L-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej huwa l-istamperija ta’ l-istituzzjonijiet, ta’ l-aġenziji u l-organi oħra kollha ta’ l-Unjoni Ewropea. Dan l-Uffiċċju huwa responsabbli mill-produzzjoni tal-pubblikazzjonijiet kollha ta’ l-Unjoni Ewropea (dawk stampati fuq il-karta, kotba elettroniċi, CD-ROM u siti fuq l-internet kif ukoll aċċess għal databases) u mit-tqassim tagħhom permezz tan-network ta’ l-aġenti tal-bejgħ u tan-networks ta’ l-informazzjoni ta’ l-UE. L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, għaldaqstant, jista’ jirrispondi l-mistoqsijiet kollha tiegħek dwar il-prodotti informattivi.
L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet ma jistax jirrispondi mistoqsijiet dwar l-attivitajiet ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea, fosthom, il-politika tagħha jew dwar programmi ta’ għajnuna jew azzjoni. Jekk ikollok xi mistoqsijiet dwar dawn l-aspetti jkun aħjar li tikkonsulta l-website tal-Kummissjoni Ewropea EUROPA. Tista’ wkoll tikkuntattja r-rappreżentanza jew id-delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u/jew l-Uffiċċju ta’ l-Informazzjoni tal-Parlament Ewropew li hu l-eqreb tiegħek.
Il-Kummissjoni Ewropea ħolqot ukoll servizz għall-pubbliku EUROPE DIRECT biex jirrispondi l-mistoqsijiet tiegħek kemm jista’ jkun malajr jew inkella biex iwassal it-talba tiegħek lid-dipartiment ikkonċernat.
Jekk il-mistoqsija tiegħek tikkonċerna l-attivitajiet ta’ l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, jekk jogħġbok, ara l-lista tal-mistoqsijiet hawn taħt, fejn tista’ ssib tweġiba għall-mistoqsija tiegħek.
Biex issib pubblikazzjoni jkollok bżonn it-titlu eżatt u/jew in-numru ta’ l-ikkatalogizzar jew ta’ l-ISBN. Il-katalogu online jista’ jgħinek issib din l-informazzjoni u tidentifika jekk il-pubblikazzjoni hijiex bil-ħlas jew le.
Pubblikazzjonijiet bi ħlas jistgħu jinkisbu permezz tan-network tagħna ta’ l- aġenti tal-bejgħ.
Tista’ wkoll takkwista bla ħlas kopji ta’ l-aktar pubblikazzjonijiet riċenti (kemm-il darba jkun għad fadal kopji żejda tagħhom) kif ukoll aktar informazzjoni fuq il-politika u l-attivitajiet ta’ l-UE minn:
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU) huwa l-uniku perjodiku li jiġi ppubblikat fil-ġranet kollha ta’ xogħol fil-23-il lingwa uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (UE). Huwa jikkonsisti f’żewġ serje relatati (L għal-leġislazzjoni u K għall-komunikazzjoni ta’ informazzjoni u avviżi) u suppliment (S sejħiet għal offerti pubbliċi). Hemm ukoll taqsima elettronika tas-serje K, magħrufa bħala l-ĠU K E. Id-dokumenti ppubblikati fil-ĠUK E huma ppubblikati fil-verżjoni elettronika biss.
Il-ĠU L u K huma aċċessibbli fuq il-karta, fuq CD-ROM u online. L-edizzjoni fuq il-karta u fuq is-CD-ROM jistgħu jinkisbu permezz ta’ abbonamenti annwali u jistgħu jiġu ordnati permezz tan-network tal-bejgħ ta’ l-Uffiċċju. L-edizzjoni online tista’ tkun akkwistata bla ħlas permezz tas-servizz ta’ l-internet EUR-Lex.
Il-ĠU S huwa aċċessibbli fuq CD-ROM u online. L-edizzjoni fuq CD-ROM tista’ tinkiseb permezz ta’ abbonament annwali bi ħlas u tista’ tkun ordnata permezz tan-network tal-bejgħ ta’ l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet. L-edizzjoni online tista’ tinkiseb bla ħlas, permezz tas-servizz ta’ l-internet TED.
