16.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 156/38


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 510/2012

tal-15 ta’ Ġunju 2012

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1238/95 fir-rigward tat-tariffa għall-applikazzjoni pagabbli lill-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta’ Lulju 1994 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Kunsill Amministrattiv tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1238/95 tal-31 ta’ Mejju 1995 li jistabbilixxi r-regoli tal-implimentazzjoni sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 rigward it-tariffi pagabbli lill-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (2), jistabbilixxi t-tariffi li jridu jitħallsu lill-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (“l-Uffiċċju”), u l-livelli ta’ dawk il-piżijiet.

(2)

Ir-riżerva tal-Uffiċċju qabżet il-livell meħtieġ biex jinżamm baġit bilanċjat u biex jissalvagwardja l-kontinwità tal-operazzjonijiet tiegħu. Għal din ir-raġuni, it-tariffa għall-applikazzjoni għandha titnaqqas.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 1238/95 għalhekk għandu jiġi emendat skont dan.

(4)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar id-Drittijiet Komunitarji għal Varjetajiet ta’ Pjanti.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1238/95, il-paragrafu 1 huwa mibdul b'dan li ġej:

“1.   L-applikant għal dritt Komunitarji għal varjetà ta’ pjanta (l-applikant) għandu jħallas tariffa għall-applikazzjoni ta’ EUR 650 għall-ipproċessar tal-applikazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 113(2)(a) tar-Regolament Bażiku.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 227, 1.9.1994, p. 1.

(2)  ĠU L 121, 1.6.1995, p. 31.