L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija valur fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jmur lura għat-Trattat ta’ Ruma tal-1957, li stabbilixxa l-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali. Minn dak iż-żmien ‘l hawn, l-UE kompliet tindirizza d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneri u llum il-ġurnata l-Ewropa hija waħda mill-aktar postijiet sikuri u ġusti għan-nisa fid-dinja.

Madankollu, il-ġlieda għad-drittijiet tan-nisa u l-protezzjoni tagħhom għadhom meħtieġa. Għalkemm in-nisa fl-Ewropa għandhom igawdu l-ugwaljanza, l-emanċipazzjoni u s-sikurezza, għal għadd li għadu kbir wisq ta’ nisa dawn id-drittijiet għadhom mhumiex realtà. L-istatistika turi li n-nisa huma sottorappreżentati fil-pożizzjonijiet tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-politika u n-negozju u bħala medja għadhom jaqilgħu 16 % inqas mill-irġiel madwar l-UE. Il-vjolenza u l-fastidju sesswali għadhom mifruxa.

X’QED TAGĦMEL L-UE

L-UE għandha l-għan li tippermetti lin-nisa jkollhom l-istess opportunitajiet bħall-irġiel fuq il-post tax-xogħol, bħal paga ugwali, u li tgħin kemm lill-irġiel kif ukoll lin-nisa jsibu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-oqsma oħra tal-ħajja. Prijorità ewlenija oħra hija li telimina l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u li tippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-UE u madwar id-dinja. L-UE tippromwovi ukoll l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fil-pożizzjonijiet tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Il-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea f’dawn l-oqsma kollha hija bbażata fuq l-impenn strateġiku tagħha għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri 2016-2019.

L-OPPORTUNITAJIET TA’ IMPJIEG U L-PAGA

Id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa

Bosta nisa għadhom mhumiex qed jiksbu indipendenza ekonomika sħiħa. L-ostakoli biex jieħdu sehem fis-suq tax-xogħol u r-responsabbiltajiet relatati mal-indukrar ta’ bosta nisa huma wħud mir-raġunijiet għaliex hemm it-tendenza li n-nisa jaħdmu inqas mill-irġiel u f’setturi b’paga aktar baxxa, jieħdu aktar pawżi fil-karriera u jiffaċċjaw inqas promozzjonijiet jew jiġu promossi aktar bil-mod. Madankollu, l-UE impenjat ruħha li tipprovdi lin-nisa opportunitajiet ugwali fl-impjiegi u paga ugwali.

Fl-2017, 66.5 % tan-nisa ta’ bejn l-20 u l-64 sena fl-UE kienu qed jaħdmu, żieda mill-62.1 % fl-2010. Ir-rata ta’ impjiegi għall-irġiel kienet ta’ 78 % fl-2017 u 75.1 % fl-2010. Il-prinċipju ta’ paga ugwali huwa inkluż fit-trattati tal-UE fir-regoli dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-suq tax-xogħol, madankollu għadha sfida fl-Istati Membri kollha biex jiġi żgurat li r-regoli jiġu applikati b’mod korrett.

Id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa

Fl-2017, l-UE ppreżentat pjan ta’ azzjoni biex telimina d-differenza bejn dak li jaqilgħu n-nisa u l-irġiel. Il-pjan jindirizza kwistjonijiet bħall-isterjotipi u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u jistieden lill-gvernijiet, lill-impjegaturi u lit-trade unions jieħdu passi konkreti biex jiżguraw li l-pagi tan-nisa jkunu ddeterminati b’mod ġust.

L-AZZJONI TAL-UE BIEX ITTEJJEB L-UGWALJANZA BEJN IL-ĠENERI U L-BILANĊ BEJN IX-XOGĦOL U L-ĦAJJA PRIVATA

Il-bilanċ xogħol-ħajja

L-ugwaljanza bejn il-ġeneri — mhijiex kwistjoni għan-nisa biss, iżda tikkonċerna lill-irġiel ukoll. Din tinsab fil-qalba tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li għandu l-għan li jistabbilixxi l-ugwaljanza fit-trattament u fl-opportunitajiet bejn in-nisa u l-irġiel fl-oqsma kollha. Din tinkludi l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tal-impjiegi, u l-avvanz fil-karriera.

