’riżultat ta’ moffa li taffettwa ċ-ċereali, iż-żrieragħ żejtnija, il-ħwawar u l-ġewż), prodotti tal-ħalib Bosta kanċers, inkluż tal-pulmun, tal-ġilda, tal-fwied, tal-moħħ, tal-kliewi, tal-prostata, tal-mudullun u tal-bużżieqa tal-awrina

Sors: It-tabella hija ispirata fuq Prüss-Ustün, A. et al., “Knowns and unknowns on burden of disease due to chemicals: a systematic review” (Il-piż magħruf u dak mhux magħruf tal-mard dovut għas-sustanzi kimiċi: reviżjoni sistematika). It-Tabella 1 – Eżempji ta’ sorsi u modi ta’ esponiment tal-bniedem għal xi sustanzi kimiċi magħżula u t-Tabella 2 – Gruppi prinċipali ta’ mard u l-konnessjoni suspettata jew ikkonfermata li dawn għandhom mas-sustanzi kimiċi. Ippubblikat online fil-21.1.2011 (doi: 10.1186/1476-069X-10-9).

Anness III

Eżempji ta’ elementi tad-dispożizzjonijiet legali tal-UE li għad iridu jiġu implimentati u li għad li trid tittieħed azzjoni dwarhom

1. L-addittivi tal-ikel huma sustanzi li jiġu miżjuda intenzjonalment fil-prodotti tal-ikel biex iwettqu ċerti funzjonijiet teknoloġiċi, pereżempju: biex jagħtuhom kulur, ħlewwa jew biex jgħinuhom jiġu ppreservati68. Fl-2011, l-UE stabbiliet lista tal-Unjoni ta’ addittivi li huma awtorizzati biex jintużaw fl-ikel69, li tissostitwixxi d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi preċedenti dwar l-addittivi tal-ikel. Attwalment, il-lista fiha 334 addittiv tal-ikel70. Madankollu, ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 qies li għal 316 minn dawn l-addittivi kien jeħtieġ li ssir evalwazzjoni mill-ġdid obbligatorja sabiex tiddeċiedi jekk dawn għandhomx jinżammu fuq il-lista. Sa Awwissu 2018, 175 addittiv kienu ġew evalwati mill-ġdid. Id-data ta’ skadenza legali biex jiġi kkompletat il-programm ta’ evalwazzjoni mill-ġdid hija tmiem l-2020, iżda din tista’ tiġi affettwata minn dewmien fl-EFSA.

2. Ir-regolament71 jirrikjedi li l-UE tfassal lista ta’ enzimi tal-ikel li huma awtorizzati. Madankollu, wara 10 snin mill-adozzjoni tiegħu, il-Kummissjoni għadha ma fasslitx lista bħal din. Dan għaliex ir-regolament72 kien jipprevedi li din il-lista kellha tiġi stabbilita f’pass wieħed, li jfisser li din ma tistax issir sakemm l-EFSA ma tkunx ivvalutat is-sikurezza tal-enzimi kollha li huma meqjusa għall-inklużjoni fil-lista tal-Unjoni. Madankollu, saż-żmien meta twettaq l-awditu tagħna, l-EFSA kienet ħarġet valutazzjonijiet xjentifiċi konklużivi għal 13-il enzima biss (wara li kkompletat il-valutazzjonijiet għal 18-il enzima biss minn 281 li għalihom kienet irċeviet applikazzjonijiet kompleti).

3. F’Mejju 2018, minn 2 546 aromatizzant awtorizzat73 fuq il-lista tal-UE, 318 ġew immarkati b’noti f’qiegħ il-paġna74 li kienu jindikaw li setgħu jitqiegħdu fis-suq iżda li l-evalwazzjoni tagħhom kienet għadha ma ġietx ikkompletata. Fiż-żmien tal-awditu, l-EFSA kienet ikkompletat l-evalwazzjoni finali ta’ 117 minn dawn it-318-il sustanza.

4. L-Istati Membri huma meħtieġa jimmonitorjaw il-konsum u l-użu tal-addittivi u l-aromatizzanti tal-ikel. Din l-informazzjoni hija utli biex l-EFSA tkun tista’ tevalwa l-aromatizzanti tal-ikel u tevalwa mill-ġdid l-addittivi tal-ikel, u b’mod partikolari, twettaq “valutazzjoni ta’ esponiment”, waħda mill-erba’ elementi ta’ kull valutazzjoni tar-riskji. Skont id-dritt tal-UE75, il-Kummissjoni kellha, sal-20 ta’ Jannar 2011, tadotta metodoloġija komuni għall-ġbir ta’ din l-informazzjoni meħtieġa mill-Istati Membri (ma ngħatat l-ebda data ta’ skadenza għall-addittivi tal-ikel). Madankollu, din il-metodoloġija kienet għadha ma ġietx adottata fiż-żmien meta wettaqna l-awditu.

5. Fil-qasam tas-supplimenti tal-ikel, id-Direttiva 2002/46/KE tirrikjedi li l-Kummissjoni tistabbilixxi livelli massimi għall-kontenut ta’ vitamini u minerali fis-supplimenti. Madankollu, minkejja li l-EFSA ppubblikat “livell massimu tollerabbli ta’ teħid għall-vitamini u l-minerali” fl-2006, il-Kummissjoni għadha ma stabbilietx dawn il-limiti. B’hekk, il-limiti tal-Istati Membri ikomplu japplikaw. Skont il-Kummissjoni, il-kwistjoni tinsab wieqfa u l-ebda azzjoni mhi prevista fil-futur qrib. L-awtoritajiet tal-Istati Membri li żorna matul l-awditu tagħna esprimew il-fehma li dawn il-valuri għandhom jiġu stabbiliti fil-livell tal-UE sabiex l-industrija tal-ikel u tal-għalf tingħata indikazzjonijiet ċari dwar dak li huwa awtorizzat u dak li mhuwiex, u biex jiġi żgurat li n-negozji kollha li joperaw fis-suq tal-UE jiġu ttrattati b’mod indaqs. Huma spjegaw ukoll li s-sitwazzjoni attwali, li fiha kull Stat Membru jistabbilixxi livelli differenti jew ma jistabbilixxi ebda livell, għandha wkoll impatt negattiv fuq il-perċezzjonijiet tal-konsumaturi dwar is-sikurezza ta’ dawn il-prodotti.

6. Fil-qasam tal-materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel, l-EFSA tispjega li s-sikurezza ta’ dawn il-materjali trid tiġi evalwata, billi s-sustanzi kimiċi li jinsabu fil-materjali jistgħu jispiċċaw fl-ikel. Madankollu, hemm għadd ta’ dispożizzjonijiet legali speċifiċi, li jirregolaw il-produzzjoni ta’ materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel, li għadhom mhumiex armonizzati fl-UE.

  • Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 84/500/KEE, il-Kummissjoni kellha sal-1987 biex teżamina mill-ġdid il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 2 għall-oġġetti taċ-ċeramika. Madankollu, saż-żmien meta wettaqna l-awditu, dan l-eżaminar mill-ġdid kien għadu ma ġiex ikkompletat jew ma kienx irriżulta f’xi deċiżjoni.
  • Ir-Regolament (KE) Nru 450/2009, dwar materjali u oġġetti attivi u intelliġenti intenzjonati li jiġu f’kuntatt mal-ikel, ippreveda li l-Kummissjoni għandha tadotta lista tal-UE ta’ materjali attivi u intelliġenti li jiġu f’kuntatt mal-ikel wara li l-EFSA kienet tat l-opinjoni tagħha dwar l-applikazzjonijiet. L-EFSA adottat l-aħħar opinjoni għall-ewwel lott ta’ applikazzjonijiet fl-2013, iżda l-Kummissjoni għadha ma fasslitx il-lista tal-UE.
  • Għall-materjali tal-plastik irriċiklat, bejn l-2008 u l-2018, l-EFSA rċeviet 156 applikazzjoni dwar il-proċessi ta’ riċiklaġġ. Il-valutazzjoni tas-sikurezza mwettqa mill-EFSA għal kull proċess ta’ riċiklaġġ għandha tiġi segwita minn deċiżjoni relatata mal-ġestjoni tar-riskji dwar jekk dan għandux jiġi awtorizzat jew le. Saż-żmien meta wettaqna l-awditu, kien hemm 138 deċiżjoni li kienu għad iridu jiġu adottati. Bħala miżura tranżizzjonali, meta r-Regolament (KE) Nru 282/2008 daħal fis-seħħ, il-Kummissjoni stabbiliet reġistru tal-UE li kien jelenka dawn l-applikazzjonijiet validi. B’riżultat ta’ dan, il-proċessi kollha ta’ riċiklaġġ li ġew elenkati fir-reġistru xorta waħda jistgħu attwalment jintużaw, irrispettivament mill-valutazzjoni finali tal-EFSA.

7. Barra minn hekk, minkejja li l-qafas legali tal-UE diġà fih għadd ta’ dispożizzjonijiet dwar ir-riskji marbuta mal-esponiment kumulattiv, eż. għar-residwi tal-pestiċidi, il-metodoloġija nfisha għadha mhix lesta biex tintuża għall-istabbiliment ta’ MRL.

8. Fir-rigward tal-prodotti botaniċi, il-Kumitat Xjentifiku tal-EFSA kkompila kompendju ta’ prodotti botaniċi li huma rrappurtati li fihom sustanzi tossiċi, addittivi, psikotropiċi jew sustanzi oħra li jistgħu jkunu ta’ tħassib76. L-iskop tal-kompendju kien li jiġbed l-attenzjoni għal aspetti li jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-valutazzjoni tas-sikurezza tal-prodotti botaniċi. Madankollu, ebda regola għadha ma ġiet adottata fil-livell tal-UE, u l-prodotti botaniċi jibqgħu suġġetti għar-regoli tal-Istati Membri. Teżisti sistema ta’ rikonoxximent reċiproku li tippermetti li kumpanija li tikkummerċjalizza, f’pajjiż partikolari, prodott speċifiku li jkun fih ċerti sustanzi botaniċi, titlob l-awtorizzazzjoni biex tikkummerċjalizza dak l-istess prodott f’pajjiż ieħor, iżda l-proċess biex jinkiseb dan ir-rikonoxximent reċiproku jieħu fit-tul u mhuwiex eżentat mir-riskji, billi l-awtorizzazzjoni fit-tieni pajjiż tista’ fl-aħħar mill-aħħar tiġi rrifjutata. Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, xi wħud mill-Istati Membri kkooperaw biex jistabbilixxu l-listi konġunti proprji tagħhom ta’ prodotti botaniċi li l-użu tagħhom fis-supplimenti dijetetiċi huwa awtorizzat jew ipprojbit. L-eżempju prinċipali f’dan ir-rigward huwa l-proġett BelFrIt77, li nħoloq b’mod konġunt mill-Belġju, minn Franza u mill-Italja, u li ntuża bħala l-bażi għal regolamenti ġodda fl-Italja u fil-Belġju.

