27.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 56/6


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/307

tas-26 ta' Frar 2015

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva triklopir

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari t-tieni alternattiva tal-Artikolu 21(3) u l-Artikolu 78(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/74/KE (2) inkludiet it-triklopir bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (3), bil-kundizzjoni li l-Istati Membri kkonċernati jiżguraw li n-notifikatur, li fuq talba tiegħu ġie inkluż it-triklopir f'dak l-Anness, jipprovdi aktar informazzjoni konfirmatorja dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-esponiment akut u fuq medda twila ta' żmien għall-għasafar u l-mammiferi u r-riskju għall-organiżmi akkwatiċi mill-esponiment għall-metabolit 6-kloro-2-piridinol.

(2)

Is-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE jitqiesu approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u jinsabu elenkati fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (4).

(3)

In-notifikatur ressaq informazzjoni addizzjonali bil-għan li tiġi kkonfermata l-valutazzjoni tar-riskju għall-għasafar u l-mammiferi u l-organiżmi akkwatiċi lill-Irlanda, l-Istat Membru relatur, fil-perjodu ta' żmien previst li titressaq.

(4)

L-Irlanda vvalutat l-informazzjoni addizzjonali mressqa min-notifikatur. L-Irlanda ppreżentat il-valutazzjoni tagħha fil-forma ta' addendum għall-abbozz tar-rapport tal-valutazzjoni, lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, minn hawn 'il quddiem “l-Awtorità”, fil-25 ta' Jannar 2011 u fit-22 ta' Novembru 2013.

(5)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li mill-informazzjoni addizzjonali pprovduta min-notifikatur irriżulta li, sakemm ma jiġux imposti aktar restrizzjonijiet, ma setax jiġi eskluż riskju inaċċettabbli għall-għasafar u l-mammiferi.

(6)

Il-Kummissjoni stiednet lin-notifikatur biex jippreżenta l-kummenti tiegħu dwar ir-rapport tar-reviżjoni għat-triklopir.

(7)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-informazzjoni ulterjuri ta' konferma li kienet meħtieġa, ma ġietx ipprovduta kompletament u li ma setax jiġi eskluż ir-riskju inaċċettabbli għall-għasafar u l-mammiferi ħlief billi jiġu imposti aktar restrizzjonijiet.

(8)

Ġie kkonfermat li s-sustanza attiva triklopir għandha titqies bħala approvata skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Madankollu, biex l-esponiment tal-għasafar u tal-mammiferi jiġi minimizzat, huwa xieraq li jiġu emendati l-kundizzjonijiet tal-użu ta' din is-sustanza attiva, b'mod partikolari billi l-użu tagħha jiġi ristrett.

(9)

Għalhekk, l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 għandu jiġi emendat kif xieraq.

(10)

L-Istati Membri għandhom jingħataw iż-żmien biex jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom it-triklopir.

(11)

Dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom it-triklopir, meta l-Istati Membri jagħtu xi perjodu ta' grazzja skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, dan il-perjodu għandu jiskadi mhux aktar tard minn tmintax-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(12)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 540/2011

Il-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 hija emendata skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Miżuri tranżizzjonali

F'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, u fejn ikun meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet eżistenti għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom it-triklopir bħala sustanza attiva sad-19 ta' Settembru 2015.

Artikolu 3

Perjodu ta' grazzja

Kull perjodu ta' grazzja mogħti mill-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandu jkun qasir kemm jista' jkun u għandu jiskadi sa mhux aktar tard mid-19 ta' Settembru 2016.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Frar 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/74/KE tal-21 ta' Awwissu 2006 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE għall-inklużjoni tad-dichlorprop-P, il-metconazole, il-pyrimethanil u t-triclopyril bħala sustanzi attivi (ĠU L 235, 30.8.2006, p. 17).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).


ANNESS

Il-kolonna “Dispożizzjonijiet speċifiċi” tar-ringiela 136, triklopir, tal-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 tinbidel b'dan li ġej:

“PARTI A

Jistgħu jiġu awtorizzati biss użi bħala erbiċida. Jiġu awtorizzati biss użi b'total ta' applikazzjoni annwali ta' massimu ta' 480 g ta' sustanza attiva għal kull ettaru.

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta' reviżjoni dwar it-triklopir, u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif ġew iffinalizzati fil-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf fit-12 ta' Diċembru 2014.

F'din il-valutazzjoni ġenerali, l-Istati Membri għandhom:

jagħtu attenzjoni partikolari għall-ħarsien tal-ilma tal-pjan li jinsab f'kundizzjonijiet vulnerabbli. Il-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni għandhom jinkludu miżuri li jnaqqsu r-riskju u programmi ta' monitoraġġ għandhom jitniedu fiż-żoni li huma vulnerabbli fejn dan huwa xieraq;

jagħtu attenzjoni partikolari għas-sikurezza tal-operturi u jiżguraw li l-kundizzjonijiet ta' użu jippreskrivu l-applikazzjoni ta' tagħmir xieraq għall-protezzjoni personali;

jagħtu attenzjoni partikolari għall-ħarsien ta' għasafar, mammiferi, organiżmi akkwatiċi u pjanti li mhumiex fil-mira. Fejn xieraq, il-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni għandhom jinkludu miżuri li jnaqqsu r-riskju.”