Direttiva li ġiet adottata mill-UE fl-2014 tobbliga lil kumpaniji kbar elenkati biex jippubblikaw informazzjoni dwar il-bordijiet tal-kumpanija tagħhom fir-rigward tal-politika tagħhom favur id-diversità, bħall-età, il-ġeneru u l-isfondi edukattivi u professjonali.

Iżda l-ħajja ma tfissirx biss xogħol u flus. Li jinstab bilanċ bejn ix-xogħol, filwaqt li jiġi żgurat li wieħed ikollu introjtu u li jkollu ħin għalih innifsu u għall-familja tiegħu huwa kunsiderazzjoni importanti kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel.

L-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata timplimenta l-prinċipju tal-pilastru fir-rigward tat-trattament indaqs u tintroduċi drittijiet ġodda, jew issaħħaħ dawk eżistenti, fil-livell tal-UE sabiex tgħin tibbilanċja l-qsim tar-responsabbiltajiet tal-indukrar bejn in-nisa u l-irġiel, u b’hekk tappoġġja l-impjieg tan-nisa. Dawn ikopru l-liv tal-paternità, tal-ġenituri u ta’ familjari li jindukraw, kif ukoll arranġamenti ta’ xogħol flessibbli għall-ġenituri u għal dawk li jindukraw.

L-inizjattiva tinkludi wkoll sett ta’ miżuri li jgħinu lill-Istati Membri jipproteġu lill-ħaddiema nisa tqal kif ukoll lill-persuni li jieħdu liv tal-familja mit-tkeċċija, itejbu l-għoti tas-servizzi tal-kura u jindirizzaw d-diżinċentivi ekonomiċi għat-tieni sors ta’ dħul.

Il-problemi relatati mas-saħħa jistgħu jkunu differenti għan-nisa u għall-irġiel. It-tielet Programm tas-Saħħa tal-UE għandu l-għan li jiżgura li l-persuni jkollhom opportunitajiet ugwali ta’ saħħa tajba u kura tas-saħħa ta’ kwalità, irrispettivament mill-ġeneru tagħhom.

KIF L-UE QED TGĦIN LIN-NISA FID-DINJA TAX-XOGĦOL

L-UE tqis il-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa fil-programmi u fil-politiki tal-infiq differenti tagħha, u kull sena l-Fond Soċjali Ewropew jgħin lil miljuni ta’ persuni li jiffaċċjaw varjetà ta’ sfidi biex jittejjeb l-aċċess tagħhom għall-impjiegi.

Azzjonijiet speċifiċi li jgħinu lin-nisa jsibu impjieg jinkludu skemi għaż-żamma u għat-titjib tal-ħiliet. Il-fond jippermetti wkoll li n-nisa jirritornaw lura għax-xogħol wara pawża fil-karriera, pereżempju billi jipprovdi indukrar tat-tfal ta’ kwalità u gwida individwali, u billi jtejjeb is-sensibilizzazzjoni tal-impjegaturi dwar l-isfidi li jiffaċċjaw in-nisa. Il-Fond Soċjali Ewropew jappoġġja proġetti f’pajjiżek. Id-diversi inizjattivi ta’ suċċess tiegħu qed jagħmlu differenza reali fil-ħajja tan-nies.

Il-proġetti ffinanzjati fir-reġjuni tal-UE jipprovdu lin-nisa b’opportunitajiet ġodda permezz ta’ aċċess għal finanzjament, appoġġ personalizzat jew taħriġ biex jiġu megħjuna jibdew negozju. Inti tista’ ssib programmi u proġetti fil-pajjiż jew fir-reġjun tiegħek.

Il-pjattaforma WEgate hija punt uniku ta’ kuntatt għan-nisa li jixtiequ jibdew jew jespandu negozju, b’informazzjoni dwar it-taħriġ, il-mentoraġġ, l-għoti ta’ pariri u n-netwerking. Inti tista’ ssib ukoll kif is-self u l-kapital ta’ riskju tal-UE jistgħu jippermettulek tistabbilixxi jew tespandi n-negozju tiegħek.