Id-dokumenti COM isiru mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest tal-proċedura leġislattiva u tal-proċess ta’ l-ifformular tad-deċiżjonijiet. Huma jitqassmu f’żewġ kategoriji: Leġislazzjoni li għadha qed tkun ippreparata u dokumenti ta’ interess pubbliku. Dawn iż-żewġ kategoriji huma normalment disponibbli online, bla ħlas, fil-formati PDF u HTML f’EUR-Lex. Atti leġislattivi preparatorji oħra huma wkoll aċċessibbli fl-istess indirizz ta’ l-internet.
L-aġenti ta’ l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet li jieħdu ħsieb id-distribuzzjoni tad-dokumenti jistgħu jsibu u jfornu bi ħlas, dokumenti COM jekk jintalbu jagħmlu dan.
Sejħiet għal offerti għal xogħlijiet pubbliċi, servizzi u kuntratti ta’ forniment iridu jkunu ppubblikati fl-Unjoni Ewropea kollha. Dan huwa konformi mad-direttivi ta’ l-UE u ma’ l-akkordji internazzjonali.
Jekk trid tippubblika sejħa għal xi offerta, jekk jogħġbok innota dan li ġej:
Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/78/KE tat-13 ta’ Settembru 2001, ippubblikata fil-ĠU L 285 tad-29.10.2001 u mmodifikata fil-ĠU L 214 tad-9.8.2002 tagħmilha obbligatorja li mill-1 ta’ Mejju 2002 wieħed għandu juża formoli standard għall-pubblikazzjoni ta’ avviżi ta’ kuntratti fis-Suppliment għall-Ġurnal Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Il-formoli li għandhom jintużaw jistgħu jinkisbu mill-website SIMAP.
Meta s-sejħa tiġi ppubblikata, edizzjoni tas-CD-ROM tas-Suppliment tal-ĠU tintbagħat lill-awtorità kkonċernata.
Is-sejħiet kollha ppubblikati fl-aħħar ħames snin jistgħu jkunu kkonsultati bl-Ingliż, mingħajr ħlas, fuq is-servizz online TED.
Għal dak kollu li għandu x’jaqsam mal-copyright, inkluż talbiet għal permessi biex tirripproduċi materjal ta’ l-UE, jekk jogħġbok, ikkuntattja t-Taqsima tal-Liċenzji u l-Copyright ta’ l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjoni billi tuża l-indirizz ta’ l-email t’hawn taħt. Meta titlob għall-permess, jekk jogħġbok, indika t-titlu tal-pubblikazzjoni ta’ l-UE, in-numru ta’ l-ikkatalogizzar jew ta’ l-ISBN u l-paġni rispettivi u/jew il-parti tal-paġna.
Jekk trid informazzjoni ġenerali dwar ir-reklutaġġ ma’ l-istituzzjonijiet u l-aġenziji ta’ l-Unjoni Ewropea, jekk jogħġbok, ara s-siti relattivi tagħhom, li tista’ taċċessahom mis-server EUROPA.
It-test sħiħ dwar il-konkorsi tar-reklutaġġ huwa ppubblikat fis-serje ĠU KA li hija s-serje tal-ĠU ddedikata għall-kompetizzjonijiet. Biex tapplika ħalli tipparteċipa f’xi konkors, trid timla l-formola ta’ l-applikazzjoni li tkun stampata fl-edizzjoni stampata tal-Ġurnal, li tista’ tinkiseb bla ħlas mingħand l-eqreb rappreżentant tiegħek.
Tista’ wkoll tabbona fis-serje KA tal-Ġurnal Uffiċjali f’ilsien partikolari permezz ta’ xi wieħed mill- aġenti tal-bejgħ ta’ l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjoni.
F’każ li tinnota xi link difettuż, aħna nkunu tassew grati jekk inti tikkuntattja l-webmaster ta’ l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet. Jekk jogħġbok, ikkopja l-messaġġ li juri li hemm xi ħaġa ħażina u indika l-indirizz tal-URL fl-e-mail tiegħek.
E-mail: opoce-webmaster-diffus@publications.europa.eu
Jekk il-mistoqsija tiegħek hija dwar l-attivitajiet jew il-prodotti ta’ l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet u ma tistax issib tweġiba għaliha fil-lista tal-mistoqsijiet t’hawn fuq, jekk jogħġbok, iktbilna. Tinsiex tikteb ismek sħiħ u l-indirizz tiegħek, il-mistoqsija li għandek u f’liema lingwa ta’ l-UE tixtieqna nirrisponduk.
E-mail: info@publications.europa.eu