ISSN 1831-5380
Avviż legali | Mappa tas-sit | FAQ | Kuntatt | Ipprintja l-paġna

Anness B Kliem magħqud jew mifrud

Hawnhekk għandek żewġ listi ta’ kliem li jistgħu jkunu ta’ għajnuna fix-xogħol linwgistiku tiegħek fl-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Dawn kienu ppubblikati bħala appendiċi tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti dwar il-Varjanti Orotografiċi. Id-dokument sħiħ tista’ ssibu fuq http://doi.gov.mt/EN/gazetteonline/2008/07/gazts/GG%2025.7.pdf.

Kliem li jinkiteb magħqud

Il-kliem li ġej għandu jinkiteb magħqud meta jkollu tifsira waħda, kif għandu fl-eżempju.

afli

Afli wiċċek tost wisq, biex qed terġa’ titlobni dak li ma ħaqqekx!

akkrettu

L-ewwel elfejn ewro li qalgħu poġġewhom il-bank akkrettu tiegħek.

allaħares

Imma allaħares ma jaslux il-passaporti … Kif nistgħu nsiefru mingħajrhom?

apposta (+ t’apposta, tal-apposta, għal t’apposta, għal tal-apposta)

Din mhix kumbinazzjoni; din għamilhieli apposta biex jinkini.
Xtrajna żebgħa apposta li l-ħażiż ma jaqbadx magħha.
Waqt il-logħba xejjirlu daqqa ta’ sieq t’apposta.
Jissejjaħ delitt doluż meta r-reat ikun twettaq għal t’apposta u b’malizzja.
Kienet kumbinazzjoni; ma ngħidx li kixfuh għal tal-apposta.

awlillejl, ewlillejl

Kristu talab awlillejl qabel ma bata.

beħsiebni, beħsiebi, biħsiebni, biħsiebi

Jgħidu x’jgħidu, biħsiebi mmur illum stess.
Fil-btajjel tas-sajf beħsiebhom jerħulha lejn l-Alaska.

bħalissa

Bħalissa ma nistax niftakar x’jismu z-ziju tal-mara.

bħallikieku, bħalkieku

Bħallikieku jekk jogħla ż-żejt mhux kulħadd se jlaqqatha!
Oqgħod attent minnha, għax taf tiksrek bħalkieku xejn.

bħalma

Bħalma lkoll tafu, wasalna biex intemmu ħidmitna.

bilfors (+ ta’ bilfors)

Bilfors li ma ftehemniex.
Dan dmirek u trid tagħmlu ta’ bilfors.

bilġri (tfisser “dlonk”; ara wkoll f’Appendiċi B: bil-ġiri)

Malli lemaħni telaqhom u ġie bilġri ħdejja.

bilħaqq

Bilħaqq, għax kont sa ninsa, inti taf li llejla għandna laqgħa, hux?

bilkemm

Bilkemm laħaq daħal li ma bediex jargumenta.

billejl

Ħafna mis-serq isir billejl biex id-dalma tostor kollox.

bilqiegħda

Mhux rispett li meta jidħol is-surmast fil-kamra tibqa’ bilqiegħda.

bilwieqfa

Meta jindaqq l-Innu Malti nqumu bilwieqfa.

binhar

Nippreferi naħdem billejl milli binhar.

biżżejjed

Issa biżżejjed għax ħadtli rasi!

dalgħodu

Qed nipprova nispiċċa xogħli dalgħodu, imma fil-każ inkompli llejla.

dalwaqt (ġieli mqassra: daqt)

Stennieni ftit; dalwaqt/daqt inkun miegħek.

dakinhar

Mela nsejt x’kont għedtlek dakinhar?

daparti

Daparti tiegħi, qatt ma nqastu f’xejn, imma ħaddieħor ma nafx.

daqshekk (+ għal daqshekk, minn daqshekk)

Mhuwiex daqshekk importanti li timla din il-formola.
Għal daqshekk għamilt qorti?
Minn daqshekk, ma nistax ingerger minnha.

daqskemm

Qed inħossni stordut daqskemm għandi ġuħ!
Dalwaqt ninstabat mal-art daqskemm qed inħossni għajjien.

daqskieku, daqslikieku

Il-ġolf refa’ l-karettun b’id waħda, daqslikieku kien banketta.

daqstant

Ma kienx hemm daqstant nies fit-teatru.
Issa la ħabrikna daqstant, se naqtgħu qalbna fl-aħħar?

daqsxejn (+ għal daqsxejn)