L-UE qed tieħu wkoll azzjoni biex ittejjeb il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-settur diġitali billi tiġġieled l-isterjotipi, tippromwovi l-edukazzjoni u t-taħriġ fil-ħiliet diġitali, u tħeġġeġ aktar intraprendituri nisa fis-settur. In-Netwerk Ewropew għan-Nisa fl-Era Diġitali tnieda fl-2018 sabiex il-bniet u n-nisa fis-settur diġitali jkunu jistgħu jaħdmu ma’ xulxin u jikkollaboraw dwar ideat u esperjenzi f’dan il-qasam. Xi 20 kumpanija teknoloġika impenjaw ruħhom ukoll li jipprovdu kultura u ambjent ta’ xogħol inklużiv u bbilanċjat bejn il-ġeneri.

L-UE impenjat ruħha wkoll li telimina d-differenza bejn il-ġeneri fir-riċerka u fl-innovazzjoni. Pereżempju, il-programm Orizzont 2020 jgħin lil organizzazzjonijiet u universitajiet ta’ riċerka biex jimplimentaw pjanijiet ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri. Kull sena, il-Premju tal-UE għall-Innovaturi Nisa jirrikonoxxi nisa li mhumiex biss riċerkaturi u innovaturi eċċellenti iżda anke intraprendituri ta’ suċċess. L-UE qed tieħu wkoll azzjoni biex ittejjeb l-impjiegi tan-nisa f’setturi oħra bħat-trasport.

INWAQQFU L-VJOLENZA FUQ IN-NISA

INWAQQFU L-VJOLENZA FUQ IN-NISA

Kulħadd għandu d-dritt li jgħix ħajja mingħajr vjolenza. Madankollu, il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet qed tiżdied madwar id-dinja. F’ħafna postijiet, l-attitudnijiet lejn il-vittimi jikkontribwixxu għall-problema: stħarriġ tal-Ewrobarometru fl-2016 żvela li l-vjolenza fuq in-nisa għadha tiġi aċċettata u saħansitra ġġustifikata f’xi pajjiżi fl-UE. Il-maġġoranza tal-vittimi tat-traffikar irrapportati fl-UE huma nisa u bniet. Il-leġiżlazzjoni kontra t-traffikar fl-UE toħloq obbligi li jiġu adottati miżuri speċifiċi għall-ġeneri, u hija akkumpanjata minn miżuri ta’ politika u programmi finanzjarji biex jappoġġjaw lill-Istati Membri.

L-Istati Membri kollha tal-UE, kif ukoll l-Unjoni Ewropea nnifisha, iffirmaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (magħrufa wkoll bħala l-konvenzjoni ta’ Istanbul). Il-konvenzjoni tobbliga lill-pajjiżi jipprevjenu u jikkriminalizzaw kull forma ta’ vjolenza, jipproteġu lill-vittmi u jressqu lill-awturi quddiem il-qorti.

Il-kampanja NON.NO.NEIN tal-UE tħeġġeġ lill-irġiel u lin-nisa jieħdu pożizzjoni kontra l-vjolenza fuq in-nisa. L-UE tiffinanzja wkoll proġetti relatati mal-ġlieda kontra l-vjolenza sessista u li jappoġġjaw lill-vittmi tagħha taħt il-Programm ta’ Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza.

Fuq livell globali, fl-2017 l-UE u n-Nazzjonijiet Uniti nedew l-Inizjattiva Spotlight biex jeliminaw kull forma ta’ vjolenza fuq in-nisa u l-bniet. Din ġiet appoġġjata b’impenn ta’ EUR 500 miljun mill-UE.

NIPPROMWOVU L-UGWALJANZA U NIPPROTEĠU DRITTIJIETEK

Inti għandek drittijiet u tista’ tieħu azzjoni jekk temmen li dawn inkisru. Għal aktar informazzjoni dwar kif in-nondiskriminazzjoni u t-trattament ugwali japplikaw f’pajjiżek stess, inti tista’ tikkuntattja lill-membru nazzjonali xieraq tan-Netwerk Ewropew għall-Korpi tal-Ugwaljanza, li ġie stabbilit biex jippromwovi applikazzjoni unformi tad-dritt tal-Unjoni f’dawn l-oqsma.

Kull sena, il-Kummissjoni Ewropea tippubblika rapport komprensiv dwar l-istat tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-UE. Is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jaqdu rwol importanti fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, filwaqt li jiżguraw li d-dritt tal-Unjoni jiġi interpretat u applikat bl-istess mod f’kull pajjiż tal-UE.

