ISSN 1831-1831-5380
Avviż legali | Mappa tas-sit | FAQ | Kuntatt | Ipprintja l-paġna

Preambolu

L-isfond storiku

1952

Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat KEFA, inħoloq ġurnal uffiċjali għall-pubblikazzjoni ta’ avviżi, id-deċiżjonijiet u atti oħrajn.
Il-Ġurnal Uffiċjali ħareġ għall-ewwel darba fit-30 ta’ Diċembru.
Mill-1952 sad-19 ta’ April 1958, il-ġurnal kien jismu Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, bl-Olandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż u t-Taljan bħala lingwi uffiċjali.

1958

Wara d-dħul fis-seħħ ta’ żewġ trattati oħra, it-Trattat KEE (Komunità Ekonomika Ewropea) u t-Trattat Euratom, it-titolu tal-Ġurnal Uffiċjali ġie adattat u sar Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.
Il-Ġurnal Uffiċjali l-ġdid ħareġ għall-ewwel darba fl-20 ta’ April.

1968

Is-serje L (Leġiżlazzjoni) u s-serje C (Informazzjoni u Avviżi) bdew jiġu ppubblikati f’Jannar.
L-ewwel ħarġa tas-serje L ġiet ippubblikata fit-3 ta’ Jannar.
L-ewwel ħarġa tas-serje C ġiet ippubblikata fit-12 ta’ Jannar.

1978

L-ewwel ħarġa tas-serje S (Suppliment għall-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej) ġiet ippubblikata fis-7 ta’ Jannar.
Is-sejħa għall-offerti u l-avviżi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, pereżempju, kienu ppubblikati qabel fis-serje L (sa Diċembru 1974) u fis-serje C (sa Diċembru 1977) rispettivament.

1981

Id-database tas-CELEX (Communitatis Europaeae Lex) — sistema ta’ dokumentazzjoni interistituzzjonali multilingwi awtomatizzata għal-liġi Komunitarja — saret aċċessibbli għall-pubbliku.
Mifruxa fil-Kummissjoni kollha, is-CELEX hija aċċessibbli fuq l-Internet u fuq tejp manjetiku.

1986

Is-serje S saret aċċessibbli f’forma elettronika (database tat-Tenders Electronic Daily (TED)).

1987

Is-serje L u s-serje C saru aċċessibbli fil-forma ta’ microfiche.

1991

Inħolqot is-serje C … A.

1992

F’Ottubru, il-ġestjoni tas-CELEX ġiet ittrasferita mill-Kummissjoni għall-Uffiċċju tal-Pubblikazz­jonijiet.

1997

Is-serje S saret disponibbli fuq CD-ROM.

1998

Is-serje L u s-serje C saru disponibbli fuq is-sit tal-EUR-Lex fuq l-Internet.
Mill-1 ta’ Lulju, is-serje S ma baqgħetx tiġi ppubblikata f’verżjoni stampata iżda f’verżjoni elettronika biss fuq CD-ROM u fuq l-Internet (id-database tat-TED).

1999

Mill-31 ta’ Awwissu s-serje C … E bdiet tiġi ppubblikata f’forma elettronika (E = elettronika).

2001

Is-serje L u s-serje C saru disponibbli fuq CD-ROM.

2002

L-aċċess għall-EUR-Lex sar b’xejn mill-1 ta’ Jannar.

2003

Mill-1 ta’ Frar, il-Ġurnal Uffiċjali reġa’ bidel ismu għal Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (it-Trattat ta’ Nizza).