Risposti tal-Kummissjoni

Sommarju eżekuttiv

I

Il-produzzjoni u l-konsum tal-ikel għandu rwol ċentrali fl-ekonomija tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi bis-sħiħ li s-sikurezza alimentari hija għalhekk kwistjoni ta’ tħassib pubbliku kbir. Dejjem kienet prijorità politika ewlenija għall-Kummissjoni biex tiżgura li l-UE għandha l-ogħla standards ta’ sikurezza alimentari. Din il-prijorità hija partikolarment riflessa f’wieħed mill-objettivi ewlenin tar-Regolament tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel (General Food Law, GFL) (ir-Regolament GFL)78, il-fondazzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ leġiżlazzjoni speċifika tal-ikel tal-UE introdotta fl-2002, jiġifieri livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika.

III

B’mod ġenerali, il-Kontroll tal-Idoneità79 kkonkluda li l-għan ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika ntlaħaq. Il-livell ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika żdied b’mod ġenerali. Il-livelli attwali tas-sikurezza alimentari huma aktar favorevoli milli fl-2002. Il-bażi xjentifika tal-miżuri tal-UE tjiebet ukoll b’mod konsiderevoli. Dawn huma minħabba l-ħolqien tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (European Food Safety Authority, EFSA) responsabbli biex tipprovdi konsulenza xjentifika fil-kwistjonijiet kollha relatati mal-katina alimentari, is-separazzjoni stretta tal-valutazzjoni tar-riskju u l-ġestjoni tar-riskju fil-livell tal-UE u l-implimentazzjoni sistematika tal-analiżi tar-riskju tal-prinċipju fil-liġi tal-UE dwar l-ikel. Il-Kummissjoni tinnota li l-ebda inkonsistenzi sistemiċi fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ analiżi tar-riskju fil-livell tal-UE ma ġew identifikati.

Il-qafas tas-sikurezza alimentari serva wkoll, f’ċerti każijiet, bħala sors ta’ ispirazzjoni għal pajjiżi mhux tal-UE li qed jiżviluppaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Bl-istess mod, l-istandards tal-UE marbuta mal-katina alimentari huma kkunsidrati li huma fost l-ogħla fid-dinja. Dan huwa dovut l-aktar għal valutazzjonijiet tar-riskju bbażata fuq ix-xjenza b’saħħithom u sodi, mogħtija mill-aġenziji deċentralizzati tal-UE.

IV
  1. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li ċerti dispożizzjonijiet legali għadhom mhumiex implimentati (il-livelli massimi tal-kontenut ta’ vitamini u minerali f’supplimenti) u ċerti metodoloġiji xjentifiċi bħall-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-esponiment kumulattiv għal sustanzi bl-istess effett għadhom mhux disponibbli minħabba l-kumplessità xjentifika.
  2. L-Artikolu 14(9) tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel jistipula li fejn ma hemmx dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, l-ikel għandu jitqies tajjeb meta jkun jikkonforma mad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-liġi nazzjonali dwar l-ikel tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-ikel jitqiegħed fis-suq inkonsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fuq il-moviment liberu tal-merkanzija. Għalhekk, f’oqsma fejn l-implimentazzjoni għadha pendenti, il-livell ta’ protezzjoni minn perikli kimiċi ma tkunx kompromessa.

    Il-Kummissjoni taqbel dwar l-eżistenza ta’ xogħol b’lura speċjalment fil-qasam regolat tal-ingredjenti tal-ikel. L-eżerċizzju REFIT għal-leġiżlazzjoni dwar il-pestiċidi għadu għaddej bħalissa u l-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni li temenda l-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel jindirizza, fost l-oħrajn, is-sostenibbiltà tal-valutazzjoni tar-riskju tal-UE fil-katina alimentari, u b’mod aktar speċifiku tal-ħila xjentifika tal-EFSA80.

    Il-Kontroll tal-Idoneità stabbilixxa li l-qsim tar-responsabbiltajiet bejn is-settur privat u l-awtoritajiet ta’ kontroll pubbliċi żgura wkoll kisbiet fl-effiċjenza. Is-settur privat huwa primarjament responsabbli għall-konformità mal-liġi dwar l-ikel u għat-twettiq ta’ "kontrolli proprji". L-awtoritajiet ta’ kontroll pubbliċi huma responsabbli biex iwettqu kontrolli uffiċjali. Din id-diviżjoni ppermettiet li awtoritajiet ta’ kontroll pubbliċi biex jiżviluppaw approċċ aktar armonizzat u mmirat aħjar, approċċ ibbażat fuq ir-riskju għal kontrolli uffiċjali, b’kont meħud ta’ kontrolli privati fejn kien ta' min jafdahom.

  3. Sabiex jiżguraw kundizzjonijiet ekwi anki f’termini ta’ sikurezza alimentari, ikel importat fl-UE jrid ikun konformi mar-rekwiżiti rilevanti tal-leġiżlazzjoni tal-UE jew ma’ kundizzjonijiet rikonoxxuti mill-UE li jkunu tal-anqas ekwivalenti għalihom. L-UE għamlet sforzi konsiderevoli biex jiġi żgurat l-allinjament tal-liġi tal-UE dwar l-ikel mal-istandards internazzjonali. Barra minn hekk, bħala negozjant dinji prinċipali ta’ ikel u għalf, l-UE f’ħafna okkażjonijiet kontribwixxiet b’mod sinifikanti għall-iżvilupp ta’ standards internazzjonali fuq il-bażi tal-istandards tal-UE. Fejn, madankollu, l-istandards armonizzati tal-UE huma aktar stretti minn dawk stabbiliti fil-livell internazzjonali, l-UE tikkomunika l-pożizzjoni tagħha b’mod trasparenti, li tippermetti lill-esportaturi tal-UE biex jippreparaw b’mod xieraq biex jissodisfaw l-istandards tal-UE.
  4. Il-Kummissjoni għandha fis-seħħ proċeduri sistematiċi għas-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar mill-2005, u azzjonijiet ta’ infurzar inkrementali jistgħu jintużaw fejn in-nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-UE għadu jippersisti.

Il-Kummissjoni qiegħda taħdem biex ittejjeb il-proċeduri tagħha għall-monitoraġġ u t-titjib tal-leġiżlazzjoni tas-saħħa u tal-ikel kollha, li naturalment se jkopru s-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mill-awditi tal-Kummissjoni.

V

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjonijiet kollha tal-ECA.

  1. Il-Kummissjoni hija impenjata bis-sħiħ fl-evalwazzjoni kostanti tal-liġi tal-UE biex tidentifika l-oqsma fejn għandu jsir titjib permezz tal-programm REFIT tagħha. Għadd ta’ evalwazzjonijiet settorjali qegħdin jitwettqu bħalissa, jew li huma ppjanati fil-futur qrib fil-qasam tal-liġi dwar l-ikel.
  2. Il-Kummissjoni riċentement adottat proposta leġiżlattiva li temenda l-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel u tmien atti settorjali oħrajn, li jindirizzaw is-sostenibbiltà fit-tul ta’ valutazzjoni tar-riskju tal-UE fil-katina alimentari, u b’mod aktar speċifiku l-ħila xjentifika tal-EFSA81.

    Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, f’oqsma fejn l-implimentazzjoni għadha pendenti, il-livell ta’ protezzjoni minn perikli kimiċi ma tkunx kompromessa.

    Il-Kummissjoni tinnota li fir-Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali l-ġdid (ir-Regolament (UE) 2017/625) li japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019 jispeċifika fl-Artikolu 9(1)(d) tiegħu li l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli uffiċjali b’kont meħud ta’ - fost l-oħrajn - fejn xieraq, skemi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità privati.

    Il-Kummissjoni se - fil-mandat tagħha - tagħmel ħilitha sabiex tappoġġa l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Il-ħidma attwali għat-tħejjija ta’ leġiżlazzjoni terzjarja tieħu kont tal-ħtiġijiet espressi fir-Regolament u b’mod partikolari l-komplementarjetà tar-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet tal-Istati Membri u s-settur privat.

  3. Fil-qasam ta’ residwi ta’ pestiċidi, ir-Regolament tal-UE dwar il-livelli massimi ta’ residwi jipprovdi l-istess livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur għall-ikel kollu, indipendentement mill-oriġini tagħhom, billi hemm biss sett wieħed ta’ MRLs għall-prodotti kollha. Bħalissa għaddejja evalwazzjoni REFIT rigward din il-leġiżlazzjoni. Rapport lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill se jkun ippreparat fl-2019 dwar il-pestiċidi u r-residwi tagħhom. F’termini aktar ġenerali, il-qafas tal-UE se jkompli jipprovdi l-istess livell ta’ assigurazzjoni kemm għal ikel prodott u tal-ikel importat tal-UE billi jsegwi strettament ir-rekwiżiti legali diġà stabbiliti.
  4. Il-Kummissjoni se tikkunsidra li tipprovdi tali gwida fejn xieraq. Il-Kummissjoni diġà saħħet l-użu tagħha ta’ awditjar eżistenti u attivitajiet ta’ segwitu bħala mezz biex tinkoraġġixxi l-konformità tal-pajjiżi terzi ma’ rekwiżiti tal-UE għall-importazzjoni.

Introduzzjoni

1

Il-liġi dwar l-ikel, kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll nazzjonali, għandha l-għan li tiżgura livell għoli ta’ ħarsien tal-ħajja u tas-saħħa tal-bniedem f’kull ħin u l-funzjonament effettiv tas-suq intern. Għal dan il-għan, ċerti prinċipji u rekwiżiti ġenerali ġew stabbiliti fir-Regolament dwar il-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel li huma applikabbli kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll nazzjonali, pereżempju il-prinċipju tal-analiżi tar-riskju, ir-responsabbiltà primarja tal-operaturi privati, tal-ikel u għalf impurtat jikkonforma mar-rekwiżiti tal-liġi tal-UE kollha, it-traċċabilità u li l-ikel u għalf sikuri biss jistgħu jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni82.

