28.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 61/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/319

tas-6 ta' Frar 2019

li jemenda l-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Anness XV tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 rigward iċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa fuq l-importazzjoni lejn l-Unjoni li tikkonċerna l-enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (1), u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 tiegħu u l-frażi introduttorja u l-punt (m) tal-Artikolu 23a tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (ir-Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (2), u b'mod partikolari l-frażi introduttorja u l-punt (d) u l-paragrafu finali tal-Artikolu 42(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi r-regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni tal-enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli (“TSEs”) fl-annimali bovini, ovini u kaprini. Dan japplika għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-annimali ħajjin u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali u, f'ċerti każijiet speċifiċi, għall-esportazzjonijiet tagħhom. Dak ir-Regolament jipprovdi wkoll bażi ġuridika għall-klassifikazzjoni, kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/453/KE (3), tal-Istati Membri u tal-pajjiżi terzi jew ta' reġjuni tagħhom skont l-istatus tal-mard tagħhom għall-enċefalopatija sponġiformi bovina (BSE) f'dawk b'riskju negliġibbli tal-BSE, riskju kkontrollat tal-BSE u riskju indeterminat tal-BSE.

(2)

L-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-importazzjoni fl-Unjoni ta' annimali ħajjin, embrijuni, ova u prodotti li joriġinaw mill-annimali. B'mod iktar speċifiku, il-Kapitolu B ta' dak l-Anness jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-importazzjonijiet tal-annimali bovini, li jqisu l-istatus tal-BSE tal-pajjiżi jew tar-reġjuni terzi. Barra minn hekk, il-Kapitolu D ta' dak l-Anness jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-forniment ta' attestazzjoni dwar ir-riskju marbut mat-TSE f'ċertifikat tas-saħħa meħtieġ għall-importazzjoni fl-Unjoni ta' ċerti prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati, inkluż, fost l-oħrajn, il-proteina pproċessata tal-annimali.

(3)

Il-Kapitolu B tal-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1396 (4), jirrikjedi li l-annimali bovini ħajjin importati fl-Unjoni ma setgħux kienu esposti għall-każijiet tal-BSE jew għall-koorti tagħhom. Jekk jitqies il-fatt li r-rotta ewlenija ta' trażmissjoni tal-BSE hija mill-għalf ikkontaminat bil-prijon tal-BSE, dak ir-rekwiżit jentieġ jiġi emendat biex jipprevedi li l-annimali bovini ħajjin importati fl-Unjoni ma jistgħux ikunu każijiet tal-BSE jew fil-koorti tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kapitolu B tal-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jiġi emendat skont dan.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 jistabbilixxi regoli dwar is-saħħa pubblika u tal-annimali għall-prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati minnhom, sabiex jiġu evitati u minimizzati r-riskji għas-saħħa pubblika u tal-animali li ġejjin minn dawn il-prodotti. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 (5) jistabbilixxi miżuri ta' implimentazzjoni għar-regoli tas-saħħa pubblika u tal-annimali dwar il-prodotti sekondarji tal-annimali u dwar il-prodotti derivati stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1069/2009, inkluż ċerti rekwiżiti għall-importazzjoni tal-prodotti sekondarji tal-annimali u tal-prodotti derivati mill-pajjiżi terzi.

(5)

L-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 jelenka ċerti definizzjonijiet li għandhom jintużaw għall-finijiet ta' dak ir-Regolament. L-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 jipprevedi li l-konsenji tal-prodotti sekondarji tal-annimali u tal-prodotti derivati għall-importazzjoni fl-Unjoni jew għat-tranżitu minnha jridu jkollhom magħhom iċ-ċertifikati u d-dikjarazzjonijiet tas-saħħa, skont il-mudelli stabbiliti fl-Anness XV tiegħu.