Rajt daqsxejn ta’ tifel jibki.
Ħbieb, daqsxejn oħra u naslu.
Tfixkel fit-tapit u għal daqsxejn ma ħadhiex għal wiċċu.

dawramejt

Hu u ġej bil-ġirja, żelaq, dar dawramejt u spiċċa wiċċu ġol-ħajt.

dażgur

Dażgur li għandha l-garanzija dil-magna tal-ħasil.

filgħaxija, flgħaxija

Filgħaxija taqa’ s-sirda.
Kull flgħaxija ommi tħobb tmur timxi mixja minn Selmun sal-Mellieħa.

filgħodu

Naħdem billejl, u filgħodu nsibha bi tqila biex inqum mis-sodda.

filwaqt

Toni jħobb l-isfar, filwaqt li ħuh iħobb l-aħmar.

ġaladarba

Ġaladarba qed toġġezzjona, ikollna nwaqqfu l-proġett.

ġieli

Tal-gass ġieli jiġi fid-disgħa ta’ filgħodu, u ġieli fil-ħdax.

għaldaqstant

Għaldaqstant qed niktbulek biex nitolbuk appuntament.

għalfejn

Għalfejn qed tkellimni hekk?

għalhekk

Għandi l-karozza bil-ħsara, għalhekk ix-xogħol qed immur b’tal-linja.

għalissa

Għalissa ma nistax immur narah.

għalkemm

Għalkemm tilef ħafna lezzjonijiet, xorta għadda mill-eżami.

għalkollox

Issa qtajt qalbi għalkollox.
Begħna d-dar tal-Mosta u ġejna noqogħdu Wied il-Għajn għalkollox.

għalxejn

Jgħidu li l-qasba ma ċċaqċaqx għalxejn.

għarukaża, għarkaża

X’għarukaża! Ara ftit fejn mar jixħetha l-borża taż-żibel!

hawnhekk

Ersaq ’l hawn u poġġi hawnhekk.
Hawnhekk iltqajna ma’ għawġ ieħor.

hemmhekk

L-imħallef widdbu biex ma jersaqx ’l hemmhekk.

infatti

Sewwa qed tgħid, infatti jien dan għaddejt minnu.

inġenerali

Wara żmien twil tinħema fil-privat, id-deċiżjoni tħabbret lill-pubbliku inġenerali.

inkonsiderazzjoni

Meta niġi biex niġġudika, dawn il-fatturi serji jkolli noħodhom inkonsiderazzjoni.

inkwantu

Inkwantu għalina tinkwetax, għax aħna nafu nfendu għal rasna.

inkwistjoni

Kellna ħafna każi ta’ korruzzjoni, imma l-każ inkwistjoni huwa l-agħar wieħed sa issa.

insè

L-ikla insè ma kienet tgħid xejn, imma xorta ħadna pjaċir bil-kumpannija.

intant

Suppost ġew jgħinuna kmieni. Intant, ħalli nkomplu bix-xogħol.

jalla

Nixtiqilkom kull ġid; jalla jkollkom ħajja hienja flimkien.

kemxejn

Din kwistjoni kemxejn delikata.
Dan l-artiklu kemxejn itwal minn tal-bieraħ.

kulħadd

Kulħadd iħobb ftit tal-mistrieħ wara ġurnata xogħol.

kuljum

Imur jara lil ommu kuljum.
Din it-triq ngħaddi minnha kuljum għax-xogħol.

kullimkien

Fittixtu kullimkien, u ma sibtu mkien.

kulma

Mhux kulma jleqq deheb.

kultant, xi kultant

Jien hawn kuntent, imma kultant tiġini x-xewqa tas-safar.
Xi kultant jagħtini li mmur inkellmu.

ladarba

Ladarba noħroġ mill-ħabs, se nibdel ħajti.

lakemm

Mhux lakemm tgħidlu li għandu żball.

lanqas (iżda: għall-anqas, mill-anqas, tal-anqas)

Jien la rrid din u lanqas l-oħra.
Lanqas ħaqq li tajtni qatgħa bħal din.
Għall-anqas ma kissrulix il-fanali tal-karozza wkoll!
Mindu widdibtu, lili qed ifittixni mill-anqas.
Dan l-eżerċiizzju trid tagħmlu mill-anqas erba’ jew ħames darbiet kuljum.
Tal-anqas ma qabadx miegħi l-prinċipal ukoll!
Infaqna ħafna flus imma tal-anqas ir-riżultati issa jidhru.

(i)lbieraħ (iżda: bħall-bieraħ, mill-bieraħ, tal-bieraħ, eċċ.)