11

L-operaturi tan-negozju tal-ikel, inklużi l-importaturi, huma legalment obbligati skont il-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel li jiżguraw li l-ikel li jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni, irrispettivament mill-oriġini tiegħu, huwa sikur u li jikkonforma mar-rekwiżiti kollha tal-liġi dwar l-ikel, stabbiliti fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali83.

13

Skont il-prinċipju ta’ analiżi tar-riskju, fuq il-bażi tal-valutazzjoni tar-riskju tal-EFSA (għoti ta’ pariri xjentifiċi), huwa f’idejn l-UE / l-amministraturi tar-riskju nazzjonali84 (skont jekk iż-żona hija armonizzata jew le) li jieħdu miżuri xierqa, inkluża l-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza alimentari, pereżempju, li tawtorizza prodott tal-ikel, taħt liema kundizzjonijiet, jew sabiex jipprojbixxu dan).

Dawn il-miżuri jqisu r-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju (u fil-livell tal-UE b’mod partikolari l-opinjonijiet tal-EFSA) kif ukoll fatturi leġittimi85 oħrajn u l-prinċipju ta’ prekawzjoni fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet applikabbli.

Osservazzjonijiet

23

Il-Kontroll tal-Idoneità tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel sabet, fost l-oħrajn, li l-livelli attwali tas-sikurezza alimentari huma aktar favorevoli minn dawk ta’ qabel l-2002. Il-bażi xjentifika tal-miżuri tal-UE tjiebet b’mod konsiderevoli. Il-Kummissjoni tinnota li ma ġiet identifikata l-ebda inkonsistenza sistemika fl-applikazzjoni tal-analiżi tar-riskju fil-livell tal-UE. Il-mudell tal-liġi dwar l-ikel tal-UE kienet ta’ ispirazzjoni għal pajjiżi mhux tal-UE fl-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom u kkontribwixxa għal rikonoxximent tas-sikurezza tal-prodotti tal-UE madwar id-dinja. Hemm ukoll livell għoli ta’ armonizzazzjoni tal-liġi tal-ikel tal-UE li kkontribwixxa għall-funzjonament effettiv tas-suq intern.

Kaxxa 1 - Il-prinċipju ta’ prekawzjoni kif definit fil-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel

Skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni, iżda wkoll tal-UE, maniġers tar-riskju jistgħu jieħdu miżuri proviżorji ta’ ġestjoni tar-riskju, fejn, wara stima tal-informazzjoni disponibbli, il-possibbiltà ta’ effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tiġi identifikata iżda tkun tippersisti inċertezza xjentifika.

L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni tirrikjedi evalwazzjoni xjentifika kif ukoll evalwazzjoni u bbilanċjar tar-riskji involuti, jiġifieri jekk ir-riskji potenzjali identifikati jaqbżu l-limitu ta’ dak li huwa aċċettabbli għas-soċjetà kif ukoll il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ azzjoni mill-UE / għall-amministraturi tar-riskju nazzjonali. Għalhekk, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni hija għodda partikolari ta’ ġestjoni tar-riskju.

28

Skont is-sejbiet tal-Kontroll tal-Idoneità, maniġers tal-UE għażlu l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni f’għadd żgħir ħafna ta’ każijiet. Ma nstabet l-ebda evidenza dwar l-impatti negattivi ta’ kwalunkwe minn dawn il-miżuri fuq l-innovazzjoni u l-kummerċ.

F’dawn l-aħħar snin u fir-rigward kwistjonijiet politikament sensittivi, il-partijiet ikkonċernati u speċjalment ċerti NGOs kif ukoll ċerti Stati Membri talbu għal projbizzjonijiet totali b’mod partikolari għas-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali, prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jew GMOs skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni. Madankollu, dawn is-sejħiet ma jissodisfawx iż-żewġ kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni. Għalhekk, dawn it-talbiet jidhru li jappartjenu għal talbiet biex jitqiesu fatturi leġittimi oħra iktar milli l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni.

Kaxxa 2 - Differenza bejn il-periklu u r-riskju

Il-prodotti importati li se ssirilhom valutazzjoni tar-riskju li trid turi li l-ikel ikun sikur għall-konsumaturi qabel dawk is-sustanzi jistgħu jkunu tollerati fi prodotti importati. Barra minn hekk, il-limiti legali (MRLs) jridu jiġu rispettati.

30

Il-Kummissjoni tkompli tipprovdi assigurazzjoni li l-ikel kollu mibjugħ fl-UE, irrispettivament mill-oriġini, jissodisfa l-istess standards ta’ sigurtà: hemm sett wieħed biss ta’ MRLs applikabbli għall-prodotti kollha fis-suq tal-UE, irrispettivament mill-oriġini tagħhom. Fejn sustanza mhijiex approvata fl-UE għal raġunijiet minbarra raġunijiet ta’ saħħa pubblika (pereż. raġunijiet ambjentali), tolleranzi tal-importazzjoni jistgħu jiġu stabbiliti f’każijiet ġustifikati b’mod xieraq, iżda biss jekk ikun appoġġat b’mod sħiħ minn data u jekk sikur għall-konsumaturi.

33

Il-Kontroll tal-Idoneità stabbilixxa ulterjorment li l-qsim tar-responsabbiltajiet bejn is-settur privat u l-awtoritajiet ta’ kontroll pubbliċi żgura wkoll kisbiet fl-effiċjenza. Is-settur privat huwa primarjament responsabbli għall-konformità mal-liġi dwar l-ikel u għat-twettiq ta’ "kontrolli proprji". L-awtoritajiet ta’ kontroll pubbliċi huma responsabbli biex iwettqu kontrolli uffiċjali. Din id-diviżjoni ppermettiet li awtoritajiet ta’ kontroll pubbliċi biex jiżviluppaw approċċ aktar armonizzat u mmirat aħjar, approċċ ibbażat fuq ir-riskju għal kontrolli uffiċjali, b’kont meħud ta’ kontrolli privati fejn kien ta' min jafdahom.

34

Il-Kontroll tal-Idoneità dwar il-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel wera li d-differenzi nazzjonali mhumiex sistematiċi iżda jidhru pjuttost fuq bażi ta’ każ b’każ. Il-Kummissjoni tagħmel ħilitha biex ittaffi dawn id-differenzi nazzjonali permezz ta’ diskussjonijiet fil-Gruppi ta’ Ħidma magħmula mir-rappreżentanti tal-Istati Membri, permezz tal-ħidma ta’ awditjar u servizz ta’ spezzjoni ta’ DĠ SANTE u fl-aħħar iżda mhux l-inqas, permezz tal-ħruġ / l-aġġornament fejn possibbli ta’ linji gwida ġenerali.

35

Filwaqt li t-testi tas-sikurezza alimentari tal-Codex huma użati bħala referenzi fil-ftehim WTO / SPS, dawn mhumiex ta’ impediment lill-membri tad-WTO biex jadottaw standards differenti sakemm ikun iġġustifikat xjentifikament.

40

Fis-snin wara l-introduzzjoni tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel fl-2002, qed ikun hemm livell għoli ta’ armonizzazzjoni fil-qasam tal-liġi dwar l-ikel86.

Relattivament ftit oqsma jibqgħu bħala parzjalment armonizzati fil-qasam tal-liġi dwar l-ikel87. Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni sħiħa f’dan il-qasam, l-analiżi tar-riskju titwettaq f’livell nazzjonali. Filwaqt li l-livell ta’ protezzjoni ma jkunx mhedded f’dawn il-każijiet billi kull miżura nazzjonali trid issegwi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u s-saħħa u tittieħed fuq il-bażi tal-analiżi tar-riskju bħala prinċipju, skont il-liġi Ġenerali dwar l-Ikel, l-adozzjoni ta’ tali miżuri nazzjonali jistgħu jirriżultaw f’differenzi li jistgħu jkollhom impatt negattiv fuq is-suq intern88. Dan l-impatt attwalment qed jiġi evalwat f’għadd ta’ evalwazzjonijiet settorjali f’aktar dettall.

41

Il-Kummissjoni għandha l-għan li tiżgura s-sikurezza mingħajr ma jiġi impost piż żejjed jew livell ta’ kumplessità u l-iżgurar tas-sigurtà b’mod sħiħ tal-applikazzjoni finali tas-sustanzi. Hija ma tikkunsidrax li huwa neċessarju li ssir valutazzjoni tar-riskju trasversali.

42

Ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 40.

Skont il-Kontroll tal-Idoneità, il-kapaċità xjentifika tal-EFSA żdiedet progressivament. Din ġeneralment tkun qabblet iż-żieda fid-domanda għal parir xjentifiku. L-EFSA maż-żmien naqqset l-għadd ta’ każijiet pendenti u qed tkompli tagħmel dan billi tieħu miżuri xierqa. Barra minn hekk, il-Kummissjoni riċentement adottat proposta leġiżlattiva li, fost l-oħrajn, tindirizza s-sostenibbiltà fit-tul ta’ valutazzjoni tar-riskju tal-UE fil-katina alimentari89.

43

Skont il-Kontroll tal-Idoneità tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel, fil-biċċa l-kbira l-liġi nazzjonali tal-ikel ġiet adottata fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskju. Fejn dan ma seħħx, skont l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonsultati, huwa attribwit għall-isfidi ffaċċjati fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ analiżi tar-riskju, bħal riżorsi disponibbli ristretti. L-intensità ta’ dawk l-isfidi tvarja fuq bażi ta’ każ b’każ. Hemm ukoll xi evidenza li fejn il-miżuri nazzjonali ma ġewx adottati fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskju, dawn ġew sussegwentement emendati jew imħassra90.

44

Il-qafas li fih l-Istati Membri joperaw — ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 — jħaddan fih il-kunċett ta’ kontrolli bbażati fuq ir-riskju għall-kuntrarju tal-ittestjar għal sustanzi regolati kollha.