(6)

Il-Punt 1 tal-Artikolu 11.4.13 tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (“il-Kodiċi tal-OIE”) (6) jirrakkomanda li l-frakass tal-laħam u tal-għadam u l-qrieqeċ derivati mir-ruminanti, kif definiti fil-Kodiċi tal-OIE, u l-komoditajiet li jkun fihom dawn il-prodotti, li joriġinaw minn pajjiżi jew żoni bi status ta' riskju tal-BSE negliġibbli u li fihom kien hemm każ indiġentu ta' BSE, jistgħu jidħlu fil-kummerċ internazzjonali biss jekk il-prodotti kienu derivati minn bovini li twieldu wara d-data tal-implimentazzjoni effettiva, f'dak il-pajjiż, tal-projbizzjoni fuq l-alimentazzjoni tar-ruminanti bil-frakass tal-laħam u tal-għadam u l-qrieqeċ derivati mir-ruminanti, kif definiti fil-Kodiċi tal-OIE. Il-Punt 2 ta' dak l-Artikolu jirrakkomanda li l-frakass tal-laħam u tal-għadam u l-qrieqeċ derivati mir-ruminanti, kif definiti fil-Kodiċi tal-OIE, u l-komoditajiet li jkun fihom dawn il-prodotti, jenħtieġ li ma jidħlux fil-kummerċ internazzjonali jekk dawn ikunu joriġinaw minn pajjiżi jew żoni b'riskju ta' BSE kkontrollat jew indeterminat.

(7)

Il-Kodiċi tal-OIE jiddefinixxi l-frakass tal-laħam u tal-għadam bħala l-proteina solida miksuba meta t-tessuti tal-annimali jiġu mdewba, inkluż kwalunkwe prodott intermedjarju tal-proteini minbarra l-peptidi li jkollhom piż molekulari ta' anqas minn 10 000 daltons u l-amminoaċidi. Għalhekk, il-frakass tal-laħam u tal-għadam kif definit fil-Kodiċi tal-OIE ikopri kemm id-definizzjoni tal-frakass tal-laħam u tal-għadam stabbilita fil-punt 27 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 kif ukoll id-definizzjoni ta' proteina pproċessata tal-annimali stabbilita fil-punt 5 ta' dak l-Anness.

(8)

Skont l-Artikolu 41(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009, l-importazzjoni fl-Unjoni tal-frakass tal-laħam u tal-għadam, kif definit fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, tista' sseħħ biss jekk ikunu ġew adotatti regoli għall-implimentazzjoni li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għal din l-importazzjoni. Billi ma ġew adottati ebda regoli ta' implimentazzjoni f'dan is-sens, l-importazzjoni fl-Unjoni tal-frakass tal-laħam u tal-għadam, derivat minn materjal tal-Kategorija 1 jew tal-Kategorija 2, attwalment mhix permessa. Madankollu, l-importazzjoni fl-Unjoni tal-proteina pproċessata tal-annimali, kif definita fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, tista' sseħħ, soġġetta għall-konformità mal-kundizzjonijiet tal-importazzjoni relatati mat-TSE stabbiliti fit-Taqsima B tal-Kapitolu D tal-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, kif ukoll mal-kundizzjonijiet dwar l-importazzjoni tal-proteina pproċessata tal-annimali stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 142/2011.

(9)

Sabiex il-kundizzjonijiet marbuta mat-TSE għall-importazzjoni fl-Unjoni, stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jiġu allinjati mar-rakkomandazzjonijiet inklużi fil-Kapitolu dwar il-BSE tal-Kodiċi tal-OIE, jixraq li t-Taqsima B tal-Kapitolu D tal-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tiġi emendata b'tali mod li r-rekwiżit stabbilit f'dik it-Taqsima jqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-Artikolu 11.4.13 tal-Kodiċi tal-OIE. Madankollu, billi l-użu tal-proteina pproċessata tal-annimali derivata mir-ruminanti fil-manifattura tal-ikel għall-annimali domestiċi huwa awtorizzat fl-Unjoni, sabiex ma jkunx hemm trattament diskriminatorju fil-konfront tal-importazzjonijiet meta mqabbel mal-produzzjoni tal-Unjoni Ewropea, jenħtieġ li r-rakkomandazzjonijiet tal-Artikolu 11.4.13 tal-Kodiċi tal-OIE ma jiġux segwiti għall-importazzjoni tal-ikel għall-annimali domestiċi li jkun fih il-proteina pproċessata tal-annimali derivata mir-ruminant, dejjem jekk dan l-ikel għall-annimali domestiċi jkun ipproċessat u ttikkettat skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