Ilbieraħ ġrat diżgrazzja li se nibqgħu niftakruha.
Bħall-bieraħ ġimgħa għamlet dik il-maltempata kbira.
Dan kif mill-bieraħ sal-lum dawwart il-ħsieb?
Il-ftehim tal-bieraħ kien pass importanti lejn il-liberalizzazzjoni tal-midja.

(i)lbiraħtlula (iżda: għall-biraħtlula, mill-biraħtlula, sal-biraħtlula, eċċ.)

Ilbieraħ kien il-Ħadd u lbiraħtlula s-Sibt.
Mill-biraħtlula għaddew jumejn u għadek ma qdejtnix.
Sal-biraħtlula konna rċevejna aktar minn mitt applikazzjoni.

(i)llaħwa, xi llaħwa

Illaħwa, x’ħuta qbadt!
Xi llaħwa qed tgħid illum?

(i)llejla (iżda: sal-lejla, tal-lejla, mil-lejla, eċċ.)

Illejla niltaqgħu fit-tmienja ħdejn Bieb il-Belt.

(i)llum (iżda: bħal-lum, mil-lum, sal-lum, tal-lum, eċċ.)

Illum nagħlaq snini.
Illum ma trid tistagħġeb b’xejn.
L-ittra bgħatthielu llum u jirċeviha għada.
Se naqilbu l-folja u mil-lum ’il quddiem m’intix se tara ċenteżmu ieħor mingħandi.
Il-pakkett ilu ħmistax li ntbagħat imma sal-lum għadu ma wasallix.
Iż-żgħażagħ tal-lum għandhom wisq iktar xi jtellifhom minn ta’ dari.

lura

Min ġej ’il quddiem u min sejjer lura.

madanakollu, madankollu

Jgħidu li jħobbuh; madankollu, ħadd ma mar jarah.

madwar

Eżatt ma nafx, imma ngħidlek li kien hemm madwar tletin ruħ b’kollox.
Mort mixja madwar ir-raħal.

maġenb

Joqgħod sewwasew maġenb il-knisja.

manġapassiġġa

Hekk sewwa! Il-mara taħdem u int manġapassiġġa.

matul

Matul il-lejl għamlet ħafna xita.

minbarra

Minbarra l-impjieg, trid tlaħħaq ukoll max-xogħol tad-dar.

minflok

Minflok ma jgħinna, dejjem insibuh itellifna.

minfuq

Għandu tort, u minfuq irid jieħu tiegħu.

mingħajr

Mingħajr flus ma tagħmel xejn.

mingħalija, -k, -h, eċċ.

Jien kien mingħalija li inti kont taf b’kollox.

mingħand

Il-bolol jinxtraw mingħand tal-gazzetti.
Kif kont hemm, xtrajt kollox mingħandu.

minnufih

Tħallix żmien iktar, itlaq minnufih.

(i)mnalla

Imnalla ġibtuh intom l-inbid.

nofsillejl “12.00 am”

F’nofsillejl ftaħna x-xampanja u xtaqna s-sena t-tajba lil xulxin.

nofsinhar “12.00 pm”

F’nofsinhar kulħadd jieqaf mix-xogħol għall-ikel.
F’nofsinhar bumm konna nduru madwar il-mejda b’regolarità militari.
Wara nofsinhar id-dell jibda jitwal.

(in-)nofsiegħa “12.30 am jew pm” (imma ara wkoll nofs siegħa).

Ħarġet mal-ħbieb, u missierha mar jiġborha fin-nofsiegħa ta’ filgħodu.

nofstanhar (pl. nofstanhari / nofstanharijiet)

Dam nofstanhar jilgħab mal-karozza.
Fis-sajf il-ħaddiema tal-gvern jaħdmu bin-nofstanhari.

pereżempju

Int, pereżempju, għal xiex ġejt hawn dalgħodu? perkażu
Imma jekk, perkażu, ikunu qed jitkellmu bejniethom, ma għandekx tindaħal.

pezzakustjoni

Mindu dak il-pezzakustjoni daħal jaħdem magħna, spiċċaw il-paċi u l-għaqda ta’ bejnietna.

qabelxejn

Qabelxejn, nirringrazzja lil ommi għax kienet hi li xettlet fija l-imħabba lejn l-arti.

radjudramm

Fis-sittinijiet, il-palk sab żvog ġdid fir-radjudramm minn fuq ir-Rediffusion.

sadanittant, sadattant

Sadanittant, in-naħa l-oħra tal-Belt kienet qed isseħħ storja tinkiteb.

safrattant

Safrattant dak li ried jagħmel, xorta għamlu.

sakemm

Beħsiebni niġi, sakemm ma jinqala’ xejn.
Sakemm wasal sidu, il-qattus laħaq għamel straġi fil-kċina.

santafjakka

Jinżel ikaxkar saqajh mat-triq, bis-santafjakka.

santapaċenzja

Is-santapaċenzja, kif qridtni!

sewwasew

Il-logħob se jibda sewwasew issa.

skansafaċendi

Dak skansafaċendi; torbotx fuqu.

sogħobbih (jisgħobbih, eċċ.)