45

L-eżerċizzju tal-Kontroll tal-Idoneità identifika nuqqas ta’ sostenibbiltà fit-tul. L-EFSA qed taħdem fuq il-bini tal-kapaċità ta’ taħriġ, u l-Kummissjoni qed tappoġġa wkoll taħriġ dwar il-valutazzjoni tar-riskju permezz tal-inizjattiva Taħriġ Aħjar għal Ikel Aktar Sikur.

48

Ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 41.

49

Tabilħaqq, il-gruppi kollha ta’ sustanzi għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli uffiċjali. Madankollu, fiż-żmien tal-infurzar huwa importanti li jiġi applikat approċċ ibbażat fuq ir-riskju li jista’ jwassal għal fond u frekwenzi ta’ kontrolli differenti għal gruppi differenti ta’ sustanzi.

50

F’oqsma armonizzati parzjalment limitati, kull miżura nazzjonali trid tkun ibbażata fuq il-prinċipju tal-analiżi tar-riskju u ssegwi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika. Il-Kummissjoni taqbel mal-opinjoni tal-Qorti dwar il-fatt li l-Istati Membri jenħtieġ li ma jeskludux prodotti regolati minn kontrolli tagħhom.

53

Skont l-Artikolu 6 tal-GFL, liġi nazzjonali dwar l-ikel trid tkun ibbażata fuq analiżi tar-riskju; għalhekk is-sikurezza alimentari ma tiġix ipperikolata.

56

Billi l-ebda awditjar ma sar dwar l-ingredjenti tal-ikel irregolati ma kienx hemm l-okkażjoni għall-Kummissjoni biex tagħmel rakkomandazzjonijiet (jekk ikun hemm) lill-Istati Membri. Madankollu, il-Kummissjoni wettqet għadd ta’ missjonijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni dwar l-addittivi tal-ikel u l-aromatizzanti bl-affumikazzjoni fl-2015 u l-2016. Min-natura tagħhom, missjonijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni ma jkunx fihom rakkomandazzjonijiet. Ir-riżultati ta’ dawn il-missjonijiet ikkontribwixxew għal rapport ġenerali li ġie ppubblikat fl-2017. Dan ir-rapport dettalja firxa ta’ azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni fuq il-bażi tar-riżultati tal-missjonijiet u enfasizza l-opportunitajiet għal titjib fil-prestazzjoni tal-Istati Membri ta’ kontrolli uffiċjali. Barra minn hekk, fl-2018 il-Kummissjoni bdiet sensiela ta’ awditi f’sitt Stati Membri fejn qed tevalwa s-sistemi ta’ kontroll uffiċjali tagħhom dwar aġenti għat-titjib tal-ikel (addittivi tal-ikel, (duħħan) aromatizzanti u ċerti ingredjenti tal-ikel bi proprjetajiet ta’ taħwir), li r-rapporti tagħhom jinkludu rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri.

58

B’mod ġenerali, hemm biżżejjed evidenza li l-ikel li joriġina mill-annimali ġeneralment għandu aktar potenzjal li jkun ta’ riskju għas-saħħa pubblika u tal-annimali (l-aktar mikrobijoloġiċi) għajr l-ikel ta’ oriġini mill-pjanti.

60

L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jwettqu b’mod regolari kontrolli uffiċjali dwar ikel ta’ oriġini mhux mill-annimali importati fl-Unjoni, f’post xieraq, inkluż il-punt tad-dħul tal-oġġetti fl-Unjoni, fuq il-bażi ta’ pjanijiet ta’ kontroll nazzjonali fid-dawl ta’ riskju potenzjali u dawn il-kontrolli jridu jkopru l-aspetti kollha tal-liġi dwar l-ikel (ara l-Artikolu 15(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004).

66

Il-miżuri meħuda mill-Istati Membri, jiġifieri li jirrifjutaw il-kunsinna u l-fattura tal-laboratorju (flimkien ma’ spejjeż minħabba dewmien assoċjat tad-dħul), mhumiex “mingħajr spejjeż” u jaġixxu bħala deterrent jew penali de facto. Huma jista’ jkollhom ukoll implikazzjonijiet kuntrattwali potenzjali bejn l-operaturi kkonċernati.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

72

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li ċerti dispożizzjonijiet legali għadhom mhumiex implimentati (il-livelli massimi tal-kontenut ta’ vitamini u minerali f’supplimenti) u ċerti metodoloġiji xjentifiċi bħal esponimenti kumulattivi għadhom mhux disponibbli minħabba l-kumplessità xjentifika. L-Artikolu 14(9) tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel jistipula li fejn ma hemmx dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, l-ikel għandu jitqies tajjeb meta jkun jikkonforma mad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-liġi nazzjonali dwar l-ikel tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-ikel jitqiegħed fis-suq inkonsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fuq il-moviment liberu tal-merkanzija. Għalhekk, f’oqsma fejn l-implimentazzjoni għadha pendenti, il-livell ta’ protezzjoni minn perikli kimiċi ma tkunx kompromessa.

Il-Kummissjoni taqbel dwar l-eżistenza ta’ xogħol b’lura speċjalment fil-qasam regolat tal-ingredjenti tal-ikel. L-eżerċizzju REFIT għal-leġiżlazzjoni dwar il-pestiċidi għadu għaddej bħalissa u l-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni li ġiet adottata riċentement li temenda l-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel jindirizza, fost l-oħrajn, is-sostenibbiltà tal-valutazzjoni tar-riskju tal-UE fil-katina alimentari, u b’mod aktar speċifiku tal-ħila xjentifika tal-EFSA91.

73

Il-Kontroll tal-Idoneità stabbilixxa li l-qsim tar-responsabbiltajiet bejn is-settur privat u l-awtoritajiet ta’ kontroll pubbliċi żgura wkoll kisbiet fl-effiċjenza. Is-settur privat huwa primarjament responsabbli għall-konformità mal-liġi dwar l-ikel u għat-twettiq ta’ "kontrolli proprji". L-awtoritajiet ta’ kontroll pubbliċi huma responsabbli biex iwettqu kontrolli uffiċjali. Din id-diviżjoni ppermettiet li awtoritajiet ta’ kontroll pubbliċi biex jiżviluppaw approċċ aktar armonizzat u mmirat aħjar, approċċ ibbażat fuq ir-riskju għal kontrolli uffiċjali, b’kont meħud ta’ kontrolli privati fejn kien ta' min jafdahom.

Rakkomandazzjoni 1 - Ir-rieżami tal-leġiżlazzjoni u li titjieb fil-komplementarjetà bejn is-sistemi ta’ kontroll privati u pubbliċi
  1. Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni;
  2. Il-Kummissjoni hija impenjata bis-sħiħ fl-evalwazzjoni kostanti tal-liġi tal-UE biex tidentifika l-oqsma fejn għandu jsir titjib permezz tal-programm REFIT tagħha. Għadd ta’ evalwazzjonijiet settorjali qegħdin jitwettqu bħalissa, jew li huma ppjanati fil-futur qrib fil-qasam tal-liġi dwar l-ikel.

    Il-Kummissjoni riċentement adottat proposta leġiżlattiva li temenda l-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel u tmien atti settorjali oħrajn, li jindirizzaw is-sostenibbiltà fit-tul ta’ valutazzjoni tar-riskju tal-UE fil-katina alimentari, u b’mod aktar speċifiku l-ħila xjentifika tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA)92.

    Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, f’oqsma fejn l-implimentazzjoni għadha pendenti, il-livell ta’ protezzjoni minn perikli kimiċi ma tkunx kompromessa.

  3. Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni;

Il-Kummissjoni tinnota li fir-Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali l-ġdid (ir-Regolament (UE) 2017/625) li japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019 jispeċifika fl-Artikolu 9(1)(d) tiegħu li l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli uffiċjali b’kont meħud ta’ - fost l-oħrajn - fejn xieraq, skemi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità privati.

Il-Kummissjoni se - fil-mandat tagħha - tagħmel ħilitha sabiex tappoġġa l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Il-ħidma attwali għat-tħejjija ta’ leġiżlazzjoni terzjarja tieħu kont tal-ħtiġijiet espressi fir-Regolament u b’mod partikolari l-komplementarjetà tar-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet tal-Istati Membri u s-settur privat.

Rakkomandazzjoni 2 - Iż-żamma tal-istess livell ta’ garanzija tal-UE għal ikel prodott fl-UE u kif ukoll għal ikel importat

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Fil-qasam ta’ residwi ta’ pestiċidi, ir-Regolament tal-UE dwar il-livelli massimi ta’ residwi jipprovdi l-istess livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur għall-ikel kollu, indipendentement mill-oriġini tagħhom, billi hemm biss sett wieħed ta’ MRLs għall-prodotti kollha. Bħalissa għaddejja evalwazzjoni REFIT rigward din il-leġiżlazzjoni. Rapport lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill se jkun ippreparat fl-2019 dwar il-pestiċidi u r-residwi tagħhom. F’termini aktar ġenerali, il-qafas tal-UE se jkompli jipprovdi l-istess livell ta’ assigurazzjoni kemm għal ikel prodott u tal-ikel importat tal-UE billi jsegwi strettament ir-rekwiżiti legali diġà stabbiliti.

76

Il-Kummissjoni għandha fis-seħħ proċeduri sistematiċi għas-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar mill-2005, u azzjonijiet ta’ infurzar inkrementali jistgħu jintużaw fejn in-nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-UE għadu jippersisti.

Il-Kummissjoni qiegħda taħdem biex ittejjeb il-proċeduri tagħha għall-monitoraġġ u t-titjib tal-leġiżlazzjoni tas-saħħa u tal-ikel kollha, li naturalment se jkopru s-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mill-awditi tal-Kummissjoni.

Rakkomandazzjoni 3 - Tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni konsistenti tal-liġi tal-UE dwar l-ikel
  1. Il-Kummissjoni se taċċetta r-rakkomandazzjoni u se tikkunsidra li tipprovdi tali gwida fejn xieraq.
  2. Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni;

Il-Kummissjoni diġà saħħet l-użu tagħha ta’ awditjar eżistenti u attivitajiet ta’ segwitu bħala mezz biex tinkoraġġixxi l-konformità tal-pajjiżi terzi ma’ rekwiżiti tal-UE għall-importazzjoni.