2004

Mill-1 ta’ Mejju, il-Ġurnal Uffiċjali beda jiġi ppubblikat f’20 lingwa minħabba t-tkabbir. Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 930/2004 saret eċċezzjoni għall-edizzjoni Maltija tal-ĠU — għal tliet snin (mill-1.5.2004 sat-30.4.2007) l-istituzzjonijiet kienu obbligati jippubblikaw bil-Malti biss ir-regolamenti adottati b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.
L-istrixxa bil-kulur fuq l-ispina tal-ĠU tneħħiet fl-1 ta’ Mejju u l-verżjonijiet lingwistiċi huma identifikati bil-kodiċi ISO fuq quddiem u wara tal-ġurnal.
Mill-1 ta’ Mejju, id-databases tas-CELEX u l-EUR-Lex bdew ikunu disponibbli fi 22 lingwa.
L-aħħar verżjoni stampata tad-Direttorju tal-Leġiżlazzjoni Komunitarja fis-seħħ ġiet ippubblikata f’Lulju. Għaldaqstant, minn Awwissu ’l quddiem id-Direttorju jinsab fl-EUR-Lex.
Mill-1 ta’ Novembru, l-entrati fid-database tas-CELEX ġew integrati fid-database tal-EUR-Lex u fil-31 ta’ Diċembru s-CELEX ma baqax jiġi aġġornat.

2007

Mill-1 ta’ Jannar, il-Ġurnal Uffiċjali beda jiġi ppubblikat fi 23 lingwa minħabba l-adeżjoni tar-Rumanija u l-Bulgarija, u minħabba d-deċiżjoni li tiġi ppubblikata l-leġiżlazzjoni sekon­darja bl-Irlandiż. Madankollu, fil-verżjoni Irlandiża bdiet issir eċċezzjoni simili għal dik li saret għall-Malti: għal ħames snin (mill-1.1.2007 sal-31.12.2011, id-data estiża bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1257/2010 sal 31.12.2016), l-istituzzjonijiet huma biss obbligati jippubblikaw bl-Irlandiż ir-regolamenti adottati b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill flimkien (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 920/2005).
Fl-1 ta’ Jannar ġiet implimentata struttura ġdida għall-klassifikazzjoni tal-atti ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali.

2009

Mill-1 ta’ Diċembru, il-jum li fih daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona, żdiedet struttura tempo­ranja mal-verżjoni L tal-ĠU, intitolata “Atti adottati mill-1 ta’ Diċembru 2009, skont it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat Euratom”.

2010

Fl-1 ta’ Jannar, ġiet introdotta struttura ġdida rigward il-klassifikazzjoni tal-atti fil-ĠU li tirrifletti l-bidliet li saru permezz tat-Trattat ta’ Lisbona.

Servizzi awturi għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji

L-elenku sħiħ tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji jinsabu fit-Taqsima 9.5.

Il-Parlament Ewropew (Brussell, il-Lussemburgu u Strasburgu)

Diversi dipartimenti jibagħtu t-testi tagħhom lill-Ġurnal Uffiċjali.

Kunsill Ewropew (Brussell)

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jibgħat it-testi.

Kunsill tal-Unjoni Ewropea (Brussell)

Is-Segretarjat Ġenerali jibgħat it-testi.

Il-Kummissjoni Ewropea (Brussell u l-Lussemburgu)

Is-Segretarjat Ġenerali huwa responsabbli biex jibgħat it-testi tal-Kummissjoni li għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali: dawn huma l-atti legali vinkolanti (is-serje L), il-proposti tal-Kummissjoni, l-informazzjoni u l-avviżi (is-serje C), u s-sejħiet għall-kuntratti u l-avviżi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (is-serje S).

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Il-Lussemburgu)

Ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa responsabbli biex jipprovdi t-testi.

Bank Ċentrali Ewropew (Frankfurt am Main)

Id-Direttorat Ġenerali Segretarjat u Servizzi Lingwistiċi jew id-Direttorat Ġenerali għas-Servizzi Legali jipprovdi t-testi.

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (Il-Lussemburgu)

L-Unità “Komunikazzjoni u Rapporti” hija responsabbli biex tibgħat it-testi.

Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (Brussell)

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jibgħat it-testi.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (Brussell)

Ir-Reġistru jibgħat it-testi.

Il-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea (Brussell)

Ir-Reġistru jibgħat it-testi ta’ diversi unitajiet.

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (Il-Lussemburgu)

Ħafna awturi jipprovdu t-testi differenti.

L-Ombudsman Ewropew (Strasburgu) u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (Brussell)

Ħafna awturi differenti jipprovdu t-testi.