Jisgħobbija li ma nistax niġi miegħek illum.
Imxi sewwa ma’ ta’ taħtek, biex ma jisgħobbikx minn għemilek.
NB:
Dawn il-kelmtejn tant intrabtu flimkien li fin-negattiv, ngħidu aħna, iġibu ruħhom bħala verb wieħed
flimkien (għaliex ngħidu: ma jisgħobbikx u mhux ma jisgħobx bik).

stabene

Miskin il-fqir għax ibati l-ġuħ, min ikun stabene lanqas jinduna bl-għoli tal-ħajja.

tabilħaqq

Għandu karattru tabilħaqq skifuż.
Tabilħaqq, għandek raġun.

tabirruħ(u)

Għaddiet minn quddiemi, iżda għamilt tabirruħi li ma rajthiex.

tampar

Oħtok u ħija tampar xulxin.
Il-mamà tiegħu tampari.

taparsi

Taparsi mhux qed nisma’ dak li qed tgħid fuqi.

tassew

Dun Karm kiteb poeżiji tassew sbieħ.

teledramm

Tkun xi tkun il-kwalità artistika tiegħu, it-teledramm bil-Malti dejjem popolari.

użufrutt

Id-dar tal-ulied, imma l-ġenituri għandhom l-użufrutt tagħha.

waranofsinhar “il-medda ta’ ħin minn nofsinhar sa qabel filgħaxija”

Il-waranofsinhar it-tajjeb.
Għaddejt il-waranofsinhar kollu naqra u issa għandi moħħi mixrub.

xħin

Xħin daħlu, marru jorqdu minnufih.
Xħin tasal, ċempel il-qanpiena.

(i)żżejjed

Issa żżejjed! Wissejtek kemm-il darba u se jkolli nirrappurtak.

Kliem li jinkiteb mifrud

Il-kliem fl-espressjonijiet li ġejjin jinkiteb mifrud bi spazju jew b’sing, skont kif jidher hawn taħt.

barra minn dan
barra minn hekk
bħal meta
bħal xejn
bil-ġiri (imma ara wkoll f’Appendiċi A: bilġri)
bil-kif
dal-ħin
dal-lejl
darba fill
fil-fatt
għad illi, għad li
fl-aħħar (+ sa fl-aħħar)
għal biex
għal daqshekk, ara daqshekk
għal daqsxejn, ara daqsxejn
għal għarrieda
għall-aħħar
għall-anqas, għall-inqas, ara lanqas
għal li
għal tal-apposta, għal t’apposta, ara apposta
għal xiex
kull darba
kull fejn
kull meta
kull min
kull xejn
liema bħalu, liema bħalha, eċċ.
NB:
Il-kitba liema qed tieħu post il-kitba li ma fi frażijiet bħal dehra ta’ ġmiel liema bħalu.
lil hawn
lil hemm
lil hinn
linji gwida
mill-anqas, ara lanqas
minn bejn
minn daqqiet, minn xi daqqiet
minn daqshekk, ara daqshekk
minn fejn
minn tagħna
iżża ħajr
NB:
Għalkemm dawn il-kelmtejn x’aktarx jingħadu flimkien f’għamla ta’ formola u ġieli ssibhom miktuba f’kelma waħda, il-verb iżża huwa kkonjugat regolarment u jista’ jieħu l-pronom mehmuż bħal verbi oħra (ara: niżżi ħajr, niżżik ħajr, jiżżu ħajr, jiżżuna ħajr).
nofs siegħa “medda ta’ ħin ta’ 30 minuta” (imma ara wkoll nofsiegħa)
sa fejn
sa fl-aħħar, ara fl-aħħar
sal-aħħar
ta’ bilfors, ara bilfors
tal-anqas, ara lanqas
t’apposta, tal-apposta, ara apposta
wara nofsinhar “wara 12.00 pm”, ara nofsinhar
xi ħadd
xi ħaġa
xi kultant, ara kultant
xi mkien
xi minn daqqiet
Data tal-aħħar aġġornament: 30.11.2011
It-tarf ta’ fuq tal-paġna
Il-paġna ta' qabelIl-paġna li jmiss