Termini u abbrevjazzjonijiet

ADI: Doża Aċċettabbli ta’ Kuljum

Codex: Il-Codex Alimentarius, jew il-“Kodiċi tal-Ikel”, huwa ġabra ta’ standards, linji gwida u kodiċijiet ta’ prattika li ġew adottati mill-Kummissjoni Codex Alimentarius (is-CAC). Is-CAC hija l-parti ċentrali tal-Programm Konġunt tal-FAO/WHO dwar l-Istandards tal-Ikel u ġiet stabbilita mill-FAO u mill-WHO biex tipproteġi s-saħħa tal-konsumaturi u tippromwovi prattiki ġusti fil-kummerċ tal-ikel.

DAR: Doża Akuta ta’ Referenza

DĠ SANTE: Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari

DPEs: Punti Magħżula ta’ Dħul

DPIs: Punti Magħżula għall-Importazzjoni

EFSA: Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel

EMA: Aġenzija Ewropea għall-Mediċini

FAO: Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti

FBOs: Operaturi tan-Negozji tal-Ikel u l-Għalf

FDA: Amministrazzjoni għall-Ikel u għall-Mediċini tal-Istati Uniti.

Ftehim SPS: Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji

Ġestjoni tar-riskji: Il-proċess, li huwa distint mill-valutazzjoni tar-riskji, jikkonsisti fil-ponderazzjoni ta’ politiki differenti f’konsultazzjoni mal-partijiet interessati, filwaqt li jitqiesu l-valutazzjoni tar-riskji u fatturi oħra leġittimi, u, fejn ikun meħtieġ, jintgħażlu alternattivi xierqa għall-prevenzjoni u l-kontroll.

GATT: Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ

HACCP: Analiżi tal-Perikli u Punti Kritiċi ta’ Kontroll

Ingredjent regolat tal-ikel: L-ingredjenti regolati tal-ikel huma dawk l-ingredjenti li attwalment jeħtieġu l-awtorizzazzjoni tas-suq. Dawn jinkludu sustanzi kimiċi li jintużaw bħala addittivi tal-ikel, enzimi tal-ikel, aromatizzanti, ħwawar bl-affumikazzjoni u sorsi ta’ vitamini u minerali miżjuda mal-ikel.

Interferent endokrinali: Sustanzi kimiċi li jistgħu jfixklu s-sistemi endokrinali (jiġifieri, il-glandoli u l-ormoni li dawn jipproduċu) f’ċerti dożi. Dawn l-interferenzi jistgħu jikkawżaw mard tal-kanċer, difetti fit-twelid u disturbi oħra tal-iżvilupp.

Komunikazzjoni tar-riskji: L-iskambju interattiv, matul il-proċess tal-analiżi tar-riskji, ta’ informazzjoni u opinjonijiet dwar il-perikli u r-riskji, il-fatturi relatati mar-riskji u l-perċezzjonijiet tar-riskji, fost dawk responsabbli mill-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji, il-konsumaturi, in-negozji tal-għalf u l-ikel, il-komunità akkademika u l-partijiet l-oħra interessati, inkluża l-ispjegazzjoni tas-sejbiet tal-valutazzjoni tar-riskji u l-bażi tad-deċiżjonijiet relatati mal-ġestjoni tar-riskji.

MRL: Livelli Massimi ta’ Residwi

Prodotti botaniċi: Il-prodotti botaniċi magħmula minn pjanti, alga, fungi jew likeni saru disponibbli b’mod aktar mifrux fis-suq tal-UE fil-forma ta’ supplimenti tal-ikel. Eżempji jinkludu l-ġinko, it-tewm u l-ġinseng. Dawn il-prodotti jiġu tipikament iklassifikati bħala ikel naturali. Dawn jistgħu jinxtraw mingħajr riċetta minn spiżeriji, supermarkets, ħwienet speċjalizzati u permezz tal-internet.

Sistema ta’ Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf (RASFF): Sistema li tippermetti li l-awtoritajiet tal-Istati Membri inkarigati mill-kontroll tal-ikel u l-għalf (l-awtoritajiet tal-Istati Membri EU-28 dwar is-sikurezza alimentari, il-Kummissjoni, l-EFSA, l-ESA, in-Norveġja, il-Liechtenstein, l-Iżlanda u l-Iżvizzera) jikkondividu informazzjoni dwar il-miżuri li ttieħdu b’reazzjoni għal riskji serji li jkunu ġew identifikati fir-rigward tal-ikel u l-għalf. Din tipprovdi servizz kontinwat biex tiżgura li n-notifiki urġenti jintbagħtu, jiġu riċevuti u jingħataw rispons b’mod kollettiv u effiċjenti.

Tolleranza tal-importazzjoni: Din tfisser il-livell massimu ta’ residwi (MRL) stabbilit għall-prodotti importati biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-kummerċ internazzjonali fejn:

  • l-użu tas-sustanza attiva fi prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fuq prodott speċifiku ma jkunx awtorizzat fil-Komunità għal raġunijiet għajr dawk relatati mas-saħħa pubblika għall-prodott speċifiku u l-użu speċifiku; jew
  • livell differenti jkun xieraq minħabba li l-MLR eżistenti tal-Komunità ġie stabbilit għal raġunijiet għajr dawk relatati mas-saħħa pubblika għall-prodott speċifiku u l-użu speċifiku.

Valutazzjoni tar-riskji: Proċess b’bażi xjentifika li jikkonsisti f’erba’ stadji: l-identifikazzjoni tal-perikli, il-karatterizzazzjoni tal-perikli, il-valutazzjoni tal-esponiment u l-karatterizzazzjoni tar-riskji.

WHO: Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa

WTO: Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

Noti finali

1 L-operaturi huma primarjament responsabbli għal (a) l-iżgurar tal-konformità mar-rekwiżiti tal-liġi dwar l-ikel, kemm tal-Unjoni kif ukoll dik nazzjonali (li jinkludu, iżda mhux biss dawk dwar is-sikurezza alimentari) li huma rilevanti għall-attivitajiet tagħhom u fi ħdan in-negozji li huma jikkontrollaw, u (b) għal dan l-għan, it-twettiq tal-kontrolli tagħhom stess. Dan huwa element ewlieni fil-prevenzjoni tal-kriżijiet tal-ikel, speċjalment fir-rigward tas-sikurezza alimentari, billi huwa jintroduċi bosta punti ta’ kontroll fil-katina alimentari kollha kemm hi.

2 Il-kummerċ globali huwa rregolat mir-regoli tad-WTO. Kemm l-UE kif ukoll l-Istati Membri individwali tal-UE huma membri ta’ din l-organizzazzjoni.

3 L-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1) (ir-Regolament dwar il-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel).

4 Il-Kummissjoni Ewropea, “Food safety EU budget for the future” (Baġit tal-UE għas-sikurezza alimentari għall-futur), is-7 ta’ Ġunju 2018 (https://ec.europa.eu/food/sites/food/files/future_budget_factsheet_en.pdf).

5 L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, “WHO estimates of the global burden of foodborne diseases, Foodborne Diseases Burden Epidemiology Reference Group 2007-2015” (Stimi tal-WHO relatati mal-piż globali ta’ mard li jkun ġej mill-ikel: Grupp ta’ Referenza dwar l-Epidemjoloġija tal-Piż ta’ Mard li jkun ġej mill-Ikel 2007-2015), il-Figura 12, p. 80.

6 L-Artikolu 3(14) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 “perikolu” tfisser aġent bijoloġiku, kimiku jew fiżiku fi, jew kundizzjoni ta’, ikel jew għalf bil-potenzjal li joħloq effetti kuntrarji fuq is-saħħa tal-bniedem;

7 Perikli fiżiċi huma oġġetti fl-ikel li jistgħu jikkawżaw ħsara jekk jittieklu. Dawn normalment iseħħu minħabba prattiki mhux sikuri ta’ manipulazzjoni tal-ikel jew minħabba kontaminazzjoni aċċidentali.

8 Perikli bijoloġiċi huma mikrobi li jistgħu jmarrdu lin-nies. Dawn jinkludu parassiti, virusijiet u batterji. L-implimentazzjoni xierqa ta’ sistema HACCP (Analiżi tal-Perikli u Punti Kritiċi ta’ Kontroll) hija l-għodda prinċipali użata għall-prevenzjoni ta’ perikli bijoloġiċi.

9 L-ikel organiku huwa ikel li jiġi ċċertifikat bħala li jkun ġie prodott permezz ta’ metodi li jkunu konformi mal-istandards tal-biedja organika. Il-konformità ma’ dawn l-istandards ma tfissirx li l-preżenza tal-perikli kimiċi kollha, bħal kontaminanti, hija eskluża.

10 Tlieta mill-biċċiet ta’ leġiżlazzjoni l-aktar importanti li mhumiex speċifikament dwar il-perikli kimiċi iżda dwar is-sikurezza alimentari fl-intier tagħha huma dawn li ġejjin:

  • It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprovdi l-bażi għall-politika tal-UE dwar is-sikurezza alimentari billi huwa jagħti s-setgħa lill-UE biex taġixxi għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-konsumaturi.
  • Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel u l-għalf (ir-Regolament dwar il-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel). Huwa jistipula l-qafas għall-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni dwar l-ikel u l-għalf, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri, u jkopri l-istadji kollha tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni tal-ikel u l-għalf.
  • Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mar-regoli dwar s-saħħa tal-annimali u l-welfare tal-annimali (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1).

11 Id-WHO, “WHO estimates of the global burden of food-borne diseases: Food-borne disease burden epidemiology reference group 2007-2015” (Stimi tad-WHO relatati mal-piż globali ta’ mard li jkun ġej mill-ikel: Grupp ta’ Referenza dwar l-Epidemjoloġija tal-Piż ta’ Mard li jkun ġej mill-Ikel 2007-2015), 3.12.2015. Dan huwa l-ewwel studju u, attwalment, l-aktar wieħed komplet li twettaq mid-WHO dwar l-istimi ta’ mard li jkun ġej mill-ikel. Huwa jinkludi data dwar erba’ sustanzi kimiċi (aflatossina, ċjanur tal-kassava, diossina u allerġeni tal-karawett).