(10)

Għalhekk, jentħieġ li t-Taqsima B tal-Kapitolu D tal-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tiġi emendata skont dan.

(11)

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jew deċiżjoni tal-operatur responsabbli, jistgħu jirrikjedu li l-prodotti li joriġinaw mill-annimali jiġu ddikjarati bħala prodotti sekondarji tal-annimali. Meta operatur jiddeċiedi li l-prodotti li joriġinaw mill-annimali jridu jiġu ddikjarati bħala prodotti sekondarji tal-annimali, dik id-deċiżjoni tkun irriversibbli. Dawn il-prodotti sekondarji tal-annimali jkunu esklużi mill-użu għall-konsum mill-bniedem. Ċerti prodotti sekondarji tal-annimali għandhom l-istess kodiċijiet doganali tan-Nomenklatura Magħquda (NM) bħal prodotti tal-annimali maħsubin għall-konsum mill-bniedem li huma mniżżlin fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (7). Għall-klassifikazzjoni bil-kodiċijiet doganali tan-NM, l-awtoritajiet tad-dwana fl-Istati Membri jridu jkunu jistgħu jagħmlu differenza bejn prodotti tajbin għall-konsum mill-bniedem u dawk li mhumiex tajbin għall-konsum mill-bniedem. Sabiex ma jkunx hemm konfużjoni għall-finijiet ta' din il-klassifikazzjoni, il-garanziji tas-saħħa msemmija fiċ-ċertifikati tal-importazzjoni ta' prodotti sekondarji tal-annimali mhux ipproċessati għandhom jiċċaraw li, għalkemm il-prodotti sekondarji tal-annimali joriġinaw minn prodotti tal-annimali li kienu tajbin għall-konsum mill-bniedem fi stadju preċedenti, issa huma kklassifikati u ttrattati bħala prodotti sekondarji tal-annimali li huma permanentement esklużi mill-katina alimentari. Għalhekk, jenħtieġ li l-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa stabbiliti fil-Kapitoli 3(D), 3(F) u 8 tal-Anness XV tar-Regolament (KE) Nru 142/2011 jiġu emendati skont dan.

(12)

Barra minn hekk, jenħtieġ li l-attestazzjoni tat-TSE fil-mudelli taċ-ċertifikati għall-importazzjonijiet fl-Unjoni u t-tranżitu minnha ta' ċerti prodotti sekondarji tal-annimali stabbiliti fil-Kapitoli 1, 1a, 2(A), 2(B), 3(A), 3(B), 3(C), 3(D), 3(E), 3(F), 4(B), 4(C), 4(D), 6(B), 8, 10(A), 10(B), 11, 12 u 18 tal-Anness XV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 tiġi emendata biex tqis ir-rekwiżiti tal-Kapitolu D tal-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 630/2013 (8), bir-Regolament (UE) 2016/1396 u b'dan ir-Regolament.

(13)

Il-kundizzjonijiet tal-importazzjoni għall-proteina pproċessata tal-annimali msemmija fil-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa stabbilit fil-Kapitolu 1 tal-Anness XV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 jirrikjedu li ma jkunx hemm demm tar-ruminanti fil-proteina pproċessata tal-annimali impurtata minn pajjiżi terzi. Madankollu, l-attestazzjoni l-ġdida għat-TSE stabbilita fil-punt II.7. ta' dak il-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa, kif emendat b'dan ir-Regolament, tipprevedi garanziji adegwati biex jittaffa r-riskju tat-TSE fi prodotti bħal dawn. Għaldaqstant, il-frażi “minbarra r-ruminanti” għandha titħassar mill-mudelli kollha taċ-ċertifikati tas-saħħa stabbiliti fl-Anness XV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 li għandhom jiġu emendati b'dan ir-Regolament.

