ISSN 1831-5380
Mappa tas-sit | Avviż legali | L-Cookies | FAQ | Kuntatt | Ipprintja l-paġna

4.3. Tipi ta’ pubblikazzjonijiet

Fil-livell internazzjonali, l-identifikazzjoni u l-klassifikazzjoni tad-dokumenti huma regolati minn ftehimiet u standards differenti, b’mod partikolari dawn li ġejjin:

ISO 690:2021: referenzi bibljografiċi
https://www.iso.org/standard/72642.html
ISO 5127:2017: informazzjoni u dokumentazzjoni, glossarju
https://www.iso.org/standard/59743.html
ISO 2108:2017: numru internazzjonali standard tal-ktieb (ISBN)
https://www.iso.org/standard/65483.html
https://www.isbn-international.org
ISO 3297:2020: numru internazzjonali standard tal-pubblikazzjonijiet fis-serje (ISSN)
https://www.iso.org/standard/73846.html
deskrizzjoni bibljografika standard internazzjonali (International Standard Bibliographic Description (ISBD)), Federazzjoni internazzjonali tal-għaqdiet tal-bibljotekarji u tal-bibljoteki (International Federation of Library Associations and Institutions (IFLA))
https://www.ifla.org/files/assets/cataloguing/isbd/isbd-cons_2007-en.pdfPDF
L-istandards ISO jistgħu jinkisbu mingħand il-membri tal-ISO, li l-lista tagħhom tinsab fuq is-sit
(https://www.iso.org/members.html).

Skont it-tifsira ta’ dawn l-istandards u l-ftehimiet, il-pubblikazzjonijiet jistgħu jinqasmu f’żewġ kategoriji ewlenin: il-monografiji u r-riżorsi kontinwi.

4.3.1. Monografiji

Skont l-istandard ISO 2108:2017 (ISBN), il-monografiji huma pubblikazzjonijiet mhux perjodiċi, kompluti f’volum wieħed jew maħsuba li jkunu kompluti f’numru limitat ta’ volumi separati, li jistgħu jiġu ppubblikati simultanjament jew le, u jkunu disponibbli għall-pubbliku f’kull forma ta’ prodott (ktieb bil-qoxra iebsa, ktieb bil-qoxra ratba, ktieb awdjo fuq kasett, CD, DVD, ktieb bil-braille, sit web, ktieb elettroniku, eċċ.).

Il-monografiji f’diversi volumi jikkonsistu f’numru speċifikat ta’ partijiet fiżikament separati (volumi distinti), għajr għall-pubblikazzjonijiet f’faxxikli. Dawn maħsuba li jiġu ppubblikati bħala ħaġa waħda. Il-partijiet separati jista’ jkollhom it-titolu tagħhom stess kif ukoll indikazzjoni tar-responsabbiltà.

Kull monografija hi identifikata permezz ta’ numru internazzjonali standard tal-ktieb, jew ISBN (international standard book number (ara t-Taqsima 4.4.1)).

4.3.2. Riżorsi kontinwi

Skont l-istandard ISO 3297:2020 (ISSN), ir-riżorsi kontinwi huma xogħlijiet li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku f’kull format, f’edizzjonijiet suċċessivi jew integrati li ġeneralment ikollhom fuqhom in-numru tal-ordni jew l-indikazzjoni kronoloġika u li t-tul ta’ żmien tal-pubblikazzjoni tagħhom ma jkunx stabbilit minn qabel. Ir-riżorsi kontinwi jinkludu:

il-pubblikazzjonijiet f’serje, li huma definiti bħala riżorsi ppubblikati mingħajr limiti ta’ żmien f’edizzjonijiet suċċessivi jew f’partijiet separati, li huma ġeneralment innumerati (gazzetti, rivisti, perjodiċi, ġurnali stampati jew elettroniċi, pubblikazzjonijiet annwali (rapporti, kotba annwali, reġistri, eċċ.), memorji u ġabriet ta’ monografiji);
ir-riżorsi integrati permanenti, li huma definiti bħala riżorsi kontinwi kompluti permezz ta’ aġġornamenti integrati, mingħajr limiti ta’ żmien (databases, pubblikazzjonijiet ta’ folji separati aġġornati b’mod kontinwu jew siti web aġġornati kontinwament, bħall-Gwida tal-Istil attwali fil-verżjoni tagħha fuq l-Internet).
NB:
Ġabra tfisser għadd ta’ pubblikazzjonijiet separati, kull waħda b’titolu tagħha, marbuta flimkien permezz ta’ titolu kollettiv. Dan it-titolu kollettiv huwa t-titolu tal-kollezzjoni. Kull pubblikazzjoni separata tista’ tkun innumerata jew le. Il-pubblikazzjonijiet li jagħmlu parti minn ġabra jistgħu jkunu monografiji jew pubblikazzjonijiet f’serje.

Kull riżorsa kontinwa hi identifikata b’numru internazzjonali standard tal-pubblikazzjonijiet fis-serje, jew ISSN (international standard serial number (ara t-Taqsima 4.4.2)).

4.3.3. Pubblikazzjonijiet f’serje jew monografiji kkombinati

Barra minn hekk, ċerti pubblikazzjonijiet f’serje (kotba annwali u ġabriet monografiċi) għandhom jitqiesu bħala monografiji maħsuba, pereżempju, għall-ħtiġijiet ta’ tqegħid fis-suq. Dawn għandhom ikunu jistgħu jinkisbu individwalment jew permezz ta’ abbonament.

Dawn il-pubblikazzjonijiet għandhom, b’mod partikolari, jitqiesu bħala pubblikazzjonijiet f’serje u jingħataw ISSN. Barra minn hekk, bħala monografiji dawn għandhom ISBN.

Data tal-aħħar aġġornament: 5.2.2022
It-tarf ta’ fuq tal-paġna
Il-paġna ta’ qabelIl-paġna li jmiss