12 Dan ġie osservat mill-kumpanija Ernst and Young li wettqet l-analiżi esterna fir-rigward tal-EFSA fl-2012.

13 Il-Kummissjoni Ewropea taħdem biex tiżgura li l-provvista alimentari fl-Ewropa tkun l-aktar waħda sikura fid-dinja u li l-istess standards relatati mas-sikurezza alimentari jkunu japplikaw għall-prodotti kollha irrispettivament mill-oriġini tagħhom - Skont kif inhu ddikjarat fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari https://ec.europa.eu/food/safety/international_affairs/trade_en. Il-prinċipju jiġi rifless ukoll fil-qari konġunt tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel, l-Artikoli 11 (ikel u għalf importat) u l-Artikolu 14 (l-ikel għandu jkun sikur).

14 L-EFSA hija responsabbli għall-valutazzjoni tar-riskji għas-sikurezza alimentari, filwaqt li l-EMA hija responsabbli għall-valutazzjoni ta’ prodotti mediċinali tal-UE (li jinkludu mediċini veterinarji).

15 L-għażla tat-tliet Stati Membri saret fuq il-bażi tal-kriterji li ġejjin: (1) il-bilanċ bejn l-Istati Membri b’volumi kbar ta’ importazzjonijiet u l-Istati Membri b’volumi ferm iżgħar, (2) l-Istati Membri li bħala tħassib prinċipali, għandhom sustanzi differenti meta jkunu qed jikkunsidraw il-perikli kimiċi fl-ikel, u (3) il-post tal-aġenzija prinċipali tal-UE li tipprovdi pariri xjentifiċi dwar is-sustanzi kimiċi fl-ikel (l-EFSA f’Parma). Fl-għażla tal-pajjiżi fittixna wkoll li jkun hemm bilanċ ġeografiku. Fl-Italja, minħabba l-organizzazzjoni reġjonali tagħha, aħna kkonċentrajna l-biċċa l-kbira mill-kontrolli tagħna fuq reġjun wieħed biss (il-Liguria).

16 Il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni jagħmel parti mill-aġenda tal-Kummissjoni għal regolamentazzjoni aħjar. Huwa jimmira li jżomm id-dritt tal-UE sempliċi, jelimina l-piżijiet bla bżonn u jadatta l-leġiżlazzjoni mingħajr ma jikkomprometti l-objettivi ta’ politika.

17 SWD(2018) 38 final, “Fitness Check on the General Food Law (Regulation (EC) No 178/2002)” (Kontroll tal-Idoneità fuq il-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel (ir-Regolament (KE) Nru 178/2002)).

18 Spiric, D. et al., “Convergence on EU and USA Food safety Regulation approach, regarding foodborne outbreaks” (Konverġenza fuq l-approċċ mill-UE u l-Istati Uniti tal-Amerka għar-Regolament dwar is-sikurezza alimentari, rigward tifqigħat li jkunu ġejjin mill-ikel), il-Konferenza Internazzjonali Nru 58 dwar l-Industrija tal-Laħam “Meat Safety and Quality: Where it goes?” (Is-Sikurezza u l-Kwalità tal-Laħam: Fejn imur?), Procedia Food Science 5(2015) 266-269. Ir-rapport jindika li l-Istati Uniti jużaw il-liġi tal-UE dwar l-ikel bħala referenza.

19 Humphrey, J., “Food Safety, Private Standards Schemes and Trade: The Implications of the FDA Food Safety Modernization Act” (Sikurezza Alimentari, Skemi Privati ta’ Standards u Kummerċ: L-Implikazzjonijiet tal-Att dwar il-Modernizzazzjoni tas-Sikurezza Alimnetari tal-FDA), IDS Working Paper Volume 2012 Nru 403, Settembru 2012.

20 L-EIOP: Text 2008-006 - European governance still technocratic? New modes of governance for food safety regulation in the European Union (Il-governanza Ewropea għadha teknokratika? Modi ġodda ta’ governanza għar-regolament dwar is-sikurezza alimentari fl-Unjoni Ewropea). Robert Fischer. 2018. Ispirati mill-UE, għadd ta’ pajjiżi, eż. Franza u l-Ġermanja, stabbilew aġenziji ta’ evalwazzjoni indipendenti u adottaw il-prinċipju ta’ separazzjoni organizzazzjonali tal-valutazzjoni u tal-ġestjoni tar-riskji.

21 Valutazzjoni tal-ispejjeż imġarrba mill-bdiewa għall-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE fl-oqsma tal-ambjent, tal-benessri tal-annimali u tas-sikurezza alimentari, is-CPRA għall-Kummissjoni Ewropea. AGRI 2011-EVAL-08.

22 B’mod partikolari, il-Premessa 17 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002. “Fejn il-liġi dwar l-ikel hija mmirata lejn it-tnaqqis, l-eliminazzjoni jew l-iskartar tar-riskju għas-saħħa, it-tliet komponenti interkonnessi tal-analiżi tar-riskju — stima tar-riskju, immaniġġjar tar-riskju, u komunikazzjoni tar-riskju — jipprovdu metodoloġija sistematika biex jiġu stabbiliti miżuri effettivi, proporzjonati u mmirati jew azzjonijiet oħra biex jipproteġu s-saħħa”. Skont il-Premessa 19 tal-istess Regolament: “Huwa magħruf li stima xjentifika tar-riskju weħidha ma tistax, f'xi każi, tipprovdi t-tagħrif kollu li fuqu d-deċiżjoni tal-immaniġġjar tar-riskju għandha tkun ibbażata, u li fatturi oħra rilevanti għall-kwistjoni taħt kunsiderazzjoni għandu b'mod leġittimu jingħata kont tagħhom inklużi l-fatturi soċjali, ekonomiċi, tradizzjonali, etiċi u ambjentali u l-possibbiltà tal-kontrolli.” L-Artikolu 3 jinkludi definizzjonijiet ta’ dawn it-tliet komponenti.

23 L-EMA ġiet stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 726/2004, iżda kienet diġà ilha teżisti mill-1995 fuq il-bażi ta’ Direttivi aktar antiki. Hija responsabbli għall-valutazzjoni tar-riskji tal-UE fil-qasam tal-prodotti mediċinali.

24 Il-Premessa 21 u l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002.

25 Skont il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-prinċipju ta’ prekawzjoni (COM(2000)°1 final tat-2.2.2000), l-miżuri li jittieħdu biex jiġi applikat il-prinċipju ta’ prekawzjoni għandhom ikunu: proporzjonali għal-livell ta’ protezzjoni magħżul, nondiskriminatorji fl-applikazzjoni tagħhom, konsistenti ma’ miżuri simili li jkunu diġà ttieħdu, ibbażati fuq eżaminar tal-benefiċċji u l-ispejjeż potenzjali tal-azzjoni jew tan-nuqqas ta’ azzjoni (inkluża, fejn ikun xieraq u fattibbli, analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji ekonomiċi), suġġetti għal rieżaminar, fid-dawl ta’ data xjentifika ġdida, u kapaċi jassenjaw ir-responsabbiltà għall-produzzjoni ta’ evidenza xjentifika meħtieġa għal valutazzjoni aktar komprensiva tar-riskji.

26 Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa - Il-Kummissjoni tadotta l-Komunikazzjoni dwar il-Prinċipju ta’ Prekawzjoni.

27 Il-Ftehim tad-WHO daħal fis-seħħ bl-istabbiliment tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fl-1 ta’ Jannar 1995. Huwa jirrigwarda l-applikazzjoni tar-regolamenti dwar is-sikurezza alimentari kif ukoll is-saħħa tal-annimali u tal-pjanti.

28 L-Artikolu 5 tal-Ftehim SPS.

29 Il-valutazzjoni sħiħa tar-riskji tinkludi erba’ stadji: l-identifikazzjoni tal-perikli, il-karatterizzazzjoni tal-perikli, il-valutazzjoni tal-esponiment u l-karatterizzazzjoni tar-riskji.

30 Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).

31 L-INDIĊI ANALITIKU TAD-WTO, SPS Agreement – Preamble (Jurisprudence) (Ftehim SPS – il-Preambolu (Ġurisprudenza)). Il-Punt 1.5.2 Relationship of the precautionary principle with the SPS Agreement (Ir-relazzjoni bejn il-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-Ftehim SPS). Jannar 2018.

32 Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u r-Regolament (KE) Nru 396/2005 rispettivament.

33 Ir-rapport ta’ sinteżi tal-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-pjanti, l-annimali, l-ikel u l-għalf, li ġiet organizzata fi Brussell fis-16 u 17 ta’ Frar 2017: L-Istati Membri ġibdu l-attenzjoni għad-diffikultajiet li dan jista’ joħloq fil-livell internazzjonali (Codex Alimentarius) u għall-kwistjonijiet relatati mar-responsabbiltajiet għal dawn id-deċiżjonijiet ta’ politika fil-livell tagħhom, minħabba r-rwol tagħhom bħala l-ewwel evalwatur fil-proċedura għat-trattament ta’ talbiet għal tolleranzi tal-importazzjoni u r-Rapport ta’ sinteżi tal-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-pjanti, l-annimali, l-ikel u l-għalf, li ġiet organizzata fi Brussell fit-13-14 ta’ Ġunju 2018, il-punt A.14 fuq l-aġenda.

34 L-operaturi tan-negozji tal-ikel u l-għalf fl-istadji kollha tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tad-distribuzzjoni fi ħdan in-negozji taħt il-kontroll tagħhom iridu jiżguraw li l-ikel jew l-għalf ikunu jissodisfaw dawk ir-rekwiżiti tal-liġi dwar l-ikel li jkunu rilevanti għall-attivitajiet tagħhom u jivverifikaw li dawn ir-rekwiżiti jkunu ġew rispettati.

35 L-allokazzjoni ċara tar-responsabbiltajiet bejn l-FBOs u l-awtoritajiet pubbliċi tul il-katina alimentari hija rikonoxxuta fir-riżultati tal-Kontroll tal-Idoneità fuq il-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel bħala titjib fl-effiċjenza.

36 F’konformità mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002

37 Iċ-ċifri huma bbażati fuq rapporti tal-EFSA.

38 Id-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE tad-29 ta’ April 1996 dwar miżuri għall-monitoraġġ ta’ ċerti sustanzi u residwi tagħhom f’annimali ħajjin u prodotti tal-annimali (ĠU L 125, tat-23.5.1996, p. 10).