(14)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Kapitoli 1, 1a, 2(A), 2(B), 3(A), 3(B), 3(C), 3(D), 3(E), 3(F), 4(B), 4(C), 4(D), 6(B), 8, 10(A), 10(B), 11, 12 u 18 tal-Anness XV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 jiġu emendati skont dan.

(15)

Barra minn hekk, il-konsenji tal-prodotti intermedji maħsuba għall-manifattura ta' prodotti farmaċewtiċi u kożmetiċi jridu jkunu akkumpanjati minn dikjarazzjoni mimlija skont il-mudell stabbilit fil-Kapitolu 20 tal-Anness XV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 meta jiġu ppreżentati f'post tal-ispezzjoni fuq il-fruntiera għall-fini tal-kontrolli veterinarji. Il-prodotti intermedji jistgħu jkunu prodotti sekondarji tal-annimali jew ikun fihom prodotti sekondarji tal-annimali. Il-mudell eżistenti tad-dikjarazzjoni jindika biss għadd limitat ta' kodiċijiet tas-SA li għandhom l-operatur irid juża biex jinnotifika prodott li l-awtoritajiet tad-dwana fl-Istati Membri. Mhuwiex possibbli li tiġi stabbilita lista eżawrjenti tal-kodiċijiet tas-SA minn qabel fil-mudell tad-dikjarazzjoni li tkun tkopri l-kombinazzjonijiet kollha ta' prodotti sekondarji tal-annimali fil-prodotti intermedji. Għaldaqstant, jixraq li l-kodiċijiet eżistenti tas-SA jiġu sostitwiti sabiex il-persuna responsabbli mill-konsenja tkun tista' tiddikjara l-prodotti intermedji lill-post tal-ispezzjoni fuq il-fruntiera b'kodiċi xieraq tas-SA skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/275/KE (9). Jenħtieġ li l-Kapitolu 20 tal-Anness XV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 jiġi emendat skont dan.

(16)

Sabiex jiġi evitat kull tfixkil tal-kummerċ, jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprovdi għal perjodu tranżizzjonali li matulu l-prodotti bażiċi kkonċernati mill-emendi li saru lir-Regolament (UE) Nru 142/2011 jenħtieġ ikomplu jiġu aċċettati għall-importazzjoni lejn l-Unjoni u għat-tranżitu minnha, dejjem jekk dawk il-prodotti jkunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 142/2011 qabel ma dawn ġew emendati b'dan ir-Regolament.

(17)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huwa emendat skont l-Anness I ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-Anness XV tar-Regolament (UE) 142/2011 huwa emendat skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Għal perjodu tranżizzjonali sat-30 ta' Settembru 2019, il-konsenji tal-prodotti sekondarji tal-annimali u tal-prodotti derivati akkumpanjati b'ċertifikat tas-saħħa debitament mimli u ffirmat skont il-mudell rilevanti taċ-ċertifikati tas-saħħa stabbiliti fil-Kapitoli 1, 1a, 2(A), 2(B), 3(A), 3(B), 3(C), 3(D), 3(E), 3(F), 4(B), 4(C), 4(D), 6(B), 8, 10(A), 10(B), 11, 12 u 18 tal-Anness XV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 fil-verżjoni tiegħu applikabbli qabel l-emendi previsti fl-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament, u, skont il-każ, b'dikjarazzjoni, li tkun ġiet debitament mimlija u ffirmata skont il-mudell tad-dikjarazzjoni stabbilit fil-Kapitolu 20 ta' dak l-Anness fil-verżjoni tiegħu applikabbli qabel l-emendi previsti mill -Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament, għandhom jibqgħu jiġu aċċettati għall-importazzjoni fl-Unjoni u għat-tranżitu minnha, dejjem jekk dawn iċ-ċertifikati jew dawn id-dikjarazzjonijiet tas-saħħa jkunu ġew debitament mimlija u ffirmati qabel il-31 ta' Lulju 2019.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Frar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.