Uffiċċji u aġenziji

Għal-lista tal-uffiċċji u l-aġenziji, ara t-Taqsimiet 9.5.3 sa 9.5.6.

Għal-lista multilingwi tal-istituzzjonijiet, il-korpi, is-servizzi interistituzzjonali, l-uffiċċji u l-aġenziji, ara l-Anness A9.

LegisWrite

Il-LegisWrite hija għodda informatika li tgħin fit-tfassil, ir-reviżjoni u l-iskambju ta’ dokumenti uffiċjali bejn l-istituzzjonijiet, irrispettivament jekk humiex ta’ natura leġiżlattiva jew le. Din l-għodda tistandardizza l-istruttura u l-preżentazzjoni tat-testi.

Tista’ tikseb iktar informazzjoni fuq is-sit tal-LegisWrite, aċċessibbli għall-impjegati tal-Kummissjoni (http://myintracomm.ec.europa.eu/corp/digit/EN/doc_mgt/legiswrite/pages/index.aspx) u għall-impjegati ta’ istituzzjonijiet oħra, u tal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji (https://myintracomm-ext.ec.europa.eu/corp/digit/EN/doc_mgt/Legiswrite/Pages/index.aspx).

Xogħlijiet ta’ referenza

Ix-xogħlijiet ta’ referenza ewlenin għat-testi li jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali huma dawn li ġejjin:

(a)
għal problemi ta’ natura lingwistika:
L-Akkademja tal-Malti, Tagħrif fuq il-Kitba Maltija, Malta, Gutenberg Press, 2004,
Aquilina Joseph, English-Maltese Dictionary Vol. 1-4, Malta, Midsea Books Ltd, 1999,
Aquilina Joseph, Maltese-English Dictionary Vol. 1 & 2, Malta, Midsea Books Ltd, 1999,
Serracino Inglott Mario, Id-Dizzjunarju Malti u Teżawru ta’ Malti Mħaddem, Malta, Gutenberg Press, 2003,
(b)
għal dak li għandu x’jaqsam mal-abbozzar tal-leġiżlazzjoni:
Il-Kunsill, Formularju tal-Atti Stabbiliti fi ħdan il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Brussell, edizzjoni 2010,
Gwida Prattika Komuni għall-Abbozzar tal-Leġiżlazzjoni Komunitarja (tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni).
(c)
għall-akronimi u t-taqsiriet:
IATE (database għall-ġbir, id-distribuzzjoni u l-ġestjoni kondiviża tat-terminoloġija bejn l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u korpi oħra tal-Unjoni Ewropea).
(d)
għall-verifika tat-titoli, tal-kontenut, u tal-aħħar emendi tal-atti, eċċ.:
EUR-Lex (jipprovdi aċċess dirett u b’xejn għal-liġi tal-UE u l-ĠU, kif ukoll it-trattati, il-leġiżlazzjoni, il-ġurisprudenza u l-proposti leġiżlattivi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-ħtieġa għal konsistenza fit-titoli u fid-definizzjonijiet ta’ termini f’dokumenti leġiżlattivi li huma relatati ħafna, bħal pereżempju bejn dokument leġiżlattiv li jemenda dokument ieħor).
(e)
għall-qari tal-provi stampati tal-Ġurnal Uffiċjali (ir-regoli tal-layout, struzzjonijiet tipografiċi, eċċ.):

Barra minn hekk, ċerti edizzjonijiet tal-Ġurnal Uffiċjali jservu bħala referenza fissa f’oqsma bħall-agrikoltura, is-sajd, ftehimiet kummerċjali, in-Nomenklatura Magħquda, ftehimiet ma’ pajjiżi terzi, eċċ.


(*)
Ħolqa interna/dokument ta’ ħidma għall-persunal tal-istituzzjonijiet Ewropej. Verżjoni bil-Malti ma teżistix.
Data tal-aħħar aġġornament: 27.5.2014
It-tarf ta’ fuq tal-paġna
Il-paġna ta’ qabelIl-paġna li jmiss