ISSN 1831-1831-5380
Avviż legali | Mappa tas-sit | FAQ | Kuntatt | © | Ipprintja l-paġna

10.2. Għajnuna ortografika

10.2.1. Indikazzjonijiet dwar l-ortografija

Il-bażi tal-Malti huwa s-Semitiku. Iżjed tard il-Malti beda jiġi influwenzat ħafna mill-Isqalli, it-Taljan, u riċentement l-Ingliż ukoll. Peress li dawn kollha ġejjin minn familji lingwistiċi totalment differenti li flimkien jiffurmaw il-Malti, importanti li nżommu f’moħħna li r-regoli bażiċi tas-Semitiku, tar-Rumanz u tal-Ġermaniku ma jistgħux jintużaw kif ġieb u laħaq.

Is-Semitiku jimxi skont l-għerq (trilitteru jew kwadrilitteru): eż. fittex, għażel, fehem u oħrajn. L-għerq jinstab billi wieħed jistaqsi “Huwa x’għamel?” fl-ewwel forma; għaldaqstant l-għerq ta’ dawn il-verbi huma f-t-x, għ-ż-l u f-h-m. Kull kelma mnissla minnhom, għandha żżomm is-sekwenza tal-ittri tal-għerq, jiġifieri fittixtilhom, fittixnihomlhom, ażilt, agħżel, fehemhielha, fehma, eċċ.

Ir-Rumanz u l-Ġermaniku għandhom sistema kompletament differenti. Dawn iż-żewġ familji lingwistiċi jimxu skont iz-zokk morfemiku u kull kelma mnissla minnhom tinbena billi jiżdiedu l-prefissi jew is-suffissi maz-zokk morfemiku. Bħala regola, iz-zokk morfemiku ma jintmissx. Hekk pereżempju:

żvilupp: niżviluppa, żviluppajna, żviluppaturi, żviluppat
integra: integrazzjoni, nintegraw, diżintegrat
informa: informajtek, informattiv, ma informajtux

L-ittri taz-zokk morfemiku mhux biss ma jibdlux il-pożizzjoni, iżda ma jistgħux jaqgħu anki jekk jaħbtu wara kelma b’vokali, għas-sempliċi raġuni li l-ittri kollha taz-zokk morfemiku huma importanti għall-fehim tat-tifsira tagħha:

Ir-riżoluzzjoni tal-PE hija parti integrali […](u mhux parti ntegrali)
Proposta biex tiġi użata iktar forza […](u mhux tiġi wżata)
[…] dwar l-informazzjoni inkluża […](u mhux informazzjoni nkluża)
[…] ta’ impjieg temporanju bi ħlas […](u mhux ta’ mpjieg/ta’ mpieg)
[…] l-approprjazzjoni hija intiża sabiex […](u mhux hija ntiża)

Tajjeb inżommu f’moħħna wkoll li l-prefissi in, im, il (u oħrajn) ma jintmessux lanqas għax dawn huma fissi. Hekk per eżempju:

[…] kwalunkwe attività illegali […](u mhux attività llegali)
[…] wasalna indirettament […](u mhux wasalna ndirettament)
Ġbir ta’ numru insuffiċjenti ta’ kampjuni […] (u mhux numru nsuffiċjenti)

10.2.2. Singular jew plural?

Il-korpi u l-istituzzjonijiet (u l-maġġoranza tal-pajjiżi) ġeneralment jieħdu verb singular:

L-Unjoni Ewropea hija […]
Il-Kunsill huwa […]

Madankollu, hemm eċċezzjoni meta l-membri individwali ta’ korp (pajjiż, istituzzjoni, eċċ.) qed jiġu enfasizzati:

Il-membri tal-Kunsill kienu […]
Tliet pajjiżi mill-EU-27 ma ffirmawx […]

Fil-Malti, in-nomi li jiġu wara n-numri li jispiċċaw minn tnejn sa għaxra (eż. 2, 4, 6, 102, 104, 106, 806, 808, eċċ.) biss jieħdu l-plural, il-bqija dejjem jieħdu s-singular:

Pajjiż minnhom ivvota favur. Tliet pajjiżi vvutaw kontra u disa’ pajjiżi oħra astjenew. Għoxrin pajjiż ma attendewx għal-laqgħa u erbgħin pajjiż ieħor irrifjutaw il-ftehim.

L-aġġettivi jibqgħu fis-singular u l-verbi fil-plural:

Ħmistax-il pajjiż kbir attendew […]

In-numri minn tnejn sa għaxra jistgħu jieħdu t-t marbuta:

Tlett ifliexken tkissru […]
Ħamest itfal instabu […]
Sebat ibnadar twaħħlu […]
Tmint iqtates mietu […]
Disat ifrieħ twieldu […]
Data tal-aħħar aġġornament: 30.11.2011
It-tarf ta’ fuq tal-paġna
Il-paġna ta’ qabelIl-paġna li jmiss