(2)   ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/453/KE tad-29 ta' Ġunju 2007 li tistabbilixxi l-istatus tal-BSE ta' Stati Membri jew pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom skont ir-riskju tal-BSE (ĠU L 172 30.6.2007, p. 84).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1396 tat-18 ta' Awwissu 2016 li jemenda ċerti Annessi tar-Regolament Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (ĠU L 225, 19.8.2016, p. 76).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta' Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1).

(6)  http://www.oie.int/international-standard-setting/terrestrial-code/access-online/

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 630/2013 tat-28 ta' Ġunju 2013 li jemenda l-Annessi għar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 999/2001 li jistabblixxi r-regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (ĠU L 179, 29.6.2013, p. 60).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/275/KE tal-17 ta' April 2007 dwar il-listi ta' annimali u prodotti li huma soġġetti għal kontrolli fil-postijiet ta' spezzjoni fuq il-fruntieri skont id-Direttivi tal-Kunsill 91/496/KEE u 97/78/KE ĠU L 116, 4.5.2007, p. 9).


ANNESS I

L-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-Kapitolu B:

(i)

fit-Taqsima A, il-frażi introduttorja tal-punt (b) tinbidel b'dan li ġej:

“(b)

l-annimali jiġu identifikati permezz ta' sistema tal-identifikazzjoni permanenti li tgħin l-intraċċar tagħhom lura lejn l-omm u l-merħla tal-oriġini, u mhumiex l-annimali bovini li ġejjin:”

(ii)

fit-Taqsima B, il-frażi introduttorja tal-punt (b) tinbidel b'dan li ġej:

“(b)

l-annimali jiġu identifikati permezz ta' sistema tal-identifikazzjoni permanenti li tgħin l-intraċċar tagħhom lura lejn l-omm u l-merħla tal-oriġini, u mhumiex l-annimali bovini li ġejjin:”

(iii)

fit-Taqsima C, il-frażi introduttorja tal-punt (c) tinbidel b'dan li ġej:

“(c)

l-annimali jiġu identifikati permezz ta' sistema tal-identifikazzjoni permanenti li tgħin l-intraċċar tagħhom lura lejn l-omm u l-merħla tal-oriġini, u mhumiex l-annimali bovini li ġejjin:”

(2)

Fil-Kapitolu D, it-Taqsima B tinbidel b'dan li ġej:

“TAQSIMA B

Rekwiżiti taċ-ċertifikat tas-saħħa

1.

L-importazzjonijiet tal-prodotti sekondarji tal-annimali u tal-prodotti derivati ta' oriġini bovina, ovina u kaprina li jissemmew fit-Taqsima A għandhom ikunu soġġetti għall-preżentazzjoni ta' ċertifikat tas-saħħa li jkun tħejja bl-attestazzjoni li ġejja:

(a)

il-prodott sekondarju tal-annimali jew il-prodott derivat:

(i)

ma fihx u mhux derivat minn materjal ta' riskju speċifikat kif definit fil-punt 1 tal-Anness V ta' dan ir-Regolament; u

(ii)

ma fihx u mhuwiex idderivat minn laħam separat mekkanikament miskub minn għadam tal-annimali bovini, ovini jew kaprini, ħlief jekk l-animali, li minnhom huma dderivati l-prodotti sekondarji tal-annimali jew il-prodotti derivati, twieldu, dejjem trabbew u tbiċċru f'pajjiż jew f'reġjun ikklassifikat b'konformità mad-Deċiżjoni 2007/453/KE bħala pajjiż jew reġjun li għandu riskju negliġibbli tal-BSE, li fih ma kienx hemm każijiet indiġeni tal-BSE; u

