ISSN 1831-5380
Mappa tas-sit | Avviż legali | L-Cookies | FAQ | Kuntatt | Ipprintja l-paġna

10.7. L-abbrevjazzjonijiet u l-akronimi

Innota d-differenza bejn abbrevjazzjoni propja, fejn l-aħħar parti tal-kelma hija maqtugħa (bħal pereżempju, vol., ink., kont.), u t-tip ta’ abbrevjazzjoni l-oħra fejn insibu sospensjoni tal-ittri fin-nofs minbarra l-ewwel u l-aħħar ittra (bħal pereżempju, Dr, Ltd). Dawn tal-aħħar dejjem jinkitbu mingħajr il-punt finali filwaqt li fl-oħrajn iżommuh.

Akronimu huwa kelma ffurmata mill-ittri inizjali ta’ kelmiet oħra (NATO, Unesco) u bħala prinċipju ġenerali, fl-akronimi ma nagħmlux punt bejn il-kapitali. L-akronimi għandhom jiġu evitati jekk it-tifsira tagħhom mhix ċara jew magħrufa. Sabiex ikunu ċċarati, wieħed għandu jispjega l-akronimu fl-ewwel okkorrenza tiegħu u jżid l-akronimu fil-parentesi fl-aħħar. Inkella wieħed jista’ jagħmel lista tal-abbrevjazzjonijiet li l-qarrej se jsib fid-dokument fil-paġna ta’ wara l-werrej:

Dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) għas-sena finanzjarja 2007

Sabiex jiffaċilita l-konkordanza bejn it-testi multilingwi, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet adotta dawn iż-żewġ regoli għal-lingwi tal-Unjoni kollha:

akronimu jew abbrevjazzjoni, inklużi l-ismijiet ta’ programmi, b’sitt ittri jew iżjed li jinqraw bħala kelma jinkitbu b’ittra kapitali fil-bidu u l-bqija ittri żgħar (Unesco, Esprit);
akronimu jew abbrevjazzjoni, inklużi l-ismijiet ta’ programmi, b’ħames ittri jew inqas minn ħames ittri jinkitbu kapitali (ŻEE, UE, AIDS, KEFA).
Data tal-aħħar aġġornament: 30.11.2011
It-tarf ta’ fuq tal-paġna
Il-paġna ta’ qabelIl-paġna li jmiss