ISSN 1831-5380
Mappa tas-sit | Avviż legali | L-Cookies | FAQ | Kuntatt | Ipprintja l-paġna

10.3. L-ittri kapitali u l-ittri ż-żgħar

Tużax l-ittri kapitali b’abbundanza. Fi ċrieki kummerċjali u amministrattivi l-ittri kapitali ħafna drabi jintużaw iżjed milli suppost. Meta tiġi fid-dubju uża l-ittri ż-żgħar.

Ir-regola ewlenija għad-differenza bejn jekk wieħed jiktibx il-kelma b’ittra kapitali jew żgħira hija jekk it-tifsira tal-kelma nnifisha fil-kuntest tkunx f’sens ġenerali jew speċifiku. L-ittri kapitali jintużaw meta jkun hemm sens speċifiku. Dawn li ġejjin huma xi eżempji:

(a)
innota d-differenza bejn: id-Direttur Ġenerali tal-Microsoft qal […] u l-pożizzjoni ta’ direttur ġenerali hija pożizzjoni għolja […]. L-ewwel waħda għandha sens partikolari/speċifiku, tat-tieni għandha sens ġenerali. Il-Membru Parlamentari, is-Sur D. Casa […]; iżda l-membri parlamentari ddibattew bil-ħerqa […]. L-Espert Nazzjonali Sekondat tal-Greċja wissa […]; iżda l-kariga ta’ espert nazzjonali sekondat hija kariga temporanja;
(b)
l-ittri kapitali juru isem proprju: is-Sinjura Sant hija traduttriċi; is-Sur Pisani laħaq president;
(c)
titolu jew isem ta’ kariga li jirreferi għal persuna partikolari jinkiteb b’ittra kbira: l-Avukat Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Arċisqof Pawlu Cremona. L-ewwel ittra ta’ titolu mqassar tinkiteb dejjem kbira: is-Sur Pawlu Vella, Dr Mario Mifsud, il-Prof. Charles Grima;
(d)
il-partijiet ta’ ismijiet ġeografiċi jew diviżjonijiet politiċi: il-Gżejjer Solomon, iżda l-gżejjer Ewropej; l-Afrika t’Isfel iżda l-qgħad naqas fin-naħa t’isfel tal-Italja. L-aġġettiv li jitnissel mill-isem tal-post jinkiteb b’ittra kbira: ir-reġjun Bask mimli siġar;
(e)
l-isem tan-nies tal-post, l-ismijiet tal-lingwi u tal-familji tal-lingwi jinkitbu b’ittra kbira: Maltija, Ewropew, il-Malti, l-Ingliż, ir-Rumanz;
(f)
fl-ismijiet xjentifiċi tal-ispeċi, l-ewwel kelma (il-ġenus) tinkiteb dejjem b’ittra kbira, filwaqt li t-tieni kelma (l-ispeċi) tinkiteb dejjem b’ittra żgħira: il-Pistacia lentiscus, il-Monticola solitarius; iżda ismijiet popolari tal-flora, il-fawna, l-elementi kimiċi, eċċ. jinkitbu b’ittri żgħar: l-oleandru, il-pitirross, l-aluminju;
(g)
l-ismijiet proprji ta’ istituzzjonijiet u għaqdiet internazzjonali: il-Kummissjoni, iżda xi kumitati waqqfu kummissjoni; il-Parlament Spanjol iżda l-parlamenti kollha Ewropej huma eletti demokratikament; il-Gvern Malti iżda kwalunkwe gvern huwa mistieden;
(h)
id-denominazzjonijiet ta’ partiti, movimenti, għaqdiet u reliġjonijiet jinkitbu b’ittra kbira: il-Partit tal-Ħodor iżda l-partiti politiċi Ewropej; il-Grupp Soċjalista, il-Partit Demokristjan, is-Soċjalisti, id-Demokristjani, il-Barokk, l-Iżlam;
(i)
fit-titoli l-ewwel ittra biss tkun kapitali: Il-leġiżlazzjoni dwar il-frott, Żona ta’ sigurtà, libertà u ġustizzja, L-ambitu tal-applikazzjoni, Proċedura ta’ kumitat;
(j)
l-ismijiet tal-jiem, ix-xhur, u l-warda tal-irjieħ jinkitbu b’ittri kbar: il-Ħamis, Novembru, ir-riħ ġej mil-Lvant b’imbatt mix-Xlokk, Lvant Nofsani, l-ekonomija tal-ex Ġermanja tal-Punent;
(k)
l-ismijiet tal-istaġuni u s-sekli jinkitbu b’ittri żgħar: ir-rebbiegħa, il-ħarifa, mis-seklu dsatax sas-seklu wieħed u għoxrin;
(l)
l-isem tal-muniti jinkiteb b’ittra żgħira: tliet euro, lira sterlina, dollaru Amerikan;
(m)
ir-referenzi għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni: ikteb Regolament, Deċiżjoni, Direttiva, Anness u Artikolu (segwiti bin-numru rispettiv) bl-ewwel ittra kapitali jekk dawn qed jirreferu għal atti speċifiċi tal-Unjoni; iżda uża ittri żgħar għal referenzi lejn direttivi, regolament/i, eċċ. f’sens ġenerali u meta qed tirreferi għal abbozz leġiżlattiv (jew fi kliem ieħor: abbozz ta’ regolament jew deċiżjoni);
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 105/2007 tal-1 ta’ Frar 2007 […]
Huma diversi regolamenti u direttivi li jillimitaw l-aċċess għall-[…]
(n)
l-ismijiet sħaħ ta’ konferenzi, konvenzjonijiet, eċċ.: […] dwar il-Konferenza ta’ Reviżjoni tal-2006 tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi, […] rigward il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità;
(o)
ir-rapporti u pubblikazzjonijiet importanti tal-Unjoni: Il-Gwida tal-Istil Interistituzzjonali, ir-Rapport Ġenerali għall-2007, […] dwar ir-Rapport Annwali 2005 tal-Qorti tal-Awdituri, […] fuq il-Programm dwar l-Attivitajiet tal-EURES; iżda […] il-ħtieġa għal rapport ta’ espert indipendenti, jeżistu ħafna programmi ta’ għajnuna […].
Data tal-aħħar aġġornament: 24.7.2019
It-tarf ta’ fuq tal-paġna
Il-paġna ta’ qabelIl-paġna li jmiss