(iii)

huwa derivat minn annimali li ma nqatlux, wara l-isturdament, permezz tal-laċerazzjoni tat-tessut nervuż ċentrali permezz ta' strument fil-forma ta' virga allongata introdott fil-kavità kranjali, jew permezz ta' gass injettat fil-kavità kranjali, ħlief l-annimali li twieldu, dejjem trabbew u tbiċċru f'pajjiż jew f'reġjun ikklassifikat li għandu riskju negliġibbli tal-BSE b'konformità mad-Deċiżjoni 2007/453/KE;

jew

(b)

il-prodott sekondarju tal-annimali jew il-prodott derivat ma fihx jew mhux derivat minn materjali bovini, ovini u kaprini minbarra dawk derivati minn annimali li twieldu, dejjem trabbew u tbiċċru f'pajjiż jew f'reġjun klassifikat li għandu riskju negliġibbli tal-BSE b'konformità mad-Deċiżjoni 2007/453/KE.

2.

Flimkien mar-rekwiżiti tal-punt 1 ta' din it-Taqsima, l-importazzjonijiet tal-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati msemmija fil-punti (d) u (f) tat-Taqsima A għandhom ikunu soġġetti għall-preżentazzjoni ta' ċertifikat tas-saħħa li jkun tħejja bl-attestazzjoni li ġejja:

(a)

il-prodott sekondarju tal-annimali jew il-prodott derivat joriġina minn pajjiż jew reġjun ikklassifikat li għandu riskju negliġibbli tal-BSE b'konformità mad-Deċiżjoni 2007/453/KE, u fejn ma kien hemm l-ebda każ indiġenu tal-BSE;

jew

(b)

il-prodott sekondarju tal-annimali jew il-prodott derivat joriġina minn pajjiż jew reġjun ikklassifikat li għandu riskju negliġibbli tal-BSE f'konformità mad-Deċiżjoni 2007/453/KE, fejn kien hemm każ indiġenu ta' ESB, u l-prodott sekondarju tal-annimali jew il-prodott derivat inkiseb minn annimali li twieldu wara d-data minn meta bdiet tiġi effettivament infurzata l-projbizzjoni fuq it-tmigħ tar-ruminanti bil-frakass tal-laħam u tal-għadam u bi qrieqeċ li ġejjin mir-ruminanti, kif definit fil-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri OIE, f'dak il-pajjiż jew f'dak ir-reġjun.

B'deroga mill-paragrafu ta' qabel, l-attestazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b) ma għandhiex tkun meħtieġa għall-importazzjoni tal-ikel ipproċessat għall-annimali domestiċi, li jkun ippakkjat u ttikkettjat b'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

3.

Minbarra r-rekwiżiti tal-punti (1) u (2) ta' din it-Taqsima, l-importazzjonijiet tal-prodotti sekondarji tal-annimali u tal-prodotti derivati msemmija fit-Taqsima A, li fihom il-ħalib jew il-prodotti tal-ħalib ta' oriġini ovina jew kaprina u li huma maħsuba għall-għalf, għandhom jiġu soġġetti għall-preżentazzjoni ta' ċertifikat tas-saħħa li jkun tħejja bl-attestazzjoni li ġejja:

(a)

l-annimali ovini u kaprini li minnhom ġew derivati dawk il-prodotti sekondarji tal-annimali jew dawk il-prodotti derivati nżammu dejjem minn twelidhom f'pajjiż fejn huma ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

l-iscrapie klassika hija notifikabbli b'mod obbligatorju;

(ii)

hemm fis-seħħ sistema ta' sensibilizzazzjoni, sorveljanza u monitoraġġ;