L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri jappoġġja lill-Istati Membri u lill-UE fl-isforzi tagħhom biex jippromwovu u jiżguraw opportunitajiet ugwali għan-nisa u l-irġiel madwar l-Ewropa u lil hinn minnha. L-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri tal-Istitut jimmonitorja l-progress. Il-Kummissjoni Ewropea tappoġġja lin-netwerks Ewropej tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi l-Lobby Ewropew tan-Nisa, Women Against Violence Europe, in-Netwerk Ewropew għall-Ħidma mal-Awturi tal-Vjolenza Domestika, u n-Netwerk Ewropew għall-Eliminazzjoni tal-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili. Dawn jaħdmu mill-qrib mal-istituzzjonijiet tal-UE dwar kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, u jistgħu wkoll jgħinuk tagħmel kuntatt mal-organizzazzjonijiet rilevanti f’pajjiżek stess.

PROGRESS GĦAN-NISA FIL-POLITIKA U FIT-TEĦID TA’ DEĊIŻJONIJIET

L-UE qed taħdem biex tgħin lin-nisa jkissru s-soqfa tal-ħġieġ fin-negozju u fil-politika. Dan qed twettqu billi taħdem mal-gvernijiet, man-negozji, mat-trade unions u mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi biex tfassal u timplimenta attivitajiet mifruxa madwar l-UE fir-rigward tal-bilanċ bejn il-ġeneri fl-ogħla livelli, billi tiġbor u xxerred informazzjoni, u billi tppromwovi prattiki tajba.

F’Diċembru 2019, Ursula von der Leyen saret l-ewwel President mara tal-Kummissjoni Ewropea. Christine Lagarde ħadet il-kariga bħala l-Kap tal-Bank Ċentrali Ewropew f’Novembru 2019, u b’hekk saret l-ewwel President mara tal-BĊE. Emily O’Reilly hija l-Ombudsman Ewropew, u tinvestiga l-ilmenti ta’ amministrazzjoni ħażna mill-istituzzjonijiet tal-UE.

Ir-regoli li jirregolaw l-impjiegi fl-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jiġu applikati mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, inkluż fir-rigward tal-paga. Il-persunal huwa intitolat għal liv tal-ġenituri jew tal-familja. Il-Kummissjoni Ewropea ma tiddiskriminax fir-reklutaġġ jew fil-promozzjoni tal-persunal, u tipprovdi ambjent ta’ xogħol rispettuż u flessibbli għall-impjegati tagħha. Il-Kummissjoni stabbiliet ukoll strateġija biex tippromwovi l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u l-benessri tal-persunal.

Il-President u l-membri nisa tal-Kummissjoni Ewropea

Il-President u l-membri nisa tal-Kummissjoni Ewropea: Margrethe Vestager Europe Fit for Digital Age / Executive Vice-President of the European Commission; Věra Jourová Values and Transparency / Vice-President of the European Commission; Dubravka Šuica Democracy and Demography / Vice-President of the European Commission; Mariya Gabriel Innovation, Research, Culture, Education and Youth; Elisa Ferreira Cohesion and Reforms; Stella Kyriakides Health; Helena Dalli Equality; Ylva Johansson Home Affairs; Adina Vălean Transport; Jutta Urpilainen International Partnerships; Kadri Simson Energy.

Ursula von der Leyen President tal-Kummissjoni Ewropea | Margrethe Vestager (Viċi President Eżekuttiv) Ewropa Lesta għall-Era Diġitali | Věra Jourová (Viċi President) Valuri u Trasparenza | Dubravka Šuica (Viċi President) Demokrazija u Demografija | Mariya Gabriel Innovazzjoni u Żgħażagħ | Elisa Ferreira Koeżjoni u Riformi | Stella Kyriakides Saħħa | Helena Dalli Ugwaljanza | Ylva Johansson Affarijiet Interni | Adina Vălean Trasport | Jutta Urpilainen Sħubijiiet Internazzjonali | Kadri Simson Enerġija

L-Eks President tal-Kummissjoni Ewropea, Juncker, stabbilixxa mira li tiżgura li mill-inqas 40 % tal-maniġers intermedji u superjuri tal-Kummissjoni Ewropea jkunu nisa sat-tmiem il-mandat tiegħu fl-2019. Minn Ottubru 2019, in-nisa kienu jikkorrispondu għal 41 % tal-maniġers kollha, żieda mit-30 % fl-2014.

Wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew in-numru ta’ membri nisa żdied għal 39.4 % — livell rekord. F’seba Stati Membri, in-nisa mlew 50% jew aktar tas-siġġijiet: id-Danimarka, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta, is-Slovenja, il-Finlandja u l-Iżvezja.

A volunteer accompanies persons with mental disabilities to an animal petting zoo.

INTEJBU L-ĦAJJIET MADWAR ID-DINJA

L-Unjoni Ewropea għandha l-għan li ttejjeb ħajjet il-bniet u n-nisa madwar id-dinja permezz tal-politiki tagħha, b’mod partikolari l-Qafas għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa. Permezz ta’ dan il-qafas, l-UE għandha l-għan li tappoġġja lill-pajjiżi sħab, speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, tat-tkabbir u dawk ġirien, sabiex tikseb riżultati reali fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri stabbilit fil-pjan ta’ azzjoni tagħha.

Barra minn hekk l-UE ssegwi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp billi tagħtiha prijorità fid-djalogi politiċi u ta’ politika mal-pajjiżi sħab. Pereżempju, fil-kuntest tan-negozjati kummerċjali maċ-Ċilì, għall-ewwel darba l-UE pproponiet dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

L-approċċ fuq żewġ binarji tal-UE jiffoka fuq l-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri u azzjonijiet speċifiċi għall-ġeneri f’numru ta’ oqsma: il-bini tal-kapaċità għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw; l-appoġġ għall-organizzazzjonijiet tan-nisa; u t-tixrid ta’ informazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri permezz ta’ linji gwida, l-aħjar prattiki u s-sensibilizzazzjoni.

L-UE wittiet ukoll it-triq fin-negozjar tal-inklużjoni ta’ miri relatati mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU. Dawn il-miri jiffokaw fuq l-eliminazzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa, fuq ir-rikonoxximent tal-kura bla ħlas u tax-xogħol domestiku u fuq l-aċċess universali għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet riproduttivi. Barra minn hekk, hemm impenn espliċitu għall-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn is-sessi fir-rigward tal-għanijiet, il-miri u l-indikaturi ta’ żvilupp sostenibbli kollha.

L-UE u l-Istati Membri tagħha jimpenjaw ruħhom ukoll li jinkludu komponent tal-ġeneri aktar b’saħħtu fil-politiki u l-prattiki kollha tagħhom fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Dan isir permezz tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp tal-2017. L-objettivi ewlenin jinkludu t-tisħiħ tad-djalogu ta’ politika biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tan-nisa u tal-bniet, il-promozzjoni tar-rwol importanti tagħhom fl-iżvilupp u fil-bidla, u azzjoni mmirata dejjem akbar fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

Fl-aħħar sentejn, l-UE appoġġjat aktar minn 1.5 miljun tifla u mara b’servizzi għall-protezzjoni u l-kura relatati mal-mutilazzjoni ġenitali femminili. B’riżultat ta’ dan, 3 000 komunità, li jirrappreżentaw 8.5 miljun persuna, għamlu dikjarazzjonijiet pubbliċi dwar il-fatt li abbandunaw din il-prattika.

L-UE tirrikonoxxi wkoll lin-nisa li jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom madwar id-dinja. Is-superstiti tal-Istat Iżlamiku Nadia Murad u Lamiya Aji Basharu l-attivista Pakistana favur l-edukazzjoni tal-bniet Malala Yousafzai ngħataw il-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew.

Barra minn hekk, il-pajjiżi kandidati li qed jaħdmu biex isiru membri tal-UE jridu jħaddnu bis-sħiħ il-prinċipju fundamentali tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u jridu jaħdmu biex jinkludu l-leġiżlazzjoni tal-UE f’dan il-qasam fl-istrutturi tagħhom stess. Dan jibqa’ prijorità tal-proċess tat-tkabbir.

L-edizzjoni preċedenti ta' din il-pubblikazzjoni hija disponibbli f'24 lingwa:

PDF PRINT
  • Il-Kummissjoni Ewropea
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • Informazzjoni għaċ-ċittadini
  • 1049 Brussell
  • IL-BELGJU