39 Ir-Rapport ġenerali “Interaction Between the System of Official Feed Controls and Private Assurance Schemes” (Interazzjoni bejn is-Sistema tal-Kontrolli Uffiċjali fuq l-Għalf u l-Iskemi Privati ta’ Assigurazzjoni) tad-DĠ Saħħa u Sikurezza Alimentari, jirrikonoxxi għadd ta’ benefiċċji għall-awtoritajiet kompetenti li jistabbilixxu interazzjonijiet ma’ skemi privati ta’ assigurazzjoni, 2016-8975. http://ec.europa.eu/food/audits-analysis/overview_reports/

40 Il-Programm tal-2017 għall-Awditi u l-Analiżijiet tas-Saħħa u l-Ikel. Id-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari.

41 Pereżempju, id-dokument DĠ SANTE 2017-6072. Ir-rapport finali ta’ missjoni ta’ ġbir ta’ informazzjoni mwettqa fil-Ġermanja mit-28 ta’ Novembru 2017 sas-6 ta’ Diċembru 2017 biex tinġabar informazzjoni rigward is-sinerġiji bejn il-kontrolli uffiċjali u l-kontrolli proprji tal-operaturi tan-negozji tal-ikel u l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni għal partijiet terzi. http://ec.europa.eu/food/audits-analysis/audit_reports/ . In-Netherlands esprimew ukoll tħassib simili matul iż-żjara tal-awditjar li twettqet fil-kuntest ta’ dan l-awditu.

42 Konsum stmat = produzzjoni fl-UE + importazzjonijiet – esportazzjonijiet. Data dwar il-produzzjoni fl-UE - 734 miljun tunnellata (sors: “EU agricultural production volumes for 2013 in million tonnes” (Volumi tal-produzzjoni agrikola fl-UE għall-2013 f’miljun tunnellata), il-Faostat). Data dwar l-importazzjonijiet - kważi 93 miljun tunnellata, u esportazzjonijiet - 91 miljun tunnellata (sors: http://ec.europa.eu/eurostat/web/products-eurostat-news/-/EDN-20171016-1?inheritRedirect=true).

43 Pereżempju, il-listi ta’ sustanzi kimiċi inklużi fil-CODEX jistgħu ma jkunux eżawrjenti jew il-pajjiżi membri xorta waħda jista’ jkollhom limiti legali differenti fir-rigward ta’ sustanza partikolari (eż. MRL differenti).

44 https://ec.europa.eu/food/safety/official_controls/legislation/imports_en

45 Filwaqt li 13 % tal-prodotti kkunsmati fl-UE jiġu importati (ara n-nota 42 f’qiegħ il-paġna), 26.4 % (22 345) tal-għadd totali ta’ kampjuni (84 657) kien jirrigwarda prodotti li jiġu importati minn pajjiżi terzi u 67 % (56 749) tat-total kien joriġina mill-pajjiżi rapportaturi (l-UE, I-Iżlanda u n-Norveġja). Ir-Rapport 2016 tal-Unjoni Ewropea dwar ir-residwi tal-pestiċidi fl-ikel maħruġ mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel.

46 Jekk, pereżempju, dawn is-sustanzi ma kinux awtorizzati minħabba raġunijiet oħra għajr raġunijiet ta’ saħħa.

47 Bħad-data dwar l-okkorrenza jew dik dwar il-konsum tal-ikel.

48 Fil-prinċipju, l-Istati Membri għandhom il-libertà li jiddeċiedu dwar l-għadd xieraq ta’ kontrolli li jwettqu, iżda l-leġiżlazzjoni tal-UE tista’ tispeċifika l-frekwenzi għal prodotti speċifiċi, eż. l-Anness IV tad-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE jistabbilixxi l-“livelli u l-frekwenza tal-kampjuni” għall-annimali ħajjin u għall-prodotti li ġejjin mill-annimali.

49 L-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004.

50 L-informazzjoni ppreżentata tirreferi biss għat-tliet Stati Membri li saritilhom żjara matul l-awditu. Għall-ingredjenti regolati tal-ikel u l-kontaminanti li mhumiex inklużi fid-Direttiva 96/23/KE ma hemmx rapport fil-livell tal-UE. Għar-residwi tal-pestiċidi u l-mediċini veterinarji, l-EFSA tħejji rapporti annwali dwar ir-riżultati tal-ittestjar imwettaq mill-Istati Membri.

51 Madankollu, dawn it-testijiet ma jindirizzawx l-aspetti kollha tar-riskji kimiċi bħall-akkumulazzjoni ta’ pestiċidi (ara l-paragrafu 7 fl-Anness III).

52 Kampjun jista’ jinkludi bosta testijiet għal sustanzi differenti.

53 Il-kundizzjonijiet tal-użu stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel jokkupaw 314-il paġna (l-Annessi 2-4).

54 L-Artikoli 54 u 55 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004.

55 Fuq is-sit web tiegħu, id-DĠ SANTE jispjega li l-prodotti importati li joriġinaw mill-annimali u l-annimali ħajjin jippreżentaw risku ta’ livell għoli, billi dawn jistgħu jittrażmettu mard serju lill-bnedmin u l-annimali. https://ec.europa.eu/food/safety/official_controls/legislation/imports/animal_en

56 Skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206), il-Kummissjoni tanalizza s-sitwazzjoni fir-rigward tas-saħħa pubblika u dik tal-annimali fil-pajjiż terz rilevanti billi titlob u teżamina dokumenti u, bħala regola ġenerali, iżżurhom. Fir-rigward tar-riskji kimiċi, din l-analiżi tkopri l-liġijiet tal-pajjiż terz dwar il-prodotti li joriġinaw mill-annimali, l-użu ta’ prodotti mediċinali veterinarji, it-tħejjija u l-użu ta’ prodotti tal-għalf u l-approvazzjoni tal-programm ta’ monitoraġġ tar-residwi.

57 Il-Kummissjoni tispezzjona kampjun ta’ dawn l-istabbilimenti matul l-awditi li jitwettqu fil-pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni infurmatna wkoll li hija qed tħejji rapport dwar l-eżitu tal-evalwazzjoni tagħha fir-rigward tal-istabbilimenti f’pajjiż terz partikolari li kien ingħata l-approvazzjoni biex jesporta lejn l-UE.

58 Skont ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 u l-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament (KE) Nru 854/2004, l-awtoritajiet f’pajjiżi terzi għandhom ir-responsabbiltà li jivverifikaw u jiggarantixxu li l-istabbilimenti jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-UE għal kull kategorija ta’ prodotti tal-ikel.

59 Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 669/2009 tal-24 ta’ Lulju 2009 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żieda fil-livell tal-kontrolli uffiċjali mwettqa fuq l-importazzjonijiet ta' ċertu għalf u ikel ta' oriġini mhux mill-annimali u li jemenda d-Deċiżjoni 2006/504/KE (ĠU L 194, 25.7.2009, p. 11).

60 Attwalment, ir-Regolament (KE) Nru 669/2009 jkopri 35 prodott differenti u 24 pajjiż terz. Il-prodotti l-aktar komuni huma l-ġewż, il-ħxejjex, il-ħxejjex aromatiċi u l-ħwawar. Ir-regolament jistabbilixxi frekwenzi għall-kontrolli tal-identità u dawk fiżiċi, inklużi t-testijiet fil-laboratorju (5, 10, 20 jew 50 %). Il-lista tal-prodotti u l-frekwenzi tal-kontrolli jiġu analizzati kull sitt xhur fuq il-bażi tar-riżultati tal-kontrolli.

61 Skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 884/2014 tat-13 ta’ Awwissu 2014 li jimponi kundizzjonijiet speċjali għar-regolamentazzjoni tal-importazzjoni ta’ ċertu għalf u ikel minn ċertu pajjiżi terzi minħabba r-riskju ta’ kontaminazzjoni bl-aflatossini u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1152/2009 (ĠU L 242, 14.8.2014, p. 4); ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/175 tal-5 ta’ Frar 2015 li jistabbilixxi kundizzjonijiet speċjali applikabbli għall-importazzjoni għall-gomma tal-gwar li toriġina mill-Indja jew li tintbagħat minn hemm, minħabba r-riskju ta’ kontaminazzjoni mill-pentaklorofenol u mid-dijossini (ĠU L 30, 6.2.2015, p. 10), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 885/2014 tat-13 ta’ Awwissu 2014 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet speċifiċi li japplikaw għall-importazzjoni tal-okra u tal-weraq tal-kari mill-Indja u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 91/2013 (ĠU L 242, 14.8.2014, p. 20), ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/186 tat-2 ta’ Frar 2017 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet speċifiċi li japplikaw għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta' konsenji minn ċerti pajjiżi terzi minħabba l-kontaminazzjoni mikrobijoloġika (ĠU L 29, 3.2.2017, p. 24), l-UE stabbiliet dawn il-kundizzjonijiet speċjali għal ċerti prodotti li joriġinaw minn 12-il pajjiż terz, prinċipalment minħabba r-riskju ta’ kontaminanti fil-ġewż u l-frott niexef.

62 Minbarra d-dispożizzjonijiet li ssir referenza għalihom fil-Kaxxa 3, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/805/KE tal-15 ta’ Ottubru 2002 li tikkonċerna ċerti miżuri protettivi fir-rigward ta’ ċerti prodotti ta’ oriġini mill-annimali bħala nutriment tal-annimali u li huma importati mill-Ukrajna (ĠU L 278, 16.10.2002, p. 24); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/381/UE tat-8 ta’ Lulju 2010 dwar miżuri ta’ emerġenza li japplikaw għal kunsinni ta’ prodotti tal-akkwakultura importati mill-Indja u maħsuba għall-konsum tal-bniedem (ĠU L 174, 9.7.2010, p. 51); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/220/UE tas-16 ta’ April 2010 dwar miżuri ta’ emerġenza applikabbli għal kunsinni ta’ prodotti tas-sajd tal-akkwakultura importati mill-Indoneżja u li huma intenzjonati għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 97, 17.4.2010, p. 17) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/251/KE tas-27 ta’ Marzu 2002 li tikkonċerna ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ laħam tat-tjur u ċerti prodotti konnessi mal-industrija tas-sajd u prodotti tal-akkwakultura li huma intiżi għall-konsum uman u importati mit-Tajlandja (ĠU L 84, 28.3.2002, p. 77).

63 L-Artikolu 53(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002.

64 Pereżempju: Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (EU) 2015/943 tat-18 ta’ Ġunju 2015 dwar miżuri ta’ emerġenza li jissospendu l-importazzjonijiet ta’ fażola mnixxfa min-Niġerja u li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 669/2009 (ĠU L 154, 19.6.2015, p. 8).