(iii)

fil-każ ta' suspett tat-TSE jew konferma tal-iscrapie klassika japplikaw ir-restrizzjonijiet uffiċjali għall-azjendi agrikoli tal-annimali ovini jew kaprini;

(iv)

l-annimali ovini u kaprini affettwati mill-iscrapie klassika jinqatlu u l-katavri jinqerdu kompletament;

(v)

it-tmigħ tal-annimali ovini u kaprini bil-frakass tal-laħam u tal-għadam u bil-qrieqeċ derivati mir-ruminanti, kif definit fil-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri OIE, ġie pprojbit u infurzat effettivament fil-pajjiż kollu għal perjodu ta' mill-inqas is-seba' snin ta' qabel;

(b)

il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib tal-annimali ovini jew kaprini joriġinaw minn azjendi agrikoli fejn mhumiex imposti restrizzjonijiet uffiċjali minħabba suspett tat-TSE;

(c)

il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib tal-annimali ovini jew kaprini joriġinaw minn azjendi agrikoli fejn ma kienx hemm dijanjożi tal-iscrapie klassika matul perjodu ta' mill-inqas is-seba' snin ta' qabel jew, wara l-konferma ta' każ tal-iscrapie klassika:

(i)

l-annimali ovini u kaprini kollha fl-azjenda agrikola nqatlu u nqerdu jew tbiċċru, ħlief l-imtaten tat-tgħammir tal-ġenotip ARR/ARR, in-nagħaġ tat-tgħammir li jkollhom mill-inqas allel ARR wieħed u ebda allel VRQ, u annimali ovini oħrajn li jkollhom mill-inqas allel ARR wieħed;

jew

(ii)

l-annimali kollha li fihom ġiet ikkonfermata l-iscrapie klassika nqatlu u l-katavri tagħhom inqerdu, u l-azjenda agrikola ilha soġġetta għal mill-inqas sentejn mid-data tal-konferma tal-aħħar każ tal-iscrapie klassika, għal monitoraġġ intensifikat għat-TSE, inkluż bl-ittestjar għall-preżenza tat-TSE fl-annimali kollha li ġejjin li għandhom iktar minn 18-il xahar, ħlief l-annimali ovini tal-ġenotip ARR/ARR, skont il-metodi tal-laboratorju stipulati fil-punti 3.2 tal-Kapitolu C tal-Anness X,li ta riżultati negattivi:

l-annimali li tbiċċru għall-konsum mill-bniedem; u

l-annimali li mietu jew inqatlu fl-azjenda agrikola iżda li ma nqatlux fil-qafas ta' kampanja ta' eradikazzjoni tal-mard.”


ANNESS II

L-Anness XV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-Kapitoli 1 sa 3(F) għandhom jinbidlu b'dawn li ġejjin:

“KAPITOLU 1

Ċertifikat tas-saħħa

Għall-proteina pproċessata tal-annimali, minbarra dik derivata mill-insetti mrobbija, mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem, inklużi t-taħlitiet u l-prodotti, minbarra l-ikel għall-annimali domestiċi li jkun fih din il-proteina, biex tintbagħat lejn l-Unjoni Ewropea jew għal tranżitu minnha (2)

Image 1
Test ta 'immaġni
Image 2
Test ta 'immaġni
Image 3
Test ta 'immaġni
Image 4
Test ta 'immaġni
Image 5
Test ta 'immaġni
Image 6
Test ta 'immaġni
Image 7
Test ta 'immaġni

KAPITOLU 1 a

Ċertifikat tas-saħħa

Għall-proteina pproċessata tal-annimali derivata mill-insetti mrobbija mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem, inklużi t-taħlitiet u l-prodotti minbarra l-ikel għall-annimali domestiċi li jkun fih din il-proteina, biex tintbagħat lejn l-Unjoni Ewropea jew għat-tranżitu minnha (2)

Image 8
Test ta 'immaġni
Image 9
Test ta 'immaġni
Image 10
Test ta 'immaġni
Image 11
Test ta 'immaġni