Riċerka u innovazzjoni Ewropej
X’inhu CORDIS?
CORDIS huwa s-Servizz Komunitarju ta’ Informazzjoni dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp.
Huwa portal interattiv ta’ informazzjoni disponibbli fuq http://cordis.europa.eu/ li jappoġġa l-kooperazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni Ewropej.
L-għanijiet ta’ CORDIS huma li:
- jiffaċilita l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ riċerka Ewropea;
- jippubblika r-riżultati ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE;
- jippromwovi l-propagazzjoni tal-għerf sabiex jirrinforza l-kapaċità innovattiva tal-intrapriżi;
- jikkontribwixxi biex iċ-ċittadini u x-xjenza joqorbu aktar lejn xulxin.
Il-websajt ta’ CORDIS attwalment disponibbli b’sitt lingwi, tiġi kkonsultata ta’ spiss u ilha ssir referenza għaliha fil-web mill-1994.
Bħala d-depożitorju komuni għal proġetti u riżultati ffinanzjati mill-UE għal aktar minn 20 sena, CORDIS jippubblika l-kunsinni formali miġbura mill-Kummissjoni Ewropea u jipprovdi modi għal kontribuzzjonijiet b’valur miżjud mill-komunità tar-riċerka.
L-attivitajiet ta’ appoġġ jinkludu kitba mill-ġdid u traduzzjoni tar-riżultati mhux analizzati kemm għal udjenzi usa’, is-servizzi tal-aħbarijiet u tal-avvenimenti, il-klassifikazzjoni u l-użabilità mill-ġdid tal-kontenut, il-pubblikazzjonijiet stampati, kif ukoll għall-pubblikazzjoni fil-web, għodod kollaborattivi u ta’ netwerking.
CORDIS jaħdem mill-qrib mas-servizzi kollha involuti fl-eżekuzzjoni tal-programmi ta’ riċerka ffinanzjati mill-UE u huwa ffinanzjat taħt il-Programm ta’ Kooperazzjoni tas-Seba’ Programm Kwadru (FP7).
CORDIS jitmexxa mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.
Servizzi prinċipali
L-inkarigi prinċipali ta’ CORDIS jitwettqu permezz ta’ dawn is-servizzi:
- Ibbrawżjar u tiftix: tal-proġetti kollha ta’ riċerka ffinanzjati mill-UE, ir-riżultati u r-rapporti, il-vetrini multilingwi u l-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali.
- Aħbarijiet u avvenimenti: disponibbli ta’ kuljum b’sitt lingwi mill-Kummissjoni Ewropea jew ikkontribwiti mill-komunità tar-riċerka permezz tas-servizz CORDIS Wire.
- Servizzi mill-imsieħba: pjattaforma interattiva fejn tista’ tippromwovi l-organizzazzjoni u l-kompetenza esperta tiegħek, issib sħab għan-negozju jew għar-riċerka, toħloq gruppi u tissieħeb f’netwerks, b’faċilitajiet għat-tiftix u l-iffiltrar biex issib il-kollaboraturi li joqorbu l-aktar lejn ħtiġijietek.
- Magażin Research*eu Results: biex jaġġornak dwar l-aktar riżultati reċenti li jistgħu jiġu sfruttati, b’edizzjonijiet regolari ta’ Research*eu Focus dwar temi ta’ interess.
- Nazzjonali u reġjonali: mezz għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati.
- Servizzi tal-utent: notifiki b’email, aġġornamenti permezz ta’ RSS feeds, forums, faċilitajiet għal użu mill-ġdid, servizz ta’ għajnuna, korsijiet ta’ taħriġ.
- Pjattaforma għall-pubblikazzjoni fil-web: għal programmi speċifiċi, attivitajiet ta’ riċerka tal-UE u applikazzjonijiet ospitati.
- Ir-rekord trasparenti tal-finanzjament tar-riċerka tal-UE: programmi, servizzi fil-web, sejħiet għal proposti, librerija ta’ dokumenti u referenzi ta’ pubblikazzjonijiet b’dati li jmorru lura għall-1990.