65 Pereżempju: Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/175 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 885/2014.

66 L-Artikolu 12(4)(c) tar-Regolament (KE) Nru 854/2004.

67 L-ewwel stabbiliment li l-Kummissjoni neħħiet mil-lista fuq l-inizjattiva proprja tagħha kien wieħed fil-Brażil. Huwa tneħħa mil-lista minħabba l-preżenza ta’ salmonella u minħabba frodi relatata maċ-ċertifikazzjoni tal-laboratorju għall-laħam u l-prodotti tal-laħam esportati lejn l-UE.

68 https://www.efsa.europa.eu/en/topics/topic/food-additive-re-evaluations

69 Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1129/2011 tal-11 ta’ Novembru 2011 li jemenda l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel (ĠU L 295, 12.11.2011, p. 1–177).

70 L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jinkludi l-lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel approvati biex jintużaw fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu.

71 L-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1332/2008.

72 Il-Premessa 14 u l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1332/2008.

73 Sors: Id-Database tal-Kummissjoni dwar l-aromatizzanti tal-ikel.

74 Il-Parti A tal-lista tal-UE għandha erba’ noti f’qiegħ il-paġna li huma differenti: 1. “evalwazzjoni trid timtela mill-Awtorità”; 2. “dejta xjentifika addizzjonali għandha tiġi ppreżentata sal-31 ta’ Diċembru 2012”; 3. “data xjentifika addizzjonali għandha tiġi ppreżentata sat-30 ta’ Ġunju 2013”; u 4. “data xjentifika addizzjonali għandha tiġi ppreżentata sal-31 ta’ Diċembru 2013”.

75 L-Artikolu 20(2) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008.

76 Il-Ġurnal tal-2012 tal-EFSA;10(5):2663. https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/epdf/10.2903/j.efsa.2012.2663

77 https://effl.lexxion.eu/article/EFFL/2013/3/241

78 Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

79 Il-Kummissjoni dan l-aħħar lestiet evalwazzjoni tal-politika komprensiva bbażata fuq l-evidenza tar-Regolament GFL (Kontroll tal-Idoneità) għas-settur sħiħ tal-ikel skont il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT); Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni - L-Evalwazzjoni tal-REFIT tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel (ir-Regolament (KE) Nru 178/2002) (“Il-Kontroll tal-Idoneità) [traduzzjoni mhux uffiċjali], SWD (2018) 38 final, bid-data tal-15.1.2018.

80 Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trasparenza u s-sostenibbiltà tal-valutazzjoni tar-riskju tal-UE fil-katina alimentari li jemenda r-Regolament (KE) Nru 178/2002 [dwar il-liġi ġenerali dwar l-ikel], id-Direttiva 2001/18/KE [dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ OĠM], ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 [dwar ikel u għalf ĠM], ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 [dwar l-addittivi fl-għalf], ir-Regolament (KE) Nru 2065/2003 [dwar it-taħwir bl-affumikazzjoni], ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 [dwar il-materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel], ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 [dwar il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel], ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 [dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti] u r-Regolament (UE) Nru 2015/2283 [dwar ikel ġdid], COM/2018/0179 final, bid-data tal-11.4.2018.

81 Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trasparenza u s-sostenibbiltà tal-valutazzjoni tar-riskju tal-UE fil-katina alimentari li jemenda r-Regolament (KE) Nru 178/2002 [dwar il-liġi ġenerali dwar l-ikel], id-Direttiva 2001/18/KE [dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ OĠM], ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 [dwar ikel u għalf ĠM], ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 [dwar l-addittivi fl-għalf], ir-Regolament (KE) Nru 2065/2003 [dwar it-taħwir bl-affumikazzjoni], ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 [dwar il-materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel], ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 [dwar il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel], ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 [dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti] u r-Regolament (UE) Nru 2015/2283 [dwar ikel ġdid], COM/2018/0179 final, bid-data tal-11.4.2018.

82 Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1) (Ir-Regolament tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel).

83 L-Artikoli 14 u 17(1) tar-Regolament tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel.

84 Il-maniġers tar-riskju huma prinċipalment il-Kummissjoni bl-għajnuna tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Kumitat Permanenti u s-Saħħa tal-Annimali u tal-Pjanti għall-Ikel u l-Għalf (Plant and Animal Health and Food and Feed, PAFF) u, skont il-proċeduri applikabbli, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Id-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari (DĠ SANTE) huwa responsabbli min-naħa tal-Kummissjoni mill-ġestjoni tar-riskju fil-qasam tal-ikel sa fejn għandha x’taqsam il-Kummissjoni.

85 Il-liġi ġenerali dwar l-ikel tipprovdi lista mhux eżawrjenti ta’ fatturi leġittimi fil-premessa (19) pereż. fatturi soċjali, ekonomiċi, tradizzjonali, etiċi u ambjentali kif ukoll il-fattibbiltà ta’ kontrolli. L-użu ta’ fatturi leġittimi fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE mhuwiex statiku; il-firxa eżatta ta’ fatturi u l-piż attribwiti lilhom ivarja fuq bażi ta’ każ b’każ skont is-suġġett u l-miżura kkonċernata.

86 Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, “L-Evalwazzjoni tal-REFIT tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel (ir-Regolament (KE) Nru 178/2002)” [traduzzjoni mhux uffiċjali], SWD (2018) 38 final, bid-data tal-15.1.2018, ("Kontroll tal-Idoneità"), f’p. 89.

87 Bħal materjal li jiġi f’kuntatt mal-ikel għajr plastiks oħrajn, supplimenti tal-ikel u l-ikel miżjud b’vitamini u minerali fir-rigward tal-iffissar ta’ livelli massimi ta’ sustanzi kif ukoll in-nuqqas ta’ implimentazzjoni sħiħa fil-livell tal-UE fir-rigward ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa u n-nutrizzjoni fir-rigward il-botaniċi.

88 Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, “L-Evalwazzjoni tal-REFIT tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel (ir-Regolament (KE) Nru 178/2002)” [traduzzjoni mhux uffiċjali], SWD (2018) 38 final, bid-data tal-15.1.2018, ("Kontroll tal-Idoneità"), f’p. 89.

89 Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trasparenza u s-sostenibbiltà tal-valutazzjoni tar-riskju tal-UE fil-katina alimentari li jemenda r-Regolament (KE) Nru 178/2002 [dwar il-liġi ġenerali dwar l-ikel], id-Direttiva 2001/18/KE [dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ OĠM], ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 [dwar ikel u għalf ĠM], ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 [dwar l-addittivi fl-għalf], ir-Regolament (KE) Nru 2065/2003 [dwar it-taħwir bl-affumikazzjoni], ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 [dwar il-materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel], ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 [dwar il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel], ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 [dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti] u r-Regolament (UE) Nru 2015/2283 [dwar ikel ġdid], COM/2018/0179 final, bid-data tal-11.4.2018.

90 Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, “L-Evalwazzjoni tal-REFIT tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel (ir-Regolament (KE) Nru 178/2002)”, SWD (2018) 38 final, bid-data tal-15.1.2018, ("Kontroll tal-Idoneità"), f’p. 39.

91 Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trasparenza u s-sostenibbiltà tal-valutazzjoni tar-riskju tal-UE fil-katina alimentari li jemenda r-Regolament (KE) Nru 178/2002 [dwar il-liġi ġenerali dwar l-ikel], id-Direttiva 2001/18/KE [dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ OĠM], ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 [dwar ikel u għalf ĠM], ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 [dwar l-addittivi fl-għalf], ir-Regolament (KE) Nru 2065/2003 [dwar it-taħwir bl-affumikazzjoni], ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 [dwar il-materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel], ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 [dwar il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel], ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 [dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti] u r-Regolament (UE) Nru 2015/2283 [dwar ikel ġdid], COM/2018/0179 final, bid-data tal-11.4.2018.

92 Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trasparenza u s-sostenibbiltà tal-valutazzjoni tar-riskju tal-UE fil-katina alimentari li jemenda r-Regolament (KE) Nru 178/2002 [dwar il-liġi ġenerali dwar l-ikel], id-Direttiva 2001/18/KE [dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ OĠM], ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 [dwar ikel u għalf ĠM], ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 [dwar l-addittivi fl-għalf], ir-Regolament (KE) Nru 2065/2003 [dwar it-taħwir bl-affumikazzjoni], ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 [dwar il-materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel], ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 [dwar il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel], ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 [dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti] u r-Regolament (UE) Nru 2015/2283 [dwar ikel ġdid], COM/2018/0179 final, bid-data tal-11.4.2018.

Avveniment Data
Adozzjoni tal-APM / Bidu tal-awditu 29.11.2017
L-abbozz tar-rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lil parti awditjata oħra) 27.9.2018
Adozzjoni tar-rapport finali wara l-proċedura kontradittorja 14.11.2018
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew ta’ parti awditjata oħra) riċevuti bil-lingwi kollha 6.12.2018

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan ir-rapport ġie adottat mill-Awla I tal-Awditjar, li hija mmexxija minn Nikolaos Milionis, Membru tal-QEA, u li tispeċjalizza fl-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali. L-awditu tmexxa minn Janusz Wojciechowski, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Kinga Wisniewska-Danek, Kap tal-Kabinett u Katarzyna Radecka-Moroz, Attaché tal-Kabinett; Michael Bain, Maniġer Prinċipali; Maria Eulàlia Reverté i Casas, Kap tal-Kompitu; Päivi Piki, Deputat Kap tal-Kompitu; Ioannis Papadakis, Manuel Dias Ferreira Martins u Ermira Vojka, Awdituri; u Terje Teppan-Niesen, Assistent. Philippe Colmant, Vesna Marn u Michael Pyper ipprovdew appoġġ lingwistiku.

Mix-xellug għal-lemin: Eulàlia Reverté i Casas, Katarzyna Radecka-Moroz, Janusz Wojciechowski, Michael Bain, Päivi Piki, Manuel Dias Ferreira Martins.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2018

PDF ISBN 978-92-847-1536-7 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/637550 QJ-AB-18-032-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-1541-1 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/31979 QJ-AB-18-032-MT-Q

© L-Unjoni Ewropea, 2018

Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li ma jaqax taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, mill-EU Bookshop fl-indirizz li ġej: